KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony M. Brincat

Il-kappella tal-Providenza
~ Siġġiewi ~

Din il-knisja tinsab bejn is-Siġġiewi u Għar Lapsi, fil-lok fejn fl-antik kien hemm ir-raħal antik imsejjaħ Ħal Kbir, li llum spiċċa u minnu, flimkien ma’ tlett irħula oħra, twieled ir-raħal tas-Siġġiewi.  Jingħad li dan ir-raħal kien wieħed mill-akbar irħula ta’ Malta.

Oriġini

Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu tal-Providenza hija antika ħafna u tmur lura għal aktar min-nofs is-seklu tmintax. It-tradizzjoni tgħid li fl-antik kien hemm knisja magħrufa bl-isem ta’ Santa Marija tal-Knejjes jew Marija Assunta, li kienet mibnija fuq katakombi f’dawk l-inħawi.

Fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina tal-1575, meta kien għadu jeżisti Ħal Kbir, sab knisja dedikata lill-Madonna fil-Ħarba tagħha fl-Eġittu. Maġenb din il-knisja kien hemm knejjes oħra li llum spiċċaw.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Meta r-raħal ta’ Ħal Kbir ġie abbandunat, il-knisja ġiet mitluqa tant li fl-1747 l-Isqof Alpheran de Bussan kien ordna li tiġi pprofanata. Jidher li l-kappillan tas-Siġġiewi, Dun Michelangelo Mamo, kien iddispjaċut ħafna għal dan kollu u ddeċieda li jibniha mill-ġdid. Huwa stinka kemm felaħ biex jipperswadi lill-Isqof de Bussan biex jagħtih permess li jerġa’ jiftaħha. Jidher li rnexxielu fl-għan tiegħu għax il-knisja nbniet mill-ġdid, u meta tqiegħdet l-ewwel ġebla fl-4 ta’ Novembru 1750, tqiegħdu midalji bix-xbieha tal-Madonna, bl-isem tal-Monsinjur Isqof de Bussan u tal-kappillan Mamo li ħallas għaliha. Il-knisja, skont Leonard Mahoney, ġiet mibnija fuq l-istil tal-knisja ta’ Liesse tal-Belt Valletta. Il-bini tal-knisja l-ġdida tela’ bit-tħabrik tal-kappillan u tas-saċerdot Dun Nikol Borg. Il-knisja l-ġdida tbierket fis-16 ta’ Settembru 1753 mill-Kapillan Mamo b’delegazzjoni tal-Awtorità Ekkleżjastika.

Id-dedika lill-Madonna tal-Providenza

Wara li l-knisja ġiet ikkonsagrata mill-ġdid fl-1753, din bdiet tiżżejjen b’opri tal-arti. Il-knisja kellha altar wieħed u l-kwadru titulari, li ġie kkummissjonat mill-Kapillan Mamo nnifsu, li juri lill-Madonna li qed iżżomm fi ħdanha lil Binha Ġesù, u tidher ukoll imdawra bl-anġli. Fil-parti t’isfel tal-kwadru jidhru l-erwieħ tal-purgatorju.  Billi l-kappillan Mamo kien devot kbir ta’ San Mikiel Arkanġlu, li tiegħu kien iġib l-isem, dan il-qaddis jidher ukoll fil-kwadru. L-artist li pinġa dan il-kwadru kien Enrico Arnaux.

Iżda fl-1804 dan il-kwadru titolari tneħħa u minfloku tqiegħed ieħor li għadna narawh sal-lum. Dan huwa x-xogħol tal-pittur Palermitan Giuseppe Velasqueza, li jirrappreżenta lill-Madonna flimkien ma’ Binha Ġesù fi ħdanha. Il-Madonna tidher li qiegħda fuq l-isħab b’idha miftuħa tbierek r-raba, xebħ tal-Providenza Divina. Minn dak in-nhar il-knisja saret magħrufa bħala l-knisja tal-Providenza.

Ritratt - Anthony M. Brincat  Il-knisja tkompli tiżżejjen

Dun Michelangelo Mamo u Dun Nikol Borg, wara li stinkaw kemm felħu biex jiġbru l-flus biex inbniet il-knisja, komplew iżejnuha mill-aħjar li setgħu, tant li dawn it-tnejn jibqgħu magħrufa bħala benefatturi kbar ta’ din il-knisja. Dun Nikol, minn butu stess, ħallas għall-iskultura kollha li żżejjen din il-knisja kemm minn ġewwa, kif ukoll minn barra.

Jidher illi fl-1815 il-knisja tal-Providenza sofriet xi ħsarat meta ntlaqtet minn sajjetta. Biex jigi rranġat il-ħajt li ġarrab il-ħsara, inbena portiku sabiħ majestuż li hemm llum. Dan ħallas għalih Dun Pietro Paolo Saliba, neputi tal-kappillan Mamo, u sar fuq id-disinn tal-arkitett Mikiel Cachia. Ta’ min jgħid li dan il-portiku li għadna narawh sal-lumm hu wieħed mill-isbaħ li nsibu fil-gżejjer tagħna.

Fuq il-faċċata ta’ barra tispikka l-iskultura li tirrappreżenta għasafar inaqqru rummiena, li tirrappreżenta l-providenza. Taħthom hemm kitba bil-Latin meħuda mill-Vanġelu ta’ San Mattew li tgħid “Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema: la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħazen, imma madankollu Missierkom li Hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx iktar minnhom?”.

Il-knisja għandha koppla sabiħa ħafna, skolpita, li ġo fiha hemm kampnar żgħir li fih qanpiena li ġġib l-arma tal-Gran Mastru Fra Emmanuel Pinto de Fonseca, li nafu li kien devot kbir tal-Madonna.

Restawr ta’ pittura

Il-kappella ta’ Tal-Providenza fiha għadd ta’ xogħolijiet tal-arti li kienu qed jiddeterjoraw kemm minħabba d-dawl naturali li kien jaqa’ fuqhom mit-twieqi, minħabba l-umdità kkawżata mill-ilma tax-xita li kien jidħol fil-kappella u anke minħabba l-insatbilità tal-atmosfera li l-kappella nnifisha fiha.

Fl-2004 Dun Albert Buhagiar, l-Arċipriet tas-Siġġiewi ta’ dak iż-żmien waqqaf kumitat biex jieħu ħsieb il-patrimonju kulturali tas-Siġġiewi.  Il-kumitat kien fih seba’ membri u x-xogħol tiegħu kien li jsib fondi m’għand donaturi kemm privati kif ukoll m’għand ditti u korporazzjonijiet biex jiġu restawrati xogħolijiet tal-arti fil-kappelli tas-Siġġiewi.

Tlett pitturi maħdumin biż-żejt fuq il-kanvas  li jinsabu fil-kappella Tal-Providenza u li kienu tpittru lejn tmiem is-seklu tmintax kienu fost ix-xogħolijiet li ġew restawrati mill-koperattiva ReCoop (Restoration and Conservation Cooperative) li kienet tqabbdet biex tagħmel dan ix-xogħol minn dan il-kumitat.  Dan ir-restawr tlesta fl-2006.

Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia  Titular tal-Madonna tal-Providenza
Ritratt kompost - Ritratti ta' Dorienne Bonello
Ritratt - Dorienne Bonello
San Anton Abbati u San Pawl Eremita - Ritratt - Caroline Busuttil

San Gejtanu u San Filippu Neri - Ritratt - Caroline Busuttil

L-Assunta - Ritratt - Caroline Busuttil

L-artisti li pinġew dawn it-tlett pitturi ma nafux min kienu.  L-iktar waħda li kienet ġarrbet ħsara minħabba t-tnixxija tal-ilma kienet dik li turu lill-San Pawl Eremita ma’ San Anton Abbati.  Din il-pittura, li tista’ tkun ta’ Francesco Zahra, kellha ħsara kbira, fosthom tiċrit tal-kanvas, tpaħpieħ tat-tila u partijiet taż-żebgħa li kienu ddeterjoraw.  Il-qafas tal-injam tant kien ġarrab ħsara li ma setax iżomm il-kanvas fuqu u kellu jsir intervent ta’ emerġenza fuq il-kwadru qabel dan ma seta’ jiġi trasportat għand il-laboratorji tar-ReCoop għar-restawr.

Iż-żewġ pitturi l-oħra li ġew restawrati, jiġifieri dik li turi lil San Gejtanu flimkien ma’ San Filippu Neri kif ukoll l-oħra li turi l-Assunta, kellhom ħsarat fiż-żejt li jgħaqqad iż-żebgħa u għalhekk kienu jidhru imptappnin.  Parti mill-ħwejjeġ tal-Assunta kellhom xi moffa fuqhom u minħabba f’hekk kienu swiedu.  Ir-restawr kien metikoluż u kull pass li sar ġie ddokumentat sabiex jibqa’ rakkont ta’ kull intervent li sar.  Ir-restawr fuq dawn it-tlett pitturi dam 18-il xahar u tlesta fl-2006.

Ritratt - Caroline Busuttil Pitturi oħrajn

Fuq il-bieb li jagħti għas-sagristija fuq in-naħa tal-Epistola fuq l-altar maġġur hemm pittura oħra li turi lil San Kożma u San Damjan.  Dawn kienu żewġ aħwa tewmin li kienu jipprattikaw il-mediċina u li fis-sena 287 W.K. inagħtaw il-martirju fiċ-Ċiliċja.  Din il-pittura hija kopja ta’ waħda li hemm fis-sagristija tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann impinġija minn Mattia Preti fl-1698.  Dan ifiser li din fil-kappella Tal-Providenza tpittret wara din id-data.  Fuqha tidher stemma araldika iżda billi l-pittura ma tantx hi fi stat tajjeb, id-dettalji ta’ din l-istemma ma jidhrux sew.  Kienet ikkummissjonata minn xi devot ta’ dawn il-qaddisin iżda la nafu ismu u lanqas id-data ta’ meta tpittret.

Hemm ukoll kwadri li juru, fost oħrajn, il-konverżjoni ta’ San Pawl, il-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu u l-Assunta l-antik.   Pittura oħra turi lil San Filep, ikeċċi x-xjaten minn tfajla.  Hemm ukoll statwa ta’ Santu Rokku.

Minn ġewwa il-kappella hija mżejna b’pilastri iggruppati ta’ stil kompost u kull kwadru hu mżejjen b’rederos stil rococo b’anġli, weraq, arzelli, liedna, putti u kull tiżjin immaġinabbli li wieħed jista’ jaħseb fih.  Il-kappella hija mdawwra b’entablatura bi friż iddekorat u li fuqha jserrħu għadd ta’ twieqi li jagħtu d-dawl lill-ġewwieni tal-kappella.  Ma jonqsux ukoll il-lampier u għadd ta’ linef żgħar tal-kristall.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

Il-kappella armata ghall-festa - Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat
San Filep jiskongra tfajla mix-xjaten - Ritratt - Caroline Busuttil
Il-Konverzjoni ta' San Pawl - Ritratt - Caroline Busuttil
San Kozma u San Damjan - Ritratt - Caroline Busuttil

Il-Harba lejn l-Egittu - Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Titular l-Antik - Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil Devozzjoni lejn il-Madonna tal-Providenza

Xhieda tad-devozzjoni kbira li teżisti lejn din il-knisja, li tinsab f’nofs il-kampanja, kienu l-ħafna kwadri ex voto li konna nsibu fiha.  Sfortunatament dawn kienu nsterqu fis-snin tmenin tas-seklu għoxrin u qatt ma nstabu.

Insibu wkoll illi l-Isqof Monsinjur Fra Bartolomeo Rull ikkonċeda indulġenza plenarja ta’ 40 jum lil kull min jgħid Salve Regina quddiem l-altar ta’ din il-knisja, u huwa għalhekk li t-tieqa li hemm fil-baxx tinżamm dejjem miftuħa.

Fil-ġenb tal-altar maġġur hemm balla ta’ kanun Tork li hija tifkira tal-Assedju l-Kbir tal-1565 fejn fid-difiża tas-swar tal-Birgu kien hemm madwar 560 raġel mis-Siġġiewi.

Il-festa fil-knisja tal-Providenza kienet tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru. Dak iż-żmien ħafna nies kien jimxu mis-Siġġiewi biex jaslu lejn din il-knisja, li tinsab qalb il-kampanja. Il-festa għadha tiġi ċċelebrata sal-lum, iżda fuq skala anqas.

Fil-knisja m'għadux isir quddies għajr għal xi tieġ jew xi okkażżjoni speċjali bħal festa.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Anthony M. Brincat, Dorienne Bonello u Fr. Jonathan Farrugia

Ritratt - Dorienne Bonello
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com