KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Il-kappella ta’ San Bartilmew
~ Żurrieq ~

Il-kappella Barokka ddedikata lill-Appostlu San Bartilmew hija waħda mill-isbaħ li hemm fir-raħal taż-Żurrieq. Tinsab fit-triq li ġġib l-istess isem ta' dan l-Appostlu, fin-naħa ta' wara l-knisja parrokkjali ta' Santa Katerina, lejn il-mitħna tax-Xarolla. Din il-knisja llum hija wkoll magħrufa bħala “tax-Xarolla”, minħabba l-lokalitą li hija mibnija fiha.

Oriġini

Il-kappella li naraw illum bdiet tinbena f'Ottubru tal-1775, wara li sena qabel beda jitwaqqa' dak li kien fadal mill-knisja l-qadima li kienet inbniet fl-1482. Mons. Dusina kien żarha din il-knisja ta’ qabel dik li hemm illum fi Frar tal-1575 u kien faħħarha ħafna. Kiteb li kienet diċenti, imbajda, kellha altar, paviment, u bibien tal-injam, iżda kienet mingħajr rettur u dħul ta' flus.   Ċertu Mikiel Mangion, li kellu xi artijiet f'Ta' Ħlantun imqabbla għandu, kien jagħmel il-festa bil-kant tal-għasar u bil-quddiesa u kien jagħti liċ-ċelebrant tari wieħed.
 

Ritratt: Caroline Busuttil


Iżda maż-żmien din il-kappella sfat mitluqa u l-Isqof Balaguer ipprofanaha waqt il-Viżita Pastorali li kien għamel fl-1658. Aktar minn mitt sena wara, fil-11 ta'Jannar 1784 il-kappillan taż-Żurrieq, Dun Ġużepp Agius, maħtur delegat tal-isqof Labini, bierek il-knisja l-ġdida meta x-xogħol kien kollu lest. Kienu ntefqu 2,529 skud li l-biċċa l-kbira minnhom ġew mill-ġbir tal-poplu Żurrieqi.

Il-faċċata

Il-knisja ta' San Bartilmew hija xi ħaġa li tpaxxi l-għajnejn minn barra. Fil-kantunieri taghħa l-faċċata għandha gruppi ta' pilastri ta' stil Tuskan twal fuq pedestalli għoljin, li huma rrepetuti fil-ħitan tal-ġenb. Dawn jerfgħu l-entablatura li ddur dawra tond mal-binja kollha. Fuqha hemm ħajt baxx jew opramorta li fl-erba' kantunieri għandu sferi tal-ġebel. Il-bieb għandu fuqu xi ġebel li milli jidher baqa' mhux skolpit. Il-parti tan-nofs hija maħruġa ftit 'il barra u fuq il-bieb hemm tieqa li fin-naħa ta' fuq u t'isfel hija maħduma għat-tond u hija mdawra bi gwarniċa. Fuqha l-gwarniċun tal-entablatura jiġi għat-tond u fuqu hemm pediment jew fontispizju triangolari u pedestall għas-salib. Fil-ħitan tal-ġenb naraw twieqi rettangolari fil-għoli.

Il-knisja minn ġewwa

Ma nafux min hu l-arkitett tal-kappella, iżda l-isem tal-imgħallem bennej Angelo Bonnici jidher ħafna fil-kotba tal-kontijiet tal-proġett. Il-knisja hija mibnija fuq podju ta' erba' targiet li jdur magħha fuq tliet naħiet u għalhekk ma tmissx mal-bini ta' ħdejha. Minn ġewwa għandha pjanta kwadra b'kor b'nofs tond u ftit fond fejn hemm l-altar maġġur.   Għandha wkoll żewġ daħliet fil-ġnub fejn hemm żewġ altari oħra.
 

Ritratt: Caroline Busuttil


Il-kwadru titulari, li ma nistgħux ngħidu li għandu xi mertu artistiku kbir, huwa mdawwar bi prospettiva mill-isbaħ fejn tidher skultura fil-ġebla Maltija ta' stil Rokoko.  Żewġ anġli kbar iżommu l-gwarniċ tal-kwadru li fuqu hemm 'cartouche' bl-emblema Kristoloġika (l-ittri P u X) u aktar 'il fuq jidhru tliet kerubini. Il-prospettiva hi ffjankeġġjata minn pilastri ggruppati ta' stil Joniku. Fin-naħa ta' fuq għandha pediment segmentali li fuqu hemm tliet anġli oħra li jżommu l-ġilda misluħa u l-palma, zokk ta' siġra u sikkina, kollha emblemi tal-martirju li sofra San Bartilmew. Dan il-kor huwa msaqqaf b'apside bil-kustilji u li fih hemm nofs lanterna li tagħtih id-dawl. 

Fil-ġenb tat-titular hemm żewġ kwadri ta' id tajba li juru lil San Publiju u lil San Vinċenz Ferreri. Dawn ukoll huma mdawra bi gwarniċ skolpit u taħthom hemm il-bibien li jagħtu għas-sagristija. Taħt it-titular hemm sotto kwadru, pittura tajba ħafna, tal-Qalb ta' Ġesł. L-altar huwa tal-ġebel iżda miżbugħ biex jixbah l-irħam. Mad-dawra tal-kappella hemm tmien pari ta' pilastri ta' stil Joniku li jerfgħu entablatura għolja li fuqha jistrieħu l-erba' arkuni u l-erba' pendenti jew lunetti, li fuqhom tistrieħ il-koppla kkustiljata bil-lanterna. Fuq il-bieb hemm il-gallerija tal-orgni u fl-arkati tal-ġnub u fuq il-bieb hemm tliet twieqi li jimlew lill-kappella bid-dawl.

 

Ritratt: Caroline Busuttil


Iż-żewġ altari laterali, iddedikati lit-Trasfigurazzjoni ta' Sidna Ġesł Kristu u lil San Franġisk t'Assisi, għandhom il-kwadri mdawra wkoll b'perspettiva skulturata fl-istil Rokoko. Taħt l-inkwatri hemm sotto kwadri tal-Madonna u ta' Santa Kjara.

Il-kappella hija ġawhra ta' skultura li saret minn Antonio u Giovanni Fabri.

Il-kappella llum

Il-kappella jieħu ħsiebha Dun Nazzareno Tonna miż-Żurrieq stess u tinfetaħ fil-festa tal-qaddis u biex fiha jiltaqgħu l-membri tal-Leġjun ta' Marija u għaqdiet oħrajn. Ta’ min jirrimarka li din il-kappella kien iqaddes fiha wkoll il-professur Monsinjur Pietru Pawl Saydon. Dan l-aħħar sarilha xogħol estensiv ta' restawr mill-Ministeru tal-Infrastruttura.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat u Caroline Busuttil

Ritratt: Anthony M. Brincat
S Publius - Ritratt: Anthony M. Brincat
S Vincent Ferreri - Ritratt: Anthony M. Brincat
S Francis Assisi - Ritratt: Anthony M. Brincat
Salvatur - Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Anthony M. Brincat

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com