KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt ta' Guzi Sammut

Il-knisja ta’ Santa Marija
~ Ħal Safi ~

Fir-raħal ċkejken ta’ Ħal Safi, minbarra l-knisja parrokjali ta’ San Pawl, insibu knisja oħra, knisja żgħira, imma ħelwa. Din hi l-knisja ta’ Santa Marija, il-Madonna taħt it-titolu tal-Assunta.

Il-knisja l-qadima

Din il-knisja nbniet darbtejn.  Dik tal-ewwel ma nafux meta nbniet, iżda fil-bidu tas-seklu sittax kienet diġa teżisti. Insibu li fis-snin ta’ qabel l-Assedju l-Kbir, Vinċenz Manduca, mill-Imdina, kien jagħmel ikla lill-fqar tar-raħal ta’ Ħal Safi nhar il-festa tal-Assunta - ħaġa li diġà kien jagħmilha qablu missieru bħala obligu li kellu fuq għalqa msejħa Tal-Qattara.


Ritratt ta' Anthony M.  Brincat

Meta Mons. Dusina żar dan ir-raħal waqt il-viżta pastorali tal-1575, hu sab li din il-knisja la kellha bibien u lanqas art sura ta’ nies. Fiha kien hemm altar wieħed, u xbieha tal-Madonna.   Fl-1600, il-knisja kellha s-saqaf joqtor, u kien hemm ħafna ħsara fil-ġebel. Saru xi tiswijiet u fl-1615 issemma li quddiemha kellha zuntier wiesa’. Dak iż-żmien il-festa kienet qiegħda tagħmilha Marija Falzon mill-Imdina.  Fl-1636 il-knisja kienet f’idejn Ġlormu De Noto.

Fis-sena 1658 il-knisja kienet mitluqa għal kollox. Għalhekk l-isqof Balaguer qatagħha li jipprofanaha u ddesakraha fil-25 ta’ Novembru tal-istess sena.

Għaddew ħamsa u għoxrin sena, u iben Ġlormu De Noto, Vitor, intrabat li jerġa’ jagħti l-ħajja lil din il-knisja.  Kellu jirranġaha u jagħmel sitt quddisiet fis-sena fil-festi tal-Madonna, jiġifieri tat-Twelid, tal-Preżentazzjoni, tal-Kunċizzjoni, tal-Purifikazzjoni, tat-Tħabbira, u tal-Viżitazzjoni, kif ukoll jagħmel il-festa tal-Assunta.  Ir-renti kellhom jiġu minn għelieqi magħrufa bħala Ta’ Manduca jew Ta’ Landar.  Il-Vigarju, il-Kanonku Famucelli ta l-permessi meħtieġa u fit-22 ta’ Awwissu 1683, il-kappillan Xiriha berikha.

Wara l-mewt ta’ Vitor De Noto u martu, il-flus għal din il-knisja bdew jinġabru mingħand in-nies tar-raħal. Dan ġara għaliex Ferdinando Fiott, li kien miżżewweġ lil waħda minn ulied De Noto, ma riedx joqgħod għall-piżijiet li kien daħal għalihom missier il-mara.  Iżda minkejja dan, sal-1737, il-festa kienet għadha ssir, u l-knisja kienet tinżamm f’kundizzjoni tajba.

Il-knisja terġa’ tinbena mill-ġdid


Bil-mod il-mod daħlet ċerta apatija fin-nies ta’ dan ir-raħal u l-knisja marret lura ħafna. Ġara li fl-1758 kienet tinsab imġarrfa u mitluqa. Iżda f’Novembru ta’ dik l-istess sena, il-prokuratur Ġużeppi Manġion talab lill-isqof Bartolomeo Rull biex ikun jista’ jibni mill-ġdid il-knisja tal-Assunta.

It-talba ntlaqgħet mill-isqof f’Ottubru tal-1759, u l-bini nbeda sentjen wara jiġifieri fl-1761. F’Mejju sar il-pedament u tqiegħdet l-ewwel ġebla.  Il-knisja tressqet ftit ‘il ġewwa biex quddiemha tibqa’ pjazzetta. Ix-xogħol tal-ġebla tmexxa mill-imgħallem Anġlu Bonnici.  Il-knisja tlestiet minn kollox fl-20 ta’ Ottubru 1764.  Mal-ġenb tagħha nbniet ukoll sagristija.
 

Ritratt - Rayden Mizzi


Biex saret din l-opra nġabru 372 skud u ntefqu 484 skud. Fit-testment li għamel fl-1761, Ġann Dumink Zammit ħalla sitt skudi fis-sena biex bihom issir il-festa tal-Assunta flimkien ma’ sitt quddisiet oħra matul is-sena. Sakemm il-knisja tlestiet il-flus marru għall-bini tagħha.

Il-flus, li kellhom jitħallsu nofshom fil-Milied u nofshom fl-Għid, kienu deħlin mill-għelieqi Tal-Bajjada u Ras il-Wied li flimkien kienu magħrufa bħala Ta’ Kortin.  Seba’ snin wara, Anna Flamingo, bint Ġann Dumink Zammit, żiedet l-għotja li kien għamel missierha.

Il-prokuratur Ġużeppi Mangion miet qabel ma tbierket il-knisja. Floku laħaq Salvu Zammit. Il-knisja tbierket fl-1765. F’jum it-tberik saret festa kbira.  Inġieb Dun Franġisk Wizzino biex jagħmel il-priedka tal-okkażjoni u kien hemm sparar ta’ maskli.   Ftit ġranet wara nżammet il-festa tal-Assunta b’vespri u quddiesa kantata.

Il-knisja llum

Din il-knisja għandha altar wieħed u l-kwadru titulari li juri lill-Madonna tiela’ s-sema.   Il-Maddonna f’dan il-kwadru hija wkoll inkurunata.  Ħadd ma jaf min pitter dan il-kwadru, u min kien li nkuruna din ix-xbieha.  Li hu żgur hu li hi biċċa xogħol tajba ħafna.  Madwar il-kwadru tal-Assunta tispikka l-iskultura sabiħa tal-gwarniċ imwieżen minn żewġ anġli mdaqqsa.

Jingħad illi xi nies miż-Żurrieq għenu fil-bini ta’ din il-knisja bil-patt li meta titlesta fiha titpoġġa xbieha ta’ Santa Katarina. Fil-fatt insibu li kwadru ta’ din il-qaddisa jokkupa post prominenti fuq l-altar, eżatt taħt il-kwadru titulari.

Din il-knisja, li għandha l-art taċ-ċangatura, għanda l-antiporta u l-gallarija tal-injam, li nħadmu fl-1772 u qamu fuq il-61 skud.

Matul is-snin il-knisja ta’ Santa Marija għaddiet xi żmien magħluqa u bdiet tintuża bħala maħżen tal-armar tal-festa.  Hija serviet ukoll bosta drabi biex fiha jinżammu xi laqgħat spiritwali u jingħata it-tagħlim tad-duttrina. Dan l-aħħar kull sena tidħol iżjed fl-ispirtu u r-rwol oriġinali tagħha reliġjuż meta tkun inkluża fil-purċissjonijiet ta’ Ħadd il-Palm u t-Translazzjoni lejlet il-festa titulari ta’ San Pawl.

Minn żmien għal ieħor kienu jsiru tibjid u tiswijiet żgħar. Restawr sinifikanti sar fis-snin tmenin u disgħin tas-seklu għoxrin. Il-festa tal-Assunta baqgħet issir ukoll, bl-ispejjeż ivarjaw skont iż-żmien (per eżempju: 1799 – 3 skudi; 1840 – 9 skudi; 1885 – 8 skudi; 1900 – 16s 2d; 1940 - £1.6s 2d; 1970 – 14s 2d). Xi prokuraturi oħrajn li kellha l-knisja kienu Andrea Flamingo (1776), Ġużeppi Caruana (1781), Giovanni Bugeja (1797), Luigi Vella (1862) u Dun Salv Busuttil (1897).

Sa ftit tas-snin ilu, qabel bdiet issir l-Adorazzjoni Ewkaristika f’dil-knisja, f’dawk il-ġranet sħan tas-sajf, l-irġiel ta’ dawk l-akwati speċjalment dawk anzjani, kienu jħobbu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom bilqiegħda, jistrieħu u jgħidu xi kelma, fuq iz-zuntier ta’ dan it-tempju għad-dell taż-żewġ siġriet tal-ġakaranda li hemm jogħlew quddiemha.

F’dawn l-aħħar snin din il-knisja saret waħda sagramentali fejn fiha jkun espost is-sagrament. Hija miżmuma tajjeb ħafna, u tista’ titgawda minn kulħadd peress li tkun miftuħa kuljum għal adorazzjoni tas-Santissimu Sagrament mit-8.00 sa nofsinhar u mill-4.00 sas-6.30 ta’ filgħaxija.
 

Kitba ta’ Paul Callus
Ritratti ta’ Fr. Jonathan Farrugia, Reyden Mizzi, Guzi Sammut u Anthony M. Brincat
 

Is-sotto-kwadru ta' Santa Katarina - Ritratt ta' Fr. Jonathan Farrugia
Apside - Ritratt ta' Anthony M. Brincat
It-Titular - Ritratt ta' Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com