KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-Kappella ta’ S.M. Damaxxena
~ Birgu ~

Fil-Birgu tista’ tgħid li kien hemm ruxxmata ta’ kappelli u knejjes żgħar. Ħafna minnhom ġew ipprofanati mill-isqfijiet tagħna. Oħrajn iġġarfu mal-milja taż-żmien, ħafna minnhom fil-gwerra li għaddiet.

Iżda llum sejrin nitkellmu fuq il-Kappella ta’ Santa Marija Damaxxena, jew kif isibuha xi wħud, il-Knisja tal-Griegi, peress illi fiha kien jitqaddes il-quddies bir-rit Grieg, mill-papas tal-Griegi.

In-Nies minn Rodi

Mhux ’il bogħod wisq mill-knisja parrokkjali tal-Birgu, insibu l-mużew tal-Knisja parrokjali, li qabel kien l-Oratorju tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp. Ħdejn dan il-mużew hemm il-kappella ta’ Santa Marija Damaxxena. Din kienet isservi ta’ knisja parrokkjali għal dawk in-nies li kienu ġew Malta minn Rodi mal-Kavallieri wara li dawn tal-aħħar kienu tkeċċew minn hemm minn Sulejman fl-1522.

In-numru ta’ dawn in-nies ma kienx żgħir. Hu kkalkulat li mal-kavallieri ġew mal-4,000 ruħ f’Malta, li madwar 64 familja minnhom kienu minn Rodi. Dawn in-nies kollha kienu Nsara bħalna, bid-differenza li kienu jipprattikaw il-funzjonijiet reliġjużi tagħhom bir-rit Grieg.

Malli waslu Malta dawn ir-Rodjani, Mons. Pietru Dusina, in-Nunzju Appostoliku, ħa ħsieb biex dawn ikunu jistgħu jipprattikaw is-sagramenti. Għalhekk b’arranġament mal-Isqof ta’ Malta, ta lil dawn in-nies minn Rodi waħda miż-żewġ kappelli li kien hemm ħdejn il-knisja ta’ San Lawrenz dik ta’ Santa Katarina, li l-Griegi bdew isejħulha ta’ Santa Marija Damaxxena. Tahom ukoll żewġ knejjes oħra fil-Birgu li kienu dik ta’ San Ġorġ u dik ta’ San Nikola.

Iktar tard fl-1575, Mons. Dusina qassam il-limiti lil kull parroċċa fuq l-għadd ta’ familji. Għal tal-ewwel, jiġifieri dik ta’ Santa Marija Damaxxena, stabbilixxa 24 familja, għat-tieni 21 u għat-tielet 19. Meta l-korp tal-Ordni mar fil-Belt Valletta, baqgħet biss parroċċa waħda, din il-knisja ta’ Santa Marija, billi kien baqa’ biss ftit nies minn Rodi fil-Birgu.
 
L-Ikona ta’ Santa Marija Damaxxena

Mill-Arkivju tal-Isqof insibu li ġo Rodi kienu jeżistu żewġ knejjes ġuspatronati, waħda ta’ Santa Marija de Damascheni, li kienet tiġi ġewwa l-belt maġenb il-posta ta’ Spanja, u l-oħra de Elemonitria, barra l-Belt, maġenb il-post tal-Ingilterra.

Meta Rodi waqgħet taħt idejn il-Misilmin, il-patruni ta’ dawn il-knejjes xejn ma ħabblu rashom għall-ġid li kellhom f’Rodi, imma ħasbu biss li jsalvaw minn taħt idejn il-Misilmin minn dawn iż-żewġ knejjes żewġ xbihat, u jeħduhom fuq ix-xini l-kbir tal-Kavallieri.

F’dak iż-żmien li l-Ordni baqgħet tiġġerra mal-Meditteran, sakemm Karlu V tahom il-gżejjer ta’ Malta, dawn in-nies minn Rodi u l-kwadri li ġarrew magħhom baqgħu fuq ix-xwieni tal-Kavallieri. Imbagħad wara xi ftit taż-żmien li waslu Malta, fit-28 ta’ Ġunju 1554, il-Kappillan tal-Birgu Dun Anton Vassallo ċeda l-knisja ta’ Santa Katarina li kienet filjali tal-parroċċa lill-Papas Giovanni Pastrino bi dritt li jeżerċita s-Sagramenti fiha.

Hawn il-Gran Mastru L’Isle Adam, ta l-ordni li dawn iż-żewġ ikoni jitqiegħdu fil-knejjes ta’ Santa Katarina u ta’ Sant’Anton. Għalhekk, fil-knisja ta’ Santa Katarina, tqiegħdet l-ikona tal-Madonna Damaxxena. Din ix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin tixbah ħafna lix-xbieha tal-Madonna ta’ Vladimir li nsibu fir-Russja u li aktarx li tpittret f’Kostantinopli fis-seklu tnax.

Jidher li meta x-xbieha tal-Madonna Damaxxena tqiegħdet f’din il-knisja, il-Papas Giorgio Diasorno li beda jieħu ħsieb dan it-tempju, biddel it-titular u neħħa dak ta’ Santa Katarina. Għalhekk maż-żmien din il-knisja bdiet tissejjaħ bħala l-Knisja ta’ Santa Marija Damaxxena.

Il-Kappella ta’ Santa Marija Damaxxena
 
Din il-knisja ta’ Santa Marija Damaxxena hija żgħira ħafna u kellha knisja oħra ħdejha, li kienet ikbar minnha. Din il-knisja ta’ ħdejha kienet iddedikata liż-żjara li l-Madonna għamlet lil Santa Eliżabbetta (il-Viżitazzjoni). Din kienet mibnija fejn illum hemm il-mużew tal-parroċċa, jew kif jafuh aħjar il-Birgin, l-Oratorju ta’ San Ġużepp. Din il-knisja kienet akbar mill-knisja jew kappella ta’ Santa Marija Damaxxena, iżda billi kienet ġuspatronat, il-kappillan tal-Birgu ma setax jagħtiha lil dawn in-nies minn Rodi. Għalhekk dawn kellhom jinqdew b’dik li llum għadna nafuha wkoll bħala l-Knisja ta’ Santa Marija tal-Griegi. Intant għadda ż-żmien, u l-knisja tal-Viżitazzjoni ġġarfet u minn f’lokha nbniet oħra, kif jidher illum l-Oratorju, filwaqt li tad-Damaxxena baqgħet imgħaqqda magħha bħala kappella, mingħajr ma ġiet mimsusa xejn.

 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Fit-28 ta’ Ġunju 1554 meta sar il-kuntratt bejn il-Papas Giovanni Pastrino u l-kappillan tal-Birgu, Dun Anton Vassallo, il-Papas intrabat li jħallas bħala ċens 32 tari. Dan baqa’ jitħallas sal-1575 meta Mons. Dusina, li kien issa laħaq Inkwiżitur, sar jaf b’dan il-ftehim. Hu jidher li kien għadab għal dan il-ftehim li kien sar dwar il-ħlas u bidel dan il-ħaraġ f’żewġ xemgħat li jiswew irbigħi, li kellhom jinxtegħlu waqt il-quddiesa nhar Santa Katarina. Għalhekk nhar Santa Katarina kienet issir quddiesa kantata, aktarx bil-Latin, u kien iqaddisha l-Kappillan ta’ San Lawrenz.

F’niċċa fil-ħajt fil-knisja nsibu l-kappell u x-xabla li l-Gran Mastru de Valette libes waqt l-Assedju l-Kbir. Dan ħalliehom hemm lill-Madonna bħala ringrazzjament għar-rebħ ta’ dan l-Assedju.

Meta l-Kavallieri telqu mill-Birgu u marru jabitaw fil-belt il-ġdida, il-belt Valletta, ħafna minn dawn in-nies minn Rodi marru joqogħdu huma wkoll fil-Belt mal-Kavallieri u għalhekk ħtieġilhom li jibnu knisja oħra għall-użu tagħhom għall-funzjonijiet bir-rit Grieg. Din ukoll ġiet imsejħa l-knisja ta’ Damaxxena. Fl-1587 l-ikona li kien hemm fil-Knisja ta’ Damaxxena fil-Birgu ttieħdet fil-knisja l-ġdida fil-Belt mill-Gran Mastru Verdalle. Iżda din il-kappella xorta waħda baqgħet għall-użu tal-Griegi u hekk damet sas-sena 1780. Aktar tard saret ikona oħra għal din il-Kappella minn dawn in-nies ta’ Rodi biex titħalla f’din il-knisja fejn għadha hemm sal-ġurnata tal-lum.

Fl-24 ta’ Frar 1832, il-Fratellanza ta’ San Ġużepp xtrat il-knisja ta’ Damaxxena u l-oħra tal-Viżitazzjoni u wara bniet l-Oratorju li naraw illum, waqt li kkonservat il-kappella tal-Madonna Damaxena li fiha għadha tinsab Madonna msejħa tal-Griegi.

Fil-kappella għad hemm ukoll l-artal oriġinali tagħha u mal-faċċata tal-kwadru titulari hemm skultura ta’ żewġ anġli li qed iżommu l-kwadru tal-Madonna tal-Griegi. F’din il-kappella hemm ukoll is-salib li kien tal-Inkwiżitur ta’ Malta, sopra leġiju aħdar, għotja tal-Gran Mastru Manoel Pinto, pittura artistika ta’ San Ġirolmu, u pittura oħra fuq l-injam li hi xogħol Taljan u li aktarx tmur għas-seklu sittax.

Għeluq

Illum dan it-tempju m’għadux jintuża għal servizzi reliġjużi, u huwa magħluq għal pubbliku. Jinfetaħ biss fil-ġranet tal-festa, iżda huwa post importanti peress li jagħmel parti mill-mużew parrokjali li hemm f’dan il-lokal, u għadu jinżamm b’kura kbira min-nies ta’ din il-belt.

Kitba ta’ Joseph Brincat
Proof Reading ta’ Tony Bonello
Ritratti: Noel Ciantar; Amalia Enache u mill-Wikipaedia

Medieval streets, Rhodes, Greece - Ritratt: Amalia Enache
Ritratt: Noel Ciantar
LisleAdamSignature
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Siege_of_Rhodes-Wiki

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com