KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-knisja ta’ Sant’Anna
~ Forti S. Anġlu - Birgu~

Il-kappella ta’ Sant’Anna, li hija waħda miż-żewġ kappelli li hemm fil-Kastell “Castrum Maris” jew kif inhu magħruf aħjar, il-Kastell Sant'Anġlu, fil-Birgu.

Din il-kappella, li għandha storja kbira, tidher sewwa mill-Barrakka ta’ Fuq u minn ħafna postijiet li qegħdin fl-għoli madwar il-Port il-Kbir billi qiegħda fil-parti ta’ fuq nett tal-Kastell Sant'Anġlu.

Il-kastell Sant’Anġlu

Dan il-kastell huwa antik ħafna, u jaf il-bidu tiegħu fl-eqdem żminijiet, saħansitra anke saż-żminijiet Klassiċi.  Iżda wisq probabbli li kienu l-Għarab li ħasbu biex jibnu xi torri jew kastell f’tarf il-Birgu. Fi żmien l-Anġovini, il-kastell kien mgħammar b’munizzjon u suldati, u jingħad kif Matteo de Podio, Kastellan Franċiż, iddefendieh meta ġew l-Aragoniżi, fi żmien il-Vespri Siċiljani.

Ritratt: Noel CiantarDan il-forti kemm-il darba ġie rranġat u mkabbar aktar milli kien. L-ewwel tkabbir sar mill-Aragoniżi. U minn hawn għadda għal taħt idejn ċerta familja Maltija De Nava, familja nobbli ta' dixxendenza Sqallija, bi dritt ereditarju mogħti lilha mis-Sultan ta’ Spanja. Giovanni De Nava kellu t-titlu ta' Baruni u kien il-Kastellan ta' Sant'Anġlu bejn is-snin 1481 u 1485.

Dan għadda f’idejn l-Ordni ta’ San Ġwann, wara li l-familja De Nava ċediet il-kastell kollu, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Castrum Maris. Minfloku, din il-familja ngħatat pensjoni fis-sena mill-Ordni Ġersolomitana ta’ San Ġwann. Wara li ħaduh f’idejhom il-Kavallieri, komplew irranġawh. Dan il-kastell kellu sehem importanti fl-Assedju l-Kbir tal-1565 (għal aktar informazzjoni dwar il-kastell Sant’Anġlu fi żmien l-Assedju l-Kbir ara l-artiklu “Fort St. Angelo during the Great Siege” ta’ Dr. Stephen C. Spiteri). Fi żmien l-Ingliżi, dawn ħaduh taħt idejhom u komplew irranġawh u bidluh għas-sura kif nafuh illum.

Apparti din il-kappella ddedikata lil Sant’Anna, fil-kastell hemm ukoll kappella oħra ddedikata lin-Natività tal-Madonna jew, kif nafuha, il-Vitorja.

Oriġini

Din il-kappella ta’ Sant’Anna fil-bidu kienet iddedikata lil Sant’Anġlu, li meta taħseb ftit ma tiġix bħala sorpriża.. Hija mibnija fuq kripta, li hija mħaffra fil-blat u għalhekk titqies ukoll bħala kappella trogloditika. Din il-knisja kienet mibnija ħafna qabel il-wasla tal-Kavallieri f’Malta. Hu maħsub li nbniet qabel 1274 u nsibuha mniżżla f’dokument Anġovin li jġib dik id-data.

Ritratt: Noel Ciantar


Wara waqgħet f’idejn il-familja De Nava meta dawn ħadu l-forti. Il-kap ta’ din il-familja kien il-Ħakem, jew il-Gvernatur ta’ din il-gżira.  Hija tinsab fil-parti ta’ fuq tal-forti, quddiem il-Palazz Maġisterjali.  Skont Fra John Critien, il-Kavallier residenti f’Sant’Anġlu, fil-bidu tas-seklu tlettax, fi żmien il-Konti Enerico Pescatore, kien ġie f’dan il-Kastell Piere Vidal, li kien troubadour importanti minn Provence, fi Franza. Dan juri li f’Malta kien hawn ukoll rabtiet kulturali mal-Ewropa anke f’dawn iż-żminijiet. U mhux biss. Joseph M. Brincat, f’kitba fil-Melita Historica tal-1976 jgħid li “La presenza di Peire Vidal a Malta nel 1204 è un segno sicuro della floridezza economica che l’isola godeva sotto Enrico Pescatore.”  Jiġifieri mhux prestiġju biss kienet tgawdi Malta fi żmien Enerico Pescatore iżda anke affluwenza ekonomika biex setgħu iġibu lil Piere Vidal f’Malta.    Hu kien qed jikteb f’artiklu dwar il-poeżiji li Piere Vidal kiteb f’Malta bejn is-snin 1204-1205 ad unur il-Konti li kien ġabu hawn.

Malli l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ħadu l-forti f’idejhom, jiġifieri fl-1532, huma komplew irranġaw u kabbru din il-kappella. Ftit wara li rranġawha, il-Gran Mastru L’Isle Adam għamilha bħala l-kappella privata tal-Gran Mastru, u baqgħet isservi t’hekk sakemm il-Kavallieri telqu mill-Birgu u marru joqogħdu fil-Belt Valletta.

Id-dedika tal-kappella

Ritratt: Noel CiantarDin il-knisja ċkejkna għandha għamla partikolari tassew, b’navata kbira u saqaf li min isejjaħlu ta’ stil Siculo Normann u min stil Malti qadim. Imma hu x’inhu, hu stil li jixbah lil bini ieħor Malti tas-seklu ħmistax. Din il-kappella llum hija ddedikata lil Sant’Anna. Il-Kavallieri kellhom rabta speċjali ma’ din il-qaddisa, għax l-ewwel nett, Sant’Anna kienet omm il-Verġni Mqaddsa, u t-tieni nett, għaliex Sant’Anna kienet il-prottetriċi tal-baħħara, u l-Ordni, il-qawwa militari tiegħu essenzjalment kienet il-qawwa navali.

Din il-kappella bidlulha d-dedikazzjoni tagħha darbtejn. Oriġinarjament kienet iddedikata ’l Santa Marija. Imbagħad id-dedika nbidlet għall-Epifanija u fl-aħħar nett reġgħet ġiet iddedikata mill-ġdid lil Sant’Anna, bħalma għadha magħrufa llum.

Hu maħsub li fejn illum hemm din il-kappella, qabel kien hemm tempju qadim ta’ Ġuno, u li kien ra l-fdalijiet tiegħu Fra Quintino, storiku tal-Ordni. Fil-kappella hemm kolonna tal-granit aħmar li jingħad li ġejja mill-Eġittu. Din il-kolonna tappartjeni għal dan it-tempju antik ta’ Ġuno, tempju ta’ xi 1400 sena qabel Kristu. Il-Konti Ruġġieru sab il-fdalijiet ta’ dan it-tempju, meta hu ġie Malta fl-1091. Din il-kolonna, li ttellgħet minn qiegħ il-baħar, qiegħda żżomm parti mis-saqaf ta’ din il-kappella. Il-kwalità ta’ dan il-granit aħmar ta’ din il-kolonna jiġi biss mill-Eġittu.

Il-kappella


Il-kappella għandha disinn assimetriku, ġeneralment rettangolari iżda b’ħruġ ’il barra fuq in-naħa tal-lemin. Id-dħul hu minn bieb tal-injam li għandu arkata nofs tond u li fuqha hemm tieqa sempliċi ovali. Faċċata tal-entratura prinċipali hemm ftuħ żgħir, speċi ta’ pjazzetta, li fit-tarf tagħha, kważi fuq is-sur, hemm statwa ta’ San Ġwann il-Battista, il-patrun tal-Ordni Ġerosolmitan.

Il-kappella hija ddekorata fin-naħa ta’ fuq bi gwarniċ fil-ġebel mad-dawra kollha. Dan il-gwarniċ jikkomplimenta ieħor bħalu li hemm fit-Torri tal-Kaptan, fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella.

Fuq il-faċċatta hemm kampnar żgħir b’qanpiena tal-bronż, filwaqt li l-kampnar innifsu għandu fuqu salib tat-tmien ponot tal-kavallieri, maħdum ukoll fil-ġebla. Fuq in-naħa tax-xellug tal-kappella jidher li xi darba kien hemm bieb b’arkata ppuntata li llum, iżda, hu mbarrat bil-ġebel. Fil-ġnub tal-kappella hemm ukoll xi mwieżeb għall-ilma f’għamla ta’ kanun żgħir. Fin-naħa ta’ wara tal-kappella hemm taraġ li jagħti għal taħt l-art tal-kappella, fejn hemm żewġ swali kbar imdallmin (il-kripta l-antika li nbniet fuqha l-kappella attwali), waħda f’livell aktar baxx mill-oħra. Is-sala ta’ taħt fiha bokka fonda li jingħad li nstabu għadam ta’ nies fiha u li setgħet kienet tintuża bħala kannierja.

Kif tidħol fil-kappella, issib ruħek f’qisha entratura żgħira. Aktar ’il ġewwa mbagħad issib ruħek fil-parti prinċipali tal-kappella, bi ftuħ wiesa’ fuq il-lemin li jagħtiha l-għamla stramba assimetrika li rreferejna għaliha aktar ‘il fuq. Is-saqaf hu stil Sikulo-Normann (jew Malti antik, kif diġà għidna) u hu miżmum u mgħaqqad bil-kolonna tal-granit Eġizzjan fin-nofs li tiddemarka wkoll il-kappella prinċipali mill-fetħa fuq il-lemin. Fil-fetħa fuq il-lemin hemm żewġ altari tal-injam, wieħed b’kurċifiss kbir fuqu u l-ieħor fih statwa tal-injam li turi ’l Sant’Anna bil-Madonna f’ħoġorha. Fuq kull naħa ta’ din l-istatwa hemm arma minquxa fil-ġebel fil-ħajt. Dawn huma t-tnejn mikulin sew. Quddiem l-altar tal-Kurċifiss hemm ukoll ġinokjatur. Mal-ħajt tal-faċċata ta’ dan l-ispazju fuq il-lemin, hemm kitba bil-Latin li tikkommemora l-Gran Mastru Philip Villiers l’Isle Adam. Skont l-istoriku Anton Attard, l-iskrizzjoni bil-Latin tal-irħama tgħid li l’Isle Adam irranġa din il-kappella u wara, meta miet, indifen fiha.  Fil-kripta ta’ din il-kappella, li tinsab taħt il-knisja, indifnu l-ewwel 4 Gran Mastri tal-Ordni li mietu Malta li kienu Fra Filippo de l’Isle Adam, Fra Pierino del Ponte, Fra Jean d’Homedes u Fra Claude de la Sengle. Il-fdalijiet ta’ dawn il-Gran Mastri nġarru fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, meta dan tlesta. Taħt din l-irħama hemm ukoll żewġ statwi ta’ qaddisin, twal madwar metru, iddentifikati minn Winston Zammit bħala dawk ta’ San Ġwann il-Battista u ta’ San Ġiljan.

Il-kappella nnifisha hi spartana u kważi bla tiżjin. Hemm bieb żgħir fuq in-naħa tal-lemin u fuqu hemm pittura tal-Madonna bil-Bambin ma’ Sant’Anna.  It-titular, fuq l-altar sempliċi tal-injam, huwa speċi ta’ riljiev li juri ’l Sant’Anna bil-Madonna żgħira f’idejha. Fuq in-naħa tax-xellug hemm ukoll kandelabru kbir tal-injam elaborat. L-art tal-kappella hi taċ-ċangatura. Fuq l-altar maġġur hemm speċi ta’ koppla ċatta f’għamla ta’ nofs tond u msaqqfa bix-xorok. Din fiha t-twieqi mad-dawra li jħallu d-dawl jidħol ġewwa għal fuq l-altar.

 

Ritratt: Noel Ciantar


F’dan it-tempju kien hemm ikona antika ħafna bħala titular ta’ din il-kappella. Bejn l-1937 u l-1939, din l-ikona ttieħdet fl-Awla Kapitulari tal-Kolleġjata Insinji ta’ San Lawrenz fil-Birgu, iżda iżda ironikament inqerdet fl-aħħar gwerra bil-bombi tal-għadu.

Fil-kappella ta’ Sant’Anna m’hemmx kwadru titulari. Hemm ritratt fuq it-tila fuq il-bieb tan-naħa tal-lemin tal-kappella, li juri lil Sant’Anna u lill-Madonna bil-Bambin f’idejha. Dan hu ritratt fuq it-tila ta’ pittura ta’ Stefano Erardi li hemm fil-Proto-Parroċċa ta’ San Pawl ir-Rabat. Din l-informazzjoni tahielna l-istoriku Anton Attard.

Il-kappella wara li telqu l-Kavallieri mill-Birgu

Wara li l-Ordni ġarret lejn il-belt Valletta, ftit huwa magħruf x’servizz baqgħet tagħti din il-kappella li kienet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ordni, iżda nafu li sas-sena 1648 kien għadu jiġi appuntat xi ħadd biex jieħu ħsiebha. Infatti f’dik is-sena jissemma l-presbiteru Injazju Da Amico, ġiżwita, li kien magħżul biex iservi bħala kappillan tagħha. Aktarx li kienet għall-użu ta’ xi kavallieri li kienu jieħdu ħsieb id-difiża tal-port minn dan il-kastell.

Meta ġew il-Franċiżi, fl-1798, jidher li ma baqgħetx tintuża għall-ħtiġijiet reliġjużi. Meta l-kastell kien ġie okkupat mill-forzi tas-servizzi Ingliżi fil-bidu tas-seklu dsatax, il-knisja kienet biss tintuża bħala maħżen biex jerfgħu fiha l-munizzjon u armi tas-suldati.

Sas-sena 1866, kienet għadha miżmuma qisha armerija, mimlija bi ħwejjeġ meħtieġa għall-kanuni li kienu jimlew il-fortizzi. Fis-sena 1882, iżda kienet tbattlet u tnaddfet u bdiet tiġi wżata bħala skola.

Billi qrib is-sena 1921 ma kienet ta’ ebda użu, kienet ġiet magħluqa u hekk baqgħet għal bosta snin. Wara kien wera interess fiha wieħed Kmandant Navali tas-Servizz Ingliż fil-kastell u fetaħha mill-ġdid. Wara li tnaddfet, ġiet ikkonsagrata għas-servizz reliġjuż taċ-Church of England għall-użu tal-baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati fil-kastell stess.

Bis-saħħa t’hekk kienet ġiet ikkultivata, iżda wara l-gwerra, bil-ħila tal-kappillan Kattoliku tal-flotta Ngliża ta’ dak iż-żmien, bdiet tintuża għall-funzjonijiet Kattoliċi.  Bdiet issir quddiesa għall-Maltin li jaħdmu hemm. Fil-Vitorja, kienet issir quddiesa għall-pubbliku wkoll. Wara li telqu l-Ingliżi din il-kappella reġgħet ingħalqet.

Storja riċenti u restawr

Din il-kappella llum reġgħet waqgħet f’idejn l-Ordni ta’ Militari Sovran ta’ San Ġwann.  Dan sar permezz ta’ trattat bejn l-istat Malti  u l-Ordni ta’ San Ġwann fil-5 ta’ Diċembru tal-1998,  fejn l-Ordni ingħata sovranità limitata fuq il-parti ta’ fuq tal-forti li jinkludi l-Palazz tal-Gran Mastru kif ukoll il-kappella ta’ Sant’Anna.  Dan sar sabiex l-Ordni jkun jista’ jaħdem aħjar iżda wkoll biex jiddefinixxi aħjar l-istatus legali tal-forti u s-sovranità ta’ Malta fuqu.

It-trattat kien ratifikat fl-1 ta’ Novembru tal-2001 u jkopri 99 sena iżda l-istat Malti jista’ jwaqqfu wara li jkunu għaddew almenu 50 sena.  Il-bandiera Maltija għandha tittajjar f’lok prominanti flimkien ma’ dik tal-Ordni. 

Għalkemm il-kappella hi miżmuma tajjeb ħafna, s’issa kienet qiegħda tintuża biss f’xi okkażjonijiet mill-Gran Mastru tal-Ordni. Sfortunatament din il-kappella ma tantx kienet qed tinfetaħ għall-pubbliku, għajr nhar it-8 ta’ Settembru, il-ġurnata li fiha Malta tiċċelebra l-festa nazzjonali tal-Vitorja, il-jum li fost l-oħrajn jikkommemora r-rebħa fl-Assedju l-Kbir fuq it-Torok. L-uniku resident uffiċjali li hemm f’Sant’Anġlu, Fra John Critien, kull nhar is-26 ta’ Lulju fil-festa ta’ Sant’Anna jagħmel festa bil-kbir fil-kappella kif ukoll isiru xi attivitajiet soċjali wara bis-sehem tal-poplu tal-Birgu.

Sa ftit ilu, il-forti u l-kappella kienu magħluqin minħabba restawr estensiv li kien qed isir minn Heritage Malta permezz ta’ fondi mill-ERDF tal-Unjoni Ewropea.   Fil-5 ta’ Marzu tal-2012 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) alloka €13.4 miljun għar-restawr u l-konservazzjoni tal-forti.  Dan ir-restawr issa hu lest u kien koordinat minn Heritage Malta taħt id-direzzjoni tal-perit Ruben Abela.  Il-forti, inkluż il-kappella, ġew inawgurati waqt il-konferenza internazzjonali tal-pajjiżi tal-Commonwealth (CHOGM) li saret f’Novembru tal-2015.  Hemm ħsieb li l-Heritage Malta jibdew jiftħu l-forti għall-pubbliku ġenerali fuq bażi regolari.

Restawr ieħor li kien sar fil-kappella infisha kien dak tar-riljev fuq l-altar maġġur li juri lil Sant’Anna mal-Madonna.  Dan kien ġie rrestawrat fl-2013 fuq inizjattiva tal-NGO Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA).  L-ispejjeż tar-restawr, li sar mir-restawratur David Frank Bugeja, tħallsu mid-ditta Atlas Insurance.

Nota:

Id-deskrizzjoni tal-kappella mogħtija hawn fuq hi kif kienet tidher nhar it-8 ta’ Settembru 2007 meta, bħal snin oħrajn, kienet miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Jista’ jkun li minn dak in-nhar ‘l hawn, sar xi tibdil u/jew ċaqliq ta’ oġġetti li fiha din il-kappella. Għalhekk, id-direzzjoni tixtieq li min għandu xi informazzjoni dwar dan, jgħaddihielna sabiex ikollna stampa kompleta u attwali ta’ kif inhi din il-kappella.
 

Kitba ta’ Joseph Brincat;
Proof Reading ta’ Tony Bonello
Ritratti: Noel Ciantar u mill-Internet

Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
mill-Internet - wara r-restawr
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
mill-Internet - Lisle Adam Signature
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com