KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

mill-Internet: Titular Sarria - Dettall

Il-knisja ta’ Sarria
~ Floriana ~

Il-knisja ta’ Sarria tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-parroċċa ta’ San Publiju fil-Floriana. Il-knisja hi ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni.

 

Ritratt: Caroline Busuttil



Oriġini

Din il-knisja oriġinarjament inbniet bi flus il-Kavallier Fra Martin de Sarria Navarro fl-1585. Fl-1675 faqqgħet il-pesta f’Malta u din il-marda kiefra għamlet ħerba kbira, fejn kienu mietu madwar 6,700 ruh. Insibu li kienu mietu għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni. Meta deher li xejn ma seta’ jeħles lill-poplu minn din il-marda, l-Ordni daret għall-interċesssjoni tas-sema.

ll-Gran Mastru Nikol Cotoner, li kien bniedem devot ħafna tal-Immakulata Kunċizzjoni, flimkien mal-Kunsill tiegħu għamlu wegħda li, jekk Malta fi żmien qasir teħles minn dan il-flaġell, tinbena knisja barra mis-swar tal-Belt iddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Huma ddikjaraw li nhar it-8 ta’ Diċembru, il-membri kollha tal-Ordni kellhom iwiegħdu li jibdew jersqu lejn is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin.  Din il-wegħda tidher ftit stramba meta wieħed jiftakar li l-Ordni kien essenzjalment wieħed reliġjuż.  Iżda jista’ wkoll jindika xi laxkezza li l-membri tal-Ordni kienu waqgħu fiha f’dak iż-żmien.

Barra minn dan, saret il-wegħda li fil-festa tal-Kunċizzjoni jew f’xi jum minn tal-Ottava, tibda ssir purċissjoni solenni mill-knisja Konventwali ta’ San Ġwann għal din il-knisja li kellha tinbena, bħala ringrazzjament, jekk fi żmien qasir Malta teħles minn din il-marda mistkerrħa.

Il-Wegħda titwettaq

Qajl qajl wara l-wegħda, l-epidemija bdiet tnaqqas, sakemm intemmet għal kollox, u fl-1677 l-Ordni beda jwettaq il-wegħda li kien għamel.  Minflok dik il-knisja żgħira li kien hemm qabel li kien bena l-Kavallier Sarria Navarro kważi mitt sena qabel, bdiet tinbena oħra: dik li hemm illum.  Id-disinn tal-knisja sar minn Mattia Preti, il-Kalabriż, filwaqt li l-knisja nbiet taħt is-superviżjoni ta’ Lorenzo Gafà.

Iżda dan ma kienx biżżejjed.  Minn dik is-sena (1677), fit-8 ta’ Diċembru fIl-knisja Konventwali ta’ San Ġwann kien jitkanta il-Matutin Solenni u kif dan jintemm, il-Kappillani Konventwali tal-Lingwa tal-Italja kienu jiċċelebraw quddiesa fil-kappella tagħhom iddedikata lil Santa Katerina. Kif tintemm il-quddiesa, ix-xbieha tal-Madonna ta’ Caraffa vvenerata f’din il-kappella, kienet tittieħed proċessjonalment minn din il-kappella għal fuq l-altar maġġur tal-knisja Konventali. Preċiżament wara kienet tibda l-Quddiesa Pontifikali, li għaliha kien jattendi l-Gran Mastru u l-ġerarkija kollha tal-Ordni. Wara li tintemm il-Quddiesa Solenni kienet issir priedka fuq il-Konċepiment Immakulat ta’ Marija minn oraturi mill-aqwa. F’nofsinhar, imbagħad, kienet tibda mota bil-kbir mill-qniepen ta’ San Ġwann biex tfakkar it-tkomplija tal-wegħda permezz tal-funzjonijiet ta’ wara nofsinhar.

Ta’ min jgħid li għalkemm id-domma tal-fidi dwar il-Konċepiment Immakulat tal-Madonna kien ġie biss promulgat fl-1854 mill-Papa Piju IX, id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu kien ilu ġej sa minn żmien il-Biżantini bħal San Girgor Nazjanzenu li sejjaħ lill-Madonna bħala as "prokathartheisa” li tfisser “ippurifikata minn qabel”.

Il-funzjonijiet ta’ wara nofsinhar kienu jibdew bl-Għasar u mal-bidu tal-Kompjeta, kienu joħorġu l-Mazzier, abbati bis-Salib tal-Kleru u warajhom il-Ministri tal-Pontifikal, segwiti mid-djaknu li kien jittrasporta l-Ostensorju li kien jintuża f’din is-solennità, akkumpanjati minn erba’ abbatini b’torċa u tnejn oħra biċ-ċensier.

Id-Djaknu kien jesponi dan l-Ostensorju fuq l-altar maġġur u l-Gran Prijur kien jieħu postu fuq is-sedja tiegħu fuq il-presbiterju. Megħjun miċ-ċerimonjier u mill-ministri l-oħra, kien jibda jilbes l-ilbies pontifikali bi tħejjija għall-purċissjoni lejn il-knisja li nbniet il-Furjana, li baqgħet magħrufa sal-lum bħala Ta’ Sarria. Kif tintemm il-Kompjeta, kien jitkanta t-Te Deum u kif dan jispiċċa, iċ-Ċerimonjier, wara li jagħmel inkin quddiem il-Gran Prijur u ieħor quddiem il-Gran Mastru, kien imur jinċensa l-altar, jinżel f’nofs il-korsija u jagħti s-sinjal biex tibda ħierġa l-purċissjoni.

Mal-wasla fIl-knisja ta’ Sarria, kienet titkanta l-Antifona Sub Tuum Praesidium u kif din tintemm, il-Gran Prijur kien jibda’ t-talb li hemm fir-ritwal għall-funzjonijiet ta’ ringrazzjament.  Kif jispiċċa dan, il-Kantur Konventwali kien jintona l-kantiku Ave Maris Stella u wara l-purċissjoni tibda triqitha lura lejn San Ġwann.

Din il-purċissjoni b’wegħda, flimkien mal-funzjonijiet marbutin magħha, baqgħu isiru anki wara li l-Ordni tkeċċiet minn Malta mill-Franċiżi. Beda jiffunzjona l-Isqof flimkien mal-Kapitlu tal-Katidral.  Magħhom kienu żdiedu wkoll il-Kapitlu tal-Parroċċa ta’ San Pawl, flimkien mal-Kleru Sekulari u Regulari tal-Belt, flimkien mal-Fratellanzi rispettivi tagħhom. Kien dan l-aħħar li din il-purċissjoni sal-Knisja ta’ Sarria ma baqgħetx issir.   Minflok, illum issir purċissjoni qasira madwar il-Konkatidral ta’ San Ġwann eżatt qabel il-Quddiesa Konventwali li għadha ssir kull nhar ta’ Ħadd filgħodu.  L-aħħar darba li kienet saret il-purċissjoni lejn Sarria kien fl-1995.

Il-knisja

Din il-knisja hija eżempju ta’ disinn artistiku magħqud, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.  Il-knisja hija żgħira u għanda għamla tonda.  Fiha altar wieħed, u tliet qniepen.   Fil-bidu tat-tmintax-il seklu, il-lanterna li kienet tinkuruna l-koppla bil-kustilji tal-knisja, kellha tiżżarma jew minħabba xi ħsara strutturali jew minħabba xi laqta ta’ xi sajjetta.  Minfloka tqiegħed salib tat-tmin ponot tal-ġebel li jkisser mill-proporzjon oriġinali tad-disinn ta’ Preti.  Iż-żebgħa ta’ lewn griż li tqiegħdet biex tipproteġi kontra x-xita  ttellef ukoll mis-sbuħija tal-binja nfusha.

Fis-sagristija hemm merfugħa pittura tal-fundatur tal-ewwel kappella, il-Kavallier de Sarria, u tal-awtur ewlieni tal-wegħda, il-Gran Mastru Nikol Cotoner.

It-titular ta’ din il-knisja huwa biċċa mill-isbaħ, xogħol tal-Kalabriż Mattia Preti li juri lill-Immakulata Kunċizzjoni mal-anġli li qed iqiegħdu x-xwabel lura fl-għant tagħhom wara li kienu għadhom kemm kemm użawhom biex rebħu fuq il-pesta.

 

Ritratt:  Anthony M. Brincat



Minbarra dan it-titular, insibu diversi pitturi oħra ta’ dan l-artist magħruf, fosthom, l-għoti tal-Abitu lir-Reliġjon Ġerosolimitan u r-Rebħa tar-Reliġjon fuq it-Torok, kif ukoll ta’ Santu Rokku, Santa Rosalie u San Bastjan, magħrufin għall-interċessjoni tagħhom fil-mard tal-pesta.   Kwadru sabieħ ieħor ta’ Mattia Preti hu dak ta’ San Nikola ta’ Bari.  Dawn huma s-seba’ kapulavuri ta’ Preti li jinsabu f’din il-knisja li minnha nfusha hija wkoll kapulavur fil-ġebla tal-istess artist.

Fis-sagristija hemm ukoll kwadru qadim li fuqu hemm impinġijin il-Verġni Mqaddsa mal-qaddisin Ġwanni l-Għammiedi u Luqa l-Evanġelista. Dan hu xogħol Antonio Riccio, Taljan minn Messina. Dan il-kwadru aktarx li kien fil-kappella l-qadima.

Ritratt: Anthony M. Brincat

Ritratt: Anthony M. Brincat


Opri oħra li hemm f’din il-knisja huma d-diversi statwi li fiha, fosthom dawk tal-Qalb ta’ Ġesù, ta’ San Ġużepp, u tad-Duluri.

Talba biex issir Parroċċa

Billi s-subborg tal-Floriana kien beda ftit ftit jikber u jitgħammar bin-nies, il-Gran Mastru Vilhena fil-21 ta’ Settembru 1724, għamel rikors lill-Papa biex il-knisja ta’ Sarria, li kienet amministrata mill-Kappillan tal-Ordni, titwaqqaf bħala Paroċċa mingħajr ma tkun suġġetta għall-Isqof ta’ Malta.

L-Isqof ta’ dak iż-żmien Gori Mancini, naturalment ma qabilx mal-fehma tal-Gran Mastru, iżda wera x-xewqa tiegħu li tinbena knisja oħra minflok. il-Gran Mastru ma qalx le u ftit wara tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja ta’ San Publiju mill-Isqof Alpheran de Bussan nhar it-2 t’ Awwissu 1733.

Iżda x-xorti riedet li l-knisja ta’ Sarria xorta waħda kellha sservi ta’ parroċċa għal xi ftit żmien meta l-knisja ta’ San Publiju intlaqtet mill-bombi Ġermaniżi fit-tieni gwerra dinjija. Din serviet ta’ parroċċa minn nhar it-28 t’ April 1942, sal-10 ta’ Diċembru 1944. Dan huwa mfakkar fis-sagristija ta’ Sarria b’lapida mqiegħda mill-Floriana Civic Committee.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat


Xogħol ta’ Restawr

Ftit żmien ilu, fl-2005, sar ħafna xogħol ta’ restawr fuq din il-knisja monumentali, li sofriet numru ta’ danni matul is-snin, fosthom ċaqliq sinifikanti fl-istruttura waqt l-isplużjonijiet tal-bombi li waqgħu ħdejha matul it-tieni gwerra dinjija. Dan ir-restawr sar mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan id-Divizjoni tax-Xogħlijiet immexxijin mill-perit Hermann Bonaci b’kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Istudji Barokki tal-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Bologna.

Numru ta’ ħaddiema minn dan id-dipartiment kienu ngaġġati jaħdmu kontra t-tmermir li laqat din il-knisja. Minn studji dettaljati fuq kampjuni tal-ġebla, ġie konkluż li l-ġebla li ntużat għall-kostruzzjoni tagħha kienet waħda inferjuri, liema materjal qiegħed jikkontribwixxi għal dan it-tmermir sinifikanti.   Ta’ min isemmi li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħolijiet kienu inagħtaw taħriġ speċjaliżżat f’ċentri apposta fl-Italja biex ikunu imħejjijin sew għal dan ix-xogħol.

Il-proċess tar-restawr kien jinkludi wkoll il-konsolidament u r-restawr tal-lavur u ta’ stemmi jew armi tal-familji, liema fatturi jiffurmaw parti mill-istorja tal-knisja, u li l-istess knisja hi mżejna bihom.

Aktar viċin tal-lum fl-2013 l-NGO Din l-Art Ħelwa taw bidu għar-restawr fuq l-erbgħa pitturi li għandhom x’jaqsmu mal-pesta, jiġifieri t-titular tal-Immakulata Kunċizzjoni, San Bastjan, Santa Rosalie u dak ta’ Santu Rokku.  Dan ir-restawr jikkoinċidi mal-400 sena mit-twelid ta’ Mattia Preti, li twieled fl-1613.  Ir-restawr sar mid-ditta Giuseppe Mantella Restauri bl-għajnuna tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.  Diversi ditti oħrajn, fosthom MSV Life u Shireburn Software sponsorizzaw ir-restawr.

 

mill-Internet: It-titular - Dettall


Għalkemm, kif għidna, mill-1995 il-purċissjoni ma baqgħetx issir lejn il-knisja ta’ Sarria iżda bdiet issir tul it-triqat ċentrali tal-Belt biss.  Minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, xorta waħda baqgħet tixhed ir-rikonoxxenza tal-poplu tagħna lejn l-Immakulata Kunċizzjoni għall-interċessjoni tagħha f’dawk ix-xhur ta’ twegħir li għaddew minnhom missierijietna.

Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Caroline Busuttil u mill-Internet

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
mill-Internet: San Bastjan
mill-Internet: Santu Rokku
mill-Internet: Santa Rosalie
mill-Internet: San Nikola
mill-Internet: It-titular - Dettall


 

Antifona Sub Tuum Praesidium

Sub tuum praesidium confugimus,
Sancta Dei Genetrix.
Nostras deprecationes ne despicias
in necessitatibus,
sed a periculis cunctis
libera nos semper,
Virgo gloriosa et benedicta.

mill-Internet: It-titular - Dettall
mill-Internet: It-titular - Dettall
mill-Internet: It-titular - Dettall
mill-Internet

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com