KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Vella

San Pawl tal- Qlejgħa
~ Mosta ~

Jekk hawn knisja li tingħaraf liema hi mill-ewwel, hija dik li nsibu fil-limiti tal-Mosta,  iddedikata lil San Pawl, li tinsab eżattament f’nofs Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes).  Id-disinn uniku tagħha kif ukoll il-lok pittoresk li tinsab fih jagħmluha waħda li tingħaraf mill-ewwel.  Il-lok fejn qiegħda din il-knisja hu r-raġuni għaliex hija magħrufa bħala ta’ San Pawl tal-Qliegħa, (jew tal-Qlejja skont xi wħud iżda ara n-nota fi tmiem ta’ din il-kitba). Xi kultant hija magħrufa ukoll bħala tal-Minġiba, li hu isem ieħor għall-inħawi fejn qiegħda l-knisja.  Din il-knisja għalhekk toffri wieħed mill-isbaħ kwadri mlewwna tal-ambjent bejn ir-Rabat u l-Mosta.

Oriġini

Il-knisja tiġbed l-attenzjoni ta’ kull min ikun għaddej minn dawn l-inħawi għax hi maqtugħa minn kull bini u mdawwra biss bil-beraħ tal-kampanja. Jidher li bdiet tinbena għal ħabta tas-sena 1690 flok oħra iktar qadima. Skont il-vizti pastorali tal-isqfijiet li żaru din il-knisja, ta’ kull sena kienet tiġi ċċelebrata festa tal-Konverzjoni ta’ San Pawl, li taħbat nhar il-25 ta’ Jannar. Magħha kien hemm ukoll ċimiterju li fih kienu jindifnu il-mejtin tal-inħawi.

 

Ritratt - Carmelo Vella


Fuq l-altar kien hemm pittura ta’ San Pietru u San Pawl.  Maż-żmien iżda, in-nuqqas ta’ interess wassal għall-abbandun ta’ din il-knisja. Għamlet żmien twil hekk sakemm inbniet din li naraw illum fis-seklu sbatax. Il-knisja tbierket minn Dun Ferdinando Casteletti nhar id-9 ta’ Frar tas-sena 1695.
Il-knisja minn barra

Din il-knisja għandha arkitettura barrokka mill-isbaħ.  Jidher li ġiet mibnija bejn is-sekli sbatax u tmintax meta dan l-istil kien fl-aqwa tiegħu fil-gżejjer tagħna.

Il-frontispizju tagħha għandu stil uniku, li m’hawnx ieħor bħalu fil-gżejjer tagħna.  Minflok kif imdorrijin naraw is-soltu, jiġifieri li dan jitla’ għal ponta fil-parti ċentrali, f’dan il-każ jogħla fil-ġnub u jinżel fin-nofs, biex jagħti spazju għal kampnar.  Fil-ġenb jitilgħu wieħed fuq kull naħa żewġ fjammi tal-ġebel.  Il-kampnar, li xi darba kellu qanpiena mdendla fih, hu sabiħ ħafna u hu skolpit fil-ġnub tiegħu.

Uniku wkoll għall-għamla tat-tifsila tiegħu huwa ż-żuntier ta’ quddiem il-knisja, li għandu forma ta’ nofs tond. Fuq dan jitilgħu tlett tarġiet li jwasslu għall-bieb tal-knisja.

Fil-bieb prinċipali li llum jinsab taħt il-livell tat-triq, u li trid tinżel għalih bit-taraġ, hemm gwarniċa trijangulari.  Fuq il-bieb insibu tieqa kwadra li ddawal il-knisja minn ġewwa.  Fil-ġnub tal-faċċata jitilgħu żewġ pilastri skont l-ordni Toskan li jżommu l-frontispizju tal-knisja, u li jkomplu jżejnu l-faċċata tal-knisja. F’wieħed mill-ġnub tal-knisja għadhom jidhru xi mwieżeb tal-ilma.

Għadna ukoll naraw tieqa żgħira fuq il-bieb li kienet tippermetti lid-devoti, l-iktar xi raħħala li kienu jkunu għaddejin bil-merħla tagħhom, biex meta l-knisja tkun magħluqa jaraw l-altar u jkunu jistgħu jgħidu xi talba lil Missierna San Pawl.

Il-knisja minn ġewwa

Jekk din il-knisja hija sabiha minn barra, daqshekk iehor hi minn ġewwa.  Is-saqaf tagħha hu magħmul sistema troll u magħmul bi preċiżjoni kbira. Hu l-aqwa xhieda tal-kapaċita artistika ta’ min għamel il-pjanta tagħha u tal-bennejja li bnewha.

 

Ritratt - Anthony M. Brincat

 

Tinħass l-influwenza arkittetonika ta’ Lorenzo Gafŕ li kien fl-aqwa tiegħu fiż-żmien li nbniet din il-knisja. Billi fiha ma naraw l-ebda tiżjin u pitturi, l-arkittetura tagħha aktar tiġbed l-attenzjoni ta’ kull min jidħol ġewwa fiha.

Il-kwadru titulari, li kien jirrapreżenta n-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl, tneħħa minħabba raġunijiet ta’ sigurta u llum minfloku naraw kwadru żgħir komuni tal-istess qaddis.

Graffiti

Fis-snin l-imgħoddija, din il-knisja kienet devota ħafna min-nies li kienu joqgħodu fl-inħawi.  L-aqwa turija ta’ xhieda ta’ dan hu n-numru sabiħ ta’ graffiti li naraw minquxa mal-faccata tal-knisja. Dawn jgħoddu għal madwar tletin u juru kemm xwieni, idejn mgħollija b’sinjal ta’ talb, għasafar, forma ta’ salib, kif ukoll qatta’ tiben.

Jispikka fost dawn graffiti forma ta’ xini li d-daqs tiegħu jagħmlu wieħed mill-ikbar li nsibu ma’ faċċata ta’ knisja fil-gżejjer tagħna.  Dawn il-graffiti li jmorru lura għal tmiem is-seklu sbatax u l-ewwel nofs tas-seklu dsatax juru d-devozzjoni kbira li kellhom il-Mostin li meta kienu jaqilgħu xi wegħda kienu jridu jxandru dan kollu, u fost l-ohrajn iħallu graffit biex dak li kien ġara jibqa’ mfakkar maż-żmien.

Illum il-Knisja ta’ San Pawl tal-Qlejgħa tinsab fi stat tajjeb ħafna għax xi ftit żmien ilu ġiet restawrata.  Il-faċċati kellhom ħafna mill-fili miftuħin li kienu qed iwasslu għal dħul ta' ilma li jikkawża ħafna ħsara fil-ġebla u fl-intern tal-kappella.

Ix-xogħol ta' restawr inkluda t-tindif tal-faċċati kollha u t-tberfil tal-fili tal-ġebla b'taħlita apposta u kompatibbli mal-kulur preżenti tal-ġebla.  Sar ukoll plastic repair tal-partijiet nieqsa jew imkissra, u t-tiswijiet neċessarji tad-deffun.  Wara li tlesta t-tikħil neċessarju fuq ġewwa, il-kappella tbajjdet b’taħlita magħmula primarjament mill-ġir. Bħala parti mill-proġett tar-restawr, u kif qed isir regolarment fuq proġetti simili, il-madwar immedjat tal-kapella ukoll ġie restawrat.  Għaldaqstant il-ħitan tal-pont li jinsab biswit din il-kappella ukoll ġew rrestawrati.

Illum din il-kappella sservi ta’ post fejn wieħed jista’ jieqaf u jistrieħ ftit, waqt xi mixja f’Wied il-Qlejgħa u toffri sfond mill-isbaħ għal xi artist biex ipitter l-kampanja Maltija.  Fil-għaxija l-knisja tkun mixgħula u kull min ikun gej mir-Rabat jew l-Imġarr jista’ japprezza l-ħlewwa fis-sempliċita tagħha.

Kitba ta’ Roderick Busuttil (Ħajr: Tony Terribile)
Ritratt ta’ Carmelo Vella, Anthony M. Brincat u Roderick Busuttil
Pittura ta’ Rene Sacco
Ir-ritratti tal-mapep tahomlna s-Sur Tony Bonello.  Il-mappa u l-lista tal-1897 qed nirriproduċuhom fis-sit www.kappellimaltin.com bil-permess tal-Arkivji Nazzjonali.  Ta’ dan nagħtuhom ħajr.

Nota Editorjali:

Qed nikkoreġu l-ortografija tal-isem ta’ din il-kappella għall-“Qlejgħa”, minflok “Qlejja” kif konna ktibniha meta dehret f’din il-paġna għall-ewwel darba.  Dan għamilnieh fuq suġġeriment tas-Sur Tony Bonello, viżitatur ta’ dan is-sit.

Ir-riċerka tagħna turi wkoll li Wettinger, li miet f’Mejju tal-2015,  jagħti l-isem tal-lokal bħala “Wied il-Qlejgħa” u jagħti wkoll il-forom ilculeja, il culaya, kleya bħala ismijiet li ssibhom f'atti notarili antiki.  Hu jiddefinixxi l-isem “Wied il-Qlejgħa” bħala “the valley of the small fort”.  Il-kelma “qalgħa” hija mnissla mill-Arbi li kien jintuża fi Spanja (Arbi tal-Andalusija qabel ir-Reconquista – ara Alcalá). Qlejja’ hi l-plural ta’ “qlejgħa”.

Kittieba oħrajn, bħal Profs V. Borg  jgħid li l-kelma Qlejgħa ġejja minn Culeia, isem ta' raħal żgħir li kien fil-qrib.  Is-sit maltagenealogy.com  isemmi t-titlu tan-nobiltŕ mogħti fl-1737 mill-Gran Mastru Despuig lil Ignazio Bonici. Is-sit isemmi t-titlu bħala l-“Baruni ta’ Culeja” iżda jikwalifika li hu magħruf ukoll bħala “ta’ Qlejjgħa” jew ukoll “ta’ Qlejja”. Il-fewdu kien ilu mwaqqaf sa mis-seklu 14.
 

Ritratt - Hajr Tony Bonello Malta Ordinance map-Wied Qlejgha

 

It-triq li hemm ħdejn il-kappella hi Triq il-Qlejja' iżda mbagħad il-wied li jgħaddi minn ħdejha jissejjaħ Wied il-Qlejgħa.  Teżisti wkoll “Binja Qlejja” fl-Imtarfa.  Iżda mappa tas-sittinijiet (Ordinance Map Malta Gozo & Comino) li x-xogħol kollu warajha sar kollu mill-forzi armati Inglizi, probabilment mir-Royal Engineers, turi l-isem tal-iħawi bħala “Qlejgħa Valley”.  Mappa aktar qadima, mitbugħa fl-1897 ukoll turi l-lokal bħala “Wied Kleigħa”.

Għalhekk aħna qed nagħżlu li nimxu skont il-kitba kif jagħtiha Wettinger fil-“Place names of the Maltese Islands”.

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Dizzjunarju
Ritratt - Hajr Tony Bonello Ritratt-4-IMG_2748-mappa1897-distanzi-Kleigha
Pittura - Rene Sacco
Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Roderick Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com