Il-knisja
Din il-knisja hija fost l-isbaħ li għandna fil-gżejjer tagħna. L-antikita tagħha nistgħu narawha mill-gwarniċa nofs tond li hemm fuq il-bieb prinċipali. Fortunatament meta saru alterazzjonijiet fil-faċċata matul iż-żmien, din il-gwarniċa tħalliet kif kienet fl-oriġinali. Oħrajn simili tagħha nisbuhom fi knejjes ta’ oriġini medjevali, bħal dik li naraw fil-knisja ta’ San Bażilju fl-Imqabba. Il-knisja għandha tieqa rettangolari li hi l-uniku sors ta’ dawl għal ġewwa l-knisja, u bieb ieħor fuq in-naħa tax-xellug. Iktar tard żdied il-kampnar imdaqqas li hemm fuq l-knisja, fejn għad hemm il-qanpiena. Għadna nistgħu naraw ukoll xi mwieżeb tal-ilma tax-xita. Maġenb il-bieb prinċipali hemm żewġ bankijiet tal-ġebel wieħed fuq kull naħa tal-bieb.
Minn ġewwa l-knisja għandha saqaf xorok ċatt, li jistrieħ fuq arkati kbar ġejjin għall-ponta u li jibqgħu niżlin sal-art. Din hija xhieda oħra tal-qedem ta’ din il-knisja. Il-kwadru titulari tal-knisja juri x-xbieha ta’ Marija Santissima tiela' s-sema. Dan qiegħed f’perspettiva tal-ġebel li fiha pilastri li jżommu pediment segmentali. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru titulari naraw kwadru ieħor sabiħ ta’ Kristu quddiem Pilatu. Dawn iż-żewġ kwadri huma attribwiti għall-allievi tal-iskola ta’ Francesco Zahra.
|
Fuq in-naħa tax-xellug tat-titular hemm kwadru żgħir li juri lil Kristu mgħobbi bis-salib. Hemm ukoll kwadru tal-Madonna tar-Rużarju fis-sagristija tal-knisja. Fil-knisja nsibu wkoll statwi ta’ Santu Rokku u ta' Santa Rita.
Matul dawn l-aħħar snin il-knisja sarilha xi restawr. Riċentament, fl-2015, kien imiss l-orgni antik li kien jinsab fil-knisja biex jiġi restawrat. Kien f’kundizzjoni tassew ħażina, “tajjeb biss għall-ħruq” skont uħud. Iżda l-Fondazzjoni Patrimonju Siġġiewi ħasbuha mod ieħor u qabbdu r-restawratur tal-orgnijiet, l-Inġinier Robert Buhagiar, biex jirrestawrah u jġibu jaħdem mill-ġdid. Dan hu orgni żgħir antik ferm u li jmur lura għas-seklu sbatax. Jissejjaħ orgni “ottavino” għax peress li jista’ jitqies bħala orgni fil-minjatura u għalhekk il-kanen tiegħu huma qosra ħdejn ta’ orgnijiet oħrajn, idoqq noti ottava ‘l fuq min-normal. Bħalu ftit għad jeżistu eżempji li għadhom jaħdmu kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija, minn fejn kienu jinġabu u għalhekk ir-restawr tiegħu ifisser li opra artistika li setgħet intilfet ġiet salvata. Kellhom isiru tiswijiet u restawr fuq il-kaxxa tal-injam ta’ barra, il-minfaħ, it-tastiera, il-pedali, il-mekkaniżmu kif ukoll fuq is-sfafar li hemm uħud minnhom tal-metall u oħrajn tal-injam. F’kelma waħda kollu kemm hu kellu bżonn restawr estensiv. Iżda llum qed jerġa’ jkanta bħalma kien ikanta mijjiet ta’ snin ilu.
Il-festa
Fl-imgħoddi f’din il-knisja kienet tiġi ċċelebrata festa fil-jum tal-għid tal-Assunta, jiġifieri l-15 t’Awwissu. Hemmhekk kienu jitkantaw il-vespri, u l-kapillan tas-Siġġiewi kien jitla' jqaddes quddiesa għal okkażżjoni.
Kemmxejn kurjuża kienet id-drawwa li fil-quddiesa ta’ fil-għaxija ta’ nhar il-festa, il-paneġirku kien isir fuq Santu Rokku, il-protettur tal-morda bil-pesta. Jidher li dan il-qaddis minn Montpelier kellu devozzjoni ukoll f’dan ir-raħal, ħaġa komuni ħafna madwar Malta kollha. Fil-fatt fil-knisja għadna naraw statwa tal-ġebel iddedikata lil dan il-qaddis.
|
Il-festa llum għadha ssir ta’ kull sena, imma issa qed tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-15 t’Awwissu. Il-knisja tiġi armata għall-okkażżjoni u wara l-quddiesa ta' fil-għaxija jkun hemm festin, u jinħaraq xi logħob tan-nar tal-art.
Kitba ta’ Roderick Busuttil RitrattiL Reyden Mizzi, Caropline Busuttil, Carmelo Vella, Anthony M. Brincat, Fr. Jonathan Farrugia u mill-Internet Pittura: Jacqueline Agius
|