KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Roderick Busuttil

Il-Kunċizzjoni ta' Wied Gerżuma
~ Limiti tar-Rabat ~

Il-kappella tal-Kunċizzjoni tinsab mibnija fil-bidu ta' Wied Gerżuma, wieħed mill-iżjed postijiet pittoreski li jinsabu fin-naħat tar-Rabat, u minfejn wieħed jista' jgawdi dehriet mill-isbaħ tal-kampanja Maltija, fosthom ir-raba’ ta' madwar l-Imġarr, Fomm ir-Riħ, Għajn Tuffieħa u fil-bogħod, Għawdex. Wied Gerżuma jħares fuq il-bajja ta' Fomm ir-Riħ 'l hinn mir-Rabat.

Dawn l-inħawi tista' tasal għalihom billi minn ħdejn l-Imdina, taqbad it-triq fuq in-naħa tax-xellug tad-Domus Romana u tibqa’ nieżel sa l-inħawi magħrufa bħala l-Fiddien. Hemmhekk issib pont ċkejken u fuq il-lemin tiegħu għandek issib tabelli li jeħduk sal-lokal żgħir tal-Kunċizzjoni, fejn tinsab din il-kappella.
 

Ritratt: Caroline Busuttil


L-istorja

Il-kappella nbniet mill-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena fl-1736 fuq art li kienet tappartjeni lill-Fondazione Paola. Din kienet fondazzjoni mwaqqfa mill-Gran Mastru Antoine de Paule li kellha ħafna artijiet li mir-renti tagħhom kienu jinbnew ix-xwieni tal-Ordni. Fil-fatt ħdejn il-kappella hemm arkata li fuqha hemm l-iskrizzjoni “Fondazione Paola 1736" u l-arma tal-irħam tal-Gran Mastru de Paule.  Il-kappella tbierket minn Fra Giuseppe Ruggier, Kappillan tal-Ubbidjenza tal-Ordni ta' San Ġwann bħala Delegat tal-Gran Prijur tal-knisja konventwali tal-Ordni ta' San Ġwann. Mat-tluq tal-Ordni ta' San Ġwann minn Malta mal-miġja tal-Franċiżi, il-kappella waqgħet f'idejn l-awtoritajiet ċivili u għadha propjetą tal-gvern sal-ġurnata tal-lum. Il-gvern Ingliż kien jaħtar hu l-viġendarji ta' din il-kappella.

Il-Viġenda (ara n-nota aktar ’l isfel)

Fuq ordni tal-Gran Mastru is-saċerdot li kien iqaddes f'din il-knisja fil-Ħdud u l-festi, kellu jingħata s-somma ta' 40 skud fis-sena, li aktar tard żdiedet għal 60 skud fis-sena. Il-viġendarju kien dak li jieħu ħsieb il-knisja li kien jitħallas il-"viġenda" għax-xogħol li kien jagħmel. Dan kien ikun il-qassis li kien ukoll iqaddes, barra li jamministra l-kappella.  Il-kelma “viġenadarju” probabliment hija mnissla mill-kelma Taljana “vicenda” li tfisser avveniment, każ,episodju etc., f’kelma waħda kulma jiġri.

Mat-tluq tal-Kavallieri, il-Gvern Ingliż biddel is-sistema tal-ħlas u mill-1801 'il quddiem minflok is-60 skud, il-viġendarju beda jirċievi elemożina għal kull quddiesa li jqaddes u li fl-1806 kienet tlaħħaq għal skud u tari. Meta wieħed jikkunsidra li f'sena hemm 52 Ħadd barra l-festi, jintebaħ li din kienet somma li bejn wieħed u ieħor kienet ekwivalenti għas-60 skud li, iżda, kienet tinċentiva aktar lill-viġendarju biex jaqdi d-doveri tiegħu kull nhar ta' Ħadd, Ħadd wara Ħadd. F'dan il-perijodu l-viġendarju kien Dun Ġużepp Psaila. Il-viġendarju ta' warajh, Dun Ġużepp Zammit, talab 10 skudi biex ikun jista' jagħmel il-festa tal-Kunċizzjoni, liema somma jidher li baqgħet tingħata fis-snin ta' wara.

Fl-1889 saret l-ewwel Vista Pastorali lil din il-kappella, liema vista saret mill-Isqof Mons. Pietru Pace. Hu sab li kollox kien sewwa, bl-eċċezzjoni ta' sopra tvalja u l-purtiera ta' fuq il-bieb il-kbir, li ordna li kellhom jinbidlu. Dun Andrea Mifsud, il-viġendarju ta' dak iż-żmien maħtur mill-Gvern Ingilż fl-1887, min-naħa tiegħu ħa ħsieb ukoll li ssir tiswija ta' xi paramenti sagri fl-1891. Fi żmien il-viġendarju Dun Manwel Caruana, li kien ukoll il-viċi parroku tar-Rabat u li nħatar viġendarju ta' din il-kappella fl-1894, in-nies tal-inħawi rregalaw 'il kappella sett ġdid tal-Via Sagra bil-gwarniċi, li ħa l-post is-sett l-antik.

Meta miet Dun Manwel Caruana fl-1911 il-viġendarju ta' Wied Gerżuma kien jirċievi dawn il-ħlasijiet, liema lista tindikalna x'kienu jkunu l-ispejjeż ta' dawn il-kappelli.


  • 16-il xelin u tmien soldi għall-festa titulari, li kien l-istess ħlas li kien jinagħta mitt sena qabel fl-1810;
  • Lira u seba' xelini għaż-żejt, xema’ u ħwejjeġ simili oħrajn;
  • Tmien soldi għax-xiri ta' kalendarji;
  • 16-il xelin u 6 soldi għax-xiri ta' nbid u ostji;
  • 7 xelini għall-ħasil ta' abiti sagri;
  • 6 xelini bħala ħlas għal min jgħin il-quddies;
  • 4 xelini għal kull quddiesa li kien iqaddes bħala elemożina, li kienet tinkludi wkoll spejjeż tat-trasport;


Il-viġendarju Dun Franġisk Catania, li nħatar fl-1917, kellu taħt idejh il-kura spiritwali ta' madwar 200 ruħ tal-inħawi u kien iqarar, iqaddes kif ukoll jgħallem il-katekiżmu. Kien ukoll jgħallem lin-nies tal-post għax fl-inħawi ma kienx hemm skola.

Waqt it-tieni gwerra dinjija, il-viġendarju ta' dak iż-żmien Dun Ġwann Cortis, talab li jitħaffer xelter biex jipproteġi madwar 80 ruħ li kienu għadhom jgħixu fl-inħawi, peress li kienu waqgħu għadd ta' bombi fil-viċin u li kienu għamlu ħsara fl-irziezet tal-viċin.

Il-kappella

Il-kappella għandha altar wieħed u fuqu hemm il-kwadru titulari sabiħ li juri l-Immakulata Kunċizzjoni flimkien ma' San Ġwann il-Battista, San Pawl, Sant'Antnin u San Ġużepp. Hi pittura ta' Gian Nicola Buhagiar li għalih huma attribwiti wkoll żewġ pitturi, ta' Sant'Anna u San Ġwakkin, li hemm waħda fuq kull naħa tal-altar.


Ritratt: Anthony M. Brincat

 

Il-kappella għandha pjanta rettangolari b'kor żgħir li fih hemm l-altar u saqaf troll.  L-inkwatru huwa mdawwar minn perspettiva skulturata li fin-naħa ta' fuq hemm żewġ anġli jżommu kuruna u l-iskrizzjoni: “Pura Pudica Pia Miseris Miserere Maria” (Twajba u Pura Marija ħenn għalina l-imsejknin). Il-kappella hija mżejna bi skultura u induratura.

Fiha hemm ukoll statwa ħelwa tal-Kunċizzjoni li tinħareġ f'purċissjoni fil-festa li ssir fl-ewwel Ħadd wara t-8 ta' Diċembru.  Din l-istatwa hija xogħol ta' Ġlormu Dingli, imwieled u midfun fl-Imqabba iżda li għex fir-Rabat u li kien statwarju tajjeb ħafna. Dan Ġlormu kien jagħmel xogħol manwali. Fost xogħlijiet oħra artistiċi tiegħu insibu l-istatwa ta' Ġuda jbus lil Kristu li hemm fil-Mosta u li hija kapulavur tiegħu. Kien magħruf ukoll għal statwi fil-minjatura u min dawn fir-Rabat hemm għadd ġmielu tiegħu.

Il-faċċata

Fil-ġnub tal-kappella hemm żewġ pilastri tal-ordni Tuskan li jerfgħu gwarniċun li fuqu hemm pediment jew frontispizju ta' stil ta' Vignola. Fuqu għandu salib tal-Kavallieri bi tmien ponot. Fil-truf ta' dan il-frontispizju hemm żewġ piramidi għamla ta' ħuġġieġa tan-nar. Il-bieb huwa sempliċi iżda fuqu għandu gwarniċa mmulata. Aktar 'il fuq hemm tieqa ovali u tliet armi mnaqqxin fil-ġebel, li waħda minnhom hi tal-Gan Mastru Manoel de Vilhena. Fil-ġnub tal-bieb hemm is-soliti twieqi baxxi minfejn in-nies kienu jistgħu jinvistaw il-kappella meta din tkun magħluqa. Fuq in-naħa ta' wara tal-kappella hemm kampnar kwadru li fih żewġ qniepen, u fuq quddiem tagħha hemm zuntier żgħir.

Il-graffiti

Mal-ħajt tal-faċċata nsibu numru ta' graffiti ta' xwieni tal-Ordni, li aktarx saru minn baħrin li kienu salvaw minn xi għarqa.

Il-kappella llum

Fil-kappella jsir il-quddies nhar ta' Sibt u l-Ħadd fil-għaxija. Kull sena ssir ukoll festa ħelwa nhar l-ewwel Ħadd wara t-8 ta' Diċembru, li għandha l-għeruq tagħha għal żmien il-Kavallieri. Illum il-knisja tintuża wkoll biex isiru rtiri fiha minn għadd ta' għaqdiet reliġjużi peress li l-ambjent rurali u kwiet, jagħmluha post eċċellenti biex wieħed ikun jista' jinġabar fi ħsibijiet u jirrifletti fuqhom.

Kitba ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Caroline Busuttil u Roderick Busuttil

Nota:

Il-paragrafu dwar il-Viġenda nbena fuq artiklu ta' Winston Lawrence Zammit, li deher fir-rivista rivista Il-Festa Tagħna 2002, għadd 26, Festa ta’ San Pawl - Rabat, bil-permess ġentili tal-awtur.

L-informazzjoni dwar Ġlormu Dingli għaddihilna Peter Paul Ciantar.

Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Ritratt: Roderick Busuttil
Il-vara tal-Kuncizzjoni fil-festa - Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com