KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tad-Duluri
~ Pietà ~

Int u sejjer lejn il-Belt, qabel titlaq Sa Maison, eżattament wara l-klabb tal-boċċi tal-Pietà, hemm imrekkna knisja żgħira li għandha storja twila u mportanti x’tirrakonta. Din il-knisja hija ddedikata lill-Madonna tad-Duluri.

L-oriġini tal-knisja

Ftit snin wara li nbniet il-Belt Valletta, wara r-rebħa tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kontra t-Torok fl-Assedju l-Kbir tal-1565, fl-1592 f’Malta faqqgħet il-pesta. Sfortunatament din il-mixja spiċċat biex ħadet il-ħajja ta’ ħafna Maltin. Dak iż-żmien kienet id-drawwa li l-mejtin jindifnu fil-knejjes jew kappelli. Iżda tant kien hemm nies li mietu li l-knejjes tal-Belt ma kienux biżżejjed, u bdew jidfnu ukoll f’ċimiterju barra s-swar u t-trunċieri.

Qrib dan iċ-ċimiterju kbir tal-pesta nbniet kappella ċkejkna ddedikata lil Santu Rokku, protettur tal-mard infettiv. Dan seħħ lejn l-aħħar tas-seklu sittax, bejn l-1592 u l-1593.

Fil-bidu tas-seklu sbatax, lejn l-1617, ħdejn din il-knisja nbena kunvent żgħir tal-patrijiet Agostinjani, li kien immexxi mill-għaref u qaddis Patri Luca Zingheir. Ta’ min jgħid ukoll li l-kult ta’ Santu Rokku, assoċċjat ma’ mard infettiv fosthom il-pesta, huwa wkoll marbut mill-qrib mad-devozzjoni lejn id-Duluri, jew, kif inhi magħrufa bit-Taljan, il-Pietà.   Fdak iz-zmien id-dedika tal-knisja nbidlet għal dik li nafu llum, jiġifieri lill-Madonna tad-Duluri. Billi l-baħar kien qrib ħafna tal-knisja, ħafna iktar milli hu llum, din l-knisja bdiet tissejjaħ “Santa Maria a Mare”.  L-inħawi wkoll imbagħad ħadu l-isem ta’ din il-knisja u għadna nafuhom sal-lum bħala “tal-Pietà”.

Fl-1652 il-Papa Innocenz X, bil-kostituzzjoni “Instraurande” li għadda, amar li l-kunventi kollha li kellhom komunità żgħira, kellhom jagħlqu.  Minħabba din l-ordni, il-patrijiet Agostinjani li kellhom il-kunvent ftit ‘il bogħod mill-knisja kellhom jitilqu.  Fil-15 t’Ottubru tal-1652 l-Isqof ħatar qassis Djoċesan biex jieħu ħsiebha.
 

Ritratt - Philippe Agius - Faccata2


Il-knisja ssir, u mbgħad titneħħa, minn viċi-Paroċċa

Fl-1714 l-Isqof Cannaves ta lil din l-knisja benefizzju “di libera collazione”. In-numru ta’ nies f’dawk l-inħawi żdiedu qatiegħ, tant li fl-1721 in-numru laħaq l-456 ruh. Dawn, biex jaqdu l-bżonnijet spiritwali tagħhom, kellhom jitilgħu ‘il Belt, fil-knisja ta’ San Pawl Nawfragu.  Għalhekk bdew isibuha bi tqila biex jimxu dik t-triq kollha u minħabba f’hekk l-Isqof Gaspare Gori Mancini għamel lill-knisja tad-Duluri viċi-paroċċa (ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt) fl-1723. L-ewwel viċi-parroku ta’ din il-knisja kien Dun Ġann Battista Saguna.

In-nies tal-inħawi, li dak iż-żminijiet kienu żdiedu u bdew jgħoddu madwar 550,  xorta ma kinux kuntenti u talbu lill-isqof Gori Mancini biex lil din il-knisja jagħmilha parroċċa.  Huma offrew prebenda, jew għotja ta’ flus, biex il-kapillan ikollu biex jgħix.  Imma din id-darba l-Isqof m’aċċettax u ma laqax it-talba. Mhux talli hekk, talli preferenza inagħtat lill-knisja ta’ Sarria fil-Floriana u ftit wara, fl-1740 meta nbniet il-knisja ta’ San Publju fil-Floriana wkoll, il-knisja tad-Duluri ma baqgħetx viċi-paroċċa għax saret dik ta’ San Publiju minflokha.

Hawnhekk il-knisja ntelqet għal kollox u marret lura, tant li kienet waslet fi stat ħazin ħafna, kważi ser taqa’.

Il-knisja terġa’ tinbena

Il-kjeriku Ġużeppi Spiteri  talab permess biex jieħu l-knisja f’idejħ u jerġa’ jibniha mill-ġdid minħabba l-istat diżastruż li kienet tinsab fih. Fit-12 t’Ottubru tal-1757 l-isqof Pawlu Alpheran de Bussan aċċetta din it-talba bil-patt li ssir “benefizzju lajkali”.

Benefattur kbir ta’ din il-knisja kien il-Kavallier Wolfgang Filippu von Guttenberg. Dan kompla wegħda li kien għamel fi żmien il-pesta billi għamel bħal tarka kbira tal-għuda f’basso reliev li turi lil San Ġwann il-Battista wieqaf b’taħtu il-kliem “Praetium veritatis” li jfissru “il-prezz tas-sewwa”.  Taħt dan il-kliem tidher r-ras ta’ San Ġwann fuq platt. Il-kliem bil-Latin li hemm taħt din ir-ras qaddisa tal-qaddis protettur tal-Ordni hu dak li San Ġwann qal lil Erodi “ma jiswiex li tieħu lil mart ħuk”.  Skultur famuż li kien inaqqax dawn it-tip ta’ basso riliev kien Alessandro Algardi iżda ma nafux jekk dik li hemm fid-Duluri f’tal-Pietà hix xogħol tiegħu.  Restawr ta’ dan ix-xogħol jista’ jitfa’ aktar dawl fuq din l-opra tal-arti.

Hemm ukoll l-arma tal-familja ta’ von Guttemberg u lapida b’iskrizzjoni kbira. Ta’ min isemmi li dan il-kavallier von Guttemberg, apparti li kien beneffatur kbir ta’ din il-knisja, kien għen ħafna ukoll fil-bini ta’ knejjes oħrajn bħal dik tal-Ħniena fil-Qrendi fost l-oħrajn.

Ġrajjiet marbuta ma’ din il-knisja

Fil-Konfoffa tal-Qassisin kontra l-Ordni ta’ San Ġwann, Dun Gejtanu Mannarinu li kien mexxa l-konfoffa, kien jiltaqa’ ma’ sħabu fis-sagristija ta’ din il-knisja. Din il-konfoffa li kienet saret fl-1775, ma damitx ma falliet għax il-Maltin ma ħarġux jgħinu lill-qassisin.

Kavallieri midfuna fil-knisja

Fin-nofs tal-knisja hemm żewġ lapidi li jimmarkaw li taħthom hemm midfuna l-Kavallieri Fra Guillaume de Bernart D’Avernes u Fra Vincenzo Ruffo li kien miet bil-pesta tal-1676.  Anzjan mill-inħawi kien qal li meta għamlu madum ġdid kienu sabu f’qabar minnhom kurazza midfuna ħdejn il-kavallier  bla ħajja.  Din il-kurazza ma nafux x’sar minnha – possibilment xi ħadd ħadha.

San Ġorġ Preca u l-knisja tad-Duluri fil-Pietà

San Ġorġ Preca, meta waqqaf is-soċjeta tad-duttrina il-MUSEUM, kien jgħallem f’din il-knisja.  Hu kien kiteb talba (agħfas hawn għat-talba) dwar id-Duluri, f’forma ta’ ħsibijiet dwar x’setgħet ħasset Marija fil-mument tal-Kruċifissjoni.  Il-pittur Philippe Agius, li fiż-żgħożija tiegħu kien membru tas-Soċjetà tal-MUSEUM, kien pitter kwadru ta’ Dun Ġorġ u kien irregalah lil din il-knisja.  Illum dan jinsab fuq in-naħa tax-xellug fil-knisja.

Il-knisja fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija

Billi l-lokal tal-Pietà kien viċin il-Belt Valletta u l-Port il-Kbir, ma ħelisiex mill-qilla tal-attakki mill-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija. L-awtur Philo Pullicino, fl-awtobijografija tiegħu tal-gwerra (The Road to Rome: The sharp edge of the 2nd World War in Malta, as told in daily diaries), jiddeskrivi l-ewwel attakk mill-ajru li din il-lokalità ġarrbet fit-tieni gwerra dinjija.  Philo Pullicino kien Ajjutant fl-iSpecial Constabulary u kien involut hu stess f’dak l-ewwel attakk.  Jgħid li nhar il-11 ta’ Ġunju tal-1940, propju fl-ewwel ġurnata tal-ħbit mill-ajru, ftit wara li daqq nofs-il-lejl (12.25 am) l-Ispettur tal-iSpecial Constabulary is-sur Frank Debono kien irrapporta li ntlaqtu xi djar f’Tal-Pietà.  Kien hemm ħsara kbira.  Dar minnhom kienet iġġarfet kompletament filwaqt li oħrajn ġew iddikjarati bħala perikolużi biex jibqgħu jgħammru fihom in-nies.

L-iSpecial Constabulary evakwaw madwar 15-il persuna minn dawn id-djar perikolożi u ħaduhom fil-knisja tad-Duluri.   Dawn ma kellhomx x’jieklu u l-Ispettur kien ordna li b’xi mod jinġiebilhom ikel minn x’imkien.  L-awtur tal-ktieb, Philo Pulicino, jistqarr li hu ggarantixxa refużjoni tal-ispejjeż li jsiru biex jinġieb l-ikel għalkemm jistqarr ukoll li ma kellu l-ebda awtorità biex jagħmel hekk.  Iżda fi żminijiet diffiċli xi ħadd irid jaqbad il-barri minn qrunu u jiddeċiedi x’irid isir.  Sadanittant, 3 persuni kien għadhom midfunin taħt it-terrapien.

Sa għaxar minuti wara (12.35 am) ċertu persuna is-sur Averna kien ipprovda ħobż, bully beef u kafè għal dawk evakwati fil-knisja tad-Duluri.  Hu talab ukoll lis-sur Averna biex jaħseb għal xi ikel għal filgħaxija wkoll għal li jista’ jkun jekk ikun għadu ma sabilhomx post alternattiv fejn joqgħodu.  Dawn kienu l-ewwel refuġjati tal-attakki mill-ajru.

Filgħaxija (6.08pm), l-attakki mill-ajru battew u l-awtur reġa’ mar sal-Pietà fejn reġa’ ltaqa’ mal-ispettur Frank Debono.  Huma żaru lir-refuġjati fil-knisja tad-Duluri u ġabulhom xi kutri biex jitgħattew għal-lejl u raw li, taħt iċ-ċirkostanzi, kollox kien taħt kontroll.

Ġrajjiet riċenti tal-knisja

Mis-sagristija tal-knisja tgħaddi għal dar kbira li mis-sena 1974, s-Sorjiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù ħadu f’idejhom permezz tal-Arċisqof Mikiel Gonzi.  Huma kienu jorganizzaw b’mod solenni l-festa tad-Duluri kull sena, fejn il-vara tad-Duluri kienet toħroġ minn din il-kappella u wara li ddur mat-toroq tal-Pietà u ta’ Gwardamanġa, kienet tispiċċa fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima fejn kienet issir il-quddiesa devota ta’ nhar jum id-Duluri.

Meta s-sorijiet Franġiskani ma setgħux jibqgħu iżommu d-dar u telqu mill-Pietà, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-2005 ta d-dar u l-kappella lill-grupp tat-talb “Youth Ministry” biex jieħdu ħsiebha u jagħmlu l-attivitajiet tagħhom fiha.  Dan kien pass għaqli għax dawn mhux biss reġgħu taw il-ħajja lill-knisja mill-lat spirtiwali iżda wkoll ħadu ħsieb li jġeddu l-istruttura tad-dar fejn qabel kienu jgħixu s-sorijiet u jdawruha f’dar tal-irtiri.  Huma kienu saħansitra jorqdu fid-dar sabiex kemm id-dar kif ukoll il-knisja qatt ma jkunu waħidhom.

Il-knisja

Jekk wieħed iħares lejn il-knisja mill-ewwel jieħu grazzja mal-faċċata ħelwa imma umli tagħha. Hija għandha kampnar żgħir li fih żewġt iqniepen, waħda żgħira u waħda kemxejn akbar minnha fuq in-naħa tax-xellug tal-faċċata.   Statwa sabiħa tal-Madonna tad-Duluri tiddomina n-nofs tal-faċċata, b’anġlu mimdud fuq kull naħa.

Mal-faċċata tal-knisja hemm tlett armi mnaqqxa fil-ġebel.

Tibda minn fuq, taħt l-istatwa tal-Madonna, nsibu arma kbira obliterata li ma nafux ta’ min hi.  Taħt din l-arma hemm tieqa kbira ovali (l-oculos) imdawwra bi gwarniċ wiegħsa tal-ġebel.

Taħt l-oculos, hemm l-arma tal-isqof Pawlu Alpheran de Bussan li,  kif għedna,  ta l-permess lil kjeriku Ġużeppi Spiteri biex jibni l-knisja mill-ġdid.   L-arma tal-isqof Alpheran de Bussan hija maqsuma fi tnejn:  Fit-terz  ta’ fuq turi salib (normalment ikun salib abjad fuq sfond aħmar) fuq ix-xellug li jissimboliżżqa l-Ordni ta’ San Ġwann filwaqt li ħdejħ fuq il-lemin tiegħu hemm l-arma tal-Gran Mastru Anoine Manoel de Vilhena.  Taħthom imbagħad, fiż-żewġ terzi l-oħrajn, hemm l-arma tal-isqof Pawlu Alpheran de Bussan innifsu.  Kollox huwa ngastat fi skudett wieħed li jgħaqqadhom ilkoll f’kompożizzjoni waħda.  Kollox huwa nkurunat bil-kappell u l-ġmiemen li jissimbolizzaw il-grad ta’  Isqof.

Il-bieb għandu gwarniċ iddekorat bil-weraq u fuqu jistrieħ pediment segmentali maqsum.  L-arma tal-isqof Alpheran de Bussan tinsab fin-nofs tal-pediment segmentali.  Eżatt fuq il-bieb hemm kitba li tgħid “Quia complacuit et non vocaberis ultra delericta ex isa” li tfisser “Għaliex [Alla] ħa gost bik u ma tissejjaħ aktar abbandunata”.

Fuq kull naħa tal-bieb hemm pilastru ġgantesk li jibqa’ tiela’ sas-saqaf tal-knisja.  Bejn dak tal-lemin u l-kantuniera hemm arma minquxa fil-ġebel.  Din l-arma ma nafux ta’ min hi. 

Fuq il-lemin tal-knisja u kantuniera magħha hemm il-ħajt tad-dar li fiha kienu jgħixu s-sorijiet Franġiskani.  F’dan il-ħajt tidher il-forma ta’ arkata tal-ġebel.  Fi żmien qabel von Guttenburg din kienet miftuħa u kienet isservi bħala stalla taż-żwiemel.  Nafu li nbidlilha l-użu u sar il-ħajt li naraw illum qabel von Guttenburg daħal fl-istorja għar-raġuni li fuq dan il-ħajt,  taħt l-arkata,  hemm l-arma ta’ von Guttenburg, illum sfreġjata.
 

Ritratt - Philippe Agius -


Fuq din il-faċċata nsibu tlett armi mnaqqxin fil-ġebel – kif ukoll tlett itwieqi koroħ ferm f’qafas tal-aluminju ta’ lewn dehbi li ma jixirqu xejn fl-ambjent li qiegħdin fih.  Fin-nofs, fuq in-naħa ta’ fuq, hemm l-arma li Fra John Critien (fl-2019 kien membru tal-Kunsill Sovran tal-Ordni ta’ San Ġwann)  jatribwixxiha lill-kavallier  Don Pedro Gonzales de Mendoza (1555 - 1620).  Mendoza kien Gran Kanċillier tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1615 u kien iben il-Markiż ta’ Mondejar, Inigo Lopez de Mendoza, li kien ambaxxatur tal-Papa Piju V.  Dan il-kavallier Mendoza ukoll kien benefattur kbir u fost ħwejjeġ oħra li ħallas għalihom hu nsibu l-knisja ta’ San Ġakbu tal-Belt Valletta kif ukoll it-titular tal-istess knisja li kien tpitter minn Filippo Paladini.  Il-familja nobbli Spanjola ta’ Mendoza kellha membru ieħor bl-istess isem ta’ dan il-kavallier u kien kardinal ta’ Sevilja bejn is-snin 1474 u l-1482.  Għalkemm bl-istess isem, dawn kienu żewġ persuni distinti minn xulxin:  wieħed kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann u l-ieħor kardinal.  Fuq l-arma tal-kavallier Mendoza hemm imnaqqxin il-kliem AVE MARIA fuq il-bordura tax-xellug u GRATIA PLENA fuq il-bordura tal-lemin.  Il-benefattur ta’ din il-knisja tal-Pietà kellu sehem mal-bini ta’ din il-knija meta wara l-pesta tal-1592, kienet għada ddedikata lil Santu Rokku.

Aktar ‘l isfel, fuq il-ħajt taħt l-arkata, hemm żewġt armi oħrajn.   Dik tal-lemin, kif diġà għidna, hija l-arma ta’ Fra Wolfgang Philippus von Guttenberg, Balliju ta’ Brandenburg u ukoll benefattur kbir għall-arti Maltija inkluża din il-knisja.  L-oħra, tax-xellug, ma nafux ta’ min hi għax hija obliterata kompletament.

Il-knisja trid tinżel għaliha b’taraġ, għax iz-zuntier qiegħed iżjed fil-fond mit-triq. Dan seħħ għaliex maż-żmien il-livell tat-triq għola biex jilqa’ l-ilmijiet li jkun hemm meta tagħmel x-xita f’dawk l-inħawi.  Minħabba f’dan din il-knisja kienet u għadha tbati ħafna minn problemi serji ta’ għargħar.   Din il-knisja soffriet ukoll sfreġju kemm mill-lokal fejn qiegħda, għax tinsab esposta qrib il-baħar u ħdejn triq maġġuri li minnha jgħaddu ħafna karozzi kuljum, kif ukoll waqt il-ħakma Franċiża.  Dawn tal-aħħar kienu obbliteraw uħud mill-armi li hemm fuq il-faċċata tagħha imma dik tal-isqof Pawlu Alpheran de Bussan ma messewiex, probabbli għax kien ta’ nisel Franċiż bħalhom.  Naturalment, it-twieqi tal-aliminju fil-ġenb tal-knisja ma jgħinu xejn lill-ambjent li fih qiegħda l-knisja.

Qabel tidħol fil-knisja taħseb li din hi xi kappella żgħira u sempliċi, imma mhux hekk il-każ.  Il-knisja hija mdaqqsa, u apparti l-altar sabiħ li jiddomina l-knisja, fil-ġenb hemm erba’ kappelli mdaqqsin, kull waħda  bl-altar tagħha.

Kappelli fil-knisja u r-restawr tal-kwadri tagħhom

(Nota EditorjaliDin il-parti tal-kitba ttieħdet, tista’ tgħid kompletament, mill-fuljett li l-Kunsill Lokali ħareġ f’Ottubru tal-2015.  M’hemmx indikazzjoni ta’ min kiteb l-artiklu fil-fuljett iżda mill-mod li nkiteb u ċertu dettall li fih jagħti wieħed x’jifhem li jista’ jkun li nkiteb mir-restawratur innifsu jew xi ħadd intiż fir-restawr li segwa l-proċess ta’ dan ir-restawr partikolari.)

Nhar is-Sibt, 10 t’Ottubru tal-2015, ġie inawgurat ir-restawr li kien għadu kemm tlesta fuq il-pitturi li jinsabu fil-knisja tad-Duluri f’tal-Pietà.  Ir-restawr sar fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Pietà u sar mis-sur Pierre Bugeja mill-kumpannija Prevarti li għamlu restawr tassew professjonali.  Dan il-proġett ta' restawr tal-erba' kwadri li jinsabu f'din il-kappella antika huwa wieħed importanti ħafna mhux biss biex dawn jiġu kkonservati u mgawda mill-pubbliku u n-nies tal-lokal li jagħmlu użu minn din il-kappella iżda wkoll għaliex huma kwadri ta' mportanza minn naħa artistika u storika li jkomplu jarrikixxu l-patrimonju kulturali Malti. Dan ir-restawr fetaħ tieqa u tefa' dawl fuq ix-xena artistika Maltija tas-seklu 17 bi skoperta ferm importanti permezz ta' firma u data fuq wieħed minn dawn il-kwadri, kif ser naraw aktar tard.
 

Ritratt - Rayden Mizzi


Minn naħa artistika dak li hu l-oriġinali tal-artist kien imfixkel u mtellef bl-ammont ta' interventi ta' restawr li kienu saru fil-passat li għalkemm I-intenzjoni żgur kienet waħda tajba, xorta ma kienetx etikament korretta għax f'ċerti każi kienu interventi eċċessivi.

L-altar maġġur għandu bħala gwarniċ b’ornamentazzjoni barokka ta’ ġebel skolpit u kolonni ta’ stil Korint.  II-kwadrutituiari huwa xogħol tal-artist Gioacchino Loretta (1637-1712 ), aljiev importanti ta’ Mattia Preti. Din il-pittura turi x-xena drammatika ta' Kristu mejjet fuq ħoġor ommu Marija, id-Duluri jew il-Pietà. Ix-xena, fi stil barokk, hi ddominata mill-figura tal- Madonna b'Ġesù fuqha taħt is-salib li qed tifforma simetrija eżatta fil- kwadru. Flimkien ma' San Ġwann u l-Maddalena l-artist irnexxielu joħroġ is-sofferenza u fl-istess waqt, il-paċi fuq ħarsithom u ħarset Marija.  Hawn tidher ċara l-ispiritwalità li kien iħaddan ta' dan I-artist.

Dan il kwadru qabel iddaħħal għar-restawr kellu verniċ li kien sfar u skura biż-żmien u li kien qed jgħatti ħafna mid-dettall u l-kuluri oriġinali.

II-kwadrukien għadda wkoll minn restawr preċedenti fejn instab li l- kwadru kellu tiċrita fit-tila u kien tilef ċerta kuluri u li beda jidher il-kulur ħamrani tal-istratt preparatorju, l'hekk imsejjaħ 'ground layer'. Minħabba dan tal-aħħar speċjalment il-kwadru ġie rtukkat f'diversi partijiet fir-restawr preċedenti. Ir-restawr attwali ta' dan il-kwadru kien jikkonsisti f'tindif u stablizzazjoni taż-żebgħa u konservazzjoni tat-tila oriġinali li kienet iddiformat maż- żmien. Mat-tindif ħarġu l-kuluri sbieħ tal-libsa ta' Marija: l-aħmar u l-blu reġgħu ħadu l-ħajja u hekk il-messaġġ spiritwali tagħhom, jiġifieri li Marija jew id-Duluri, li għaliha hija ddedikata din il-knisja, kienet tad-dinja u tas-sema.  Il-kulur l-aħmar jissimboliżża d-dinja u l-blu lis-sema.  Dan huwa messaġġ għalina wkoll li aħna ngħixu fid-dinja imma nappartjenu lill-ħallieq tagħna fis-sema u li f'kull ċirkustanza fil-ħajja tagħna rridu, bħal Marija, nħarsu lejn binha Ġesù.

Fil-knisja hemm ukoll erba’ kappelli laterali fil-ġnub tagħha, tnejn fuq kull naħa. F’waħda mill-kappelli hemm kwadru ddedikat lill-Madonna ta’ Loretu, b’San Ġwann Battista u l-Beatu Ġerardu, li kien il-fundatur tal-Ordni Ġerosolmitan.  Forsi l-akbar skoperta waqt dan ir-restawr kienet l-identifikazzjoni tal-awtur ta’ dan il-kwadru.

Dan il-kwadru hu l-eqdem wieħed li jinsab f'din il-kappella u sa issa huwa wkoll l-eqdem kwadru ta' Bartolomeo Garagona (1584-1641) impitter fis-sena 1613. Dan il-kwadru sfortunatament ġarrab ħsarat kbar fil-passat, tant li ħafna mill-pittura oriġinali intilfet. Partijiet important bħall-wiċċ tal- Madonna, l-anġli fis-sema kif ukoll partijiet mill-wiċċ u l-libsa ta' Beatu Ġerardu intilfu. Konsegwentament din il-pittura ġiet mimlija b'irtokk u f'diversi bnadi impittra mill-ġdid fir-restawr ta’ qabel.  Ir-restawr attwali ta’ dan il-kwadru kien wieħed impenjattiv u rrikjeda studju u riċerka sabiex wieħed seta' jerġa jibni bl-irtokk il-partijiet neqsin li kienu ntilfu darba għal dejjem b'mod kemm jista' jkun qrib l-istil u d-daqqa tal-artist.

Dan il-kwadru huwa wieħed simetriku fid-dehra u stil manjerista fejn għandek il-Madonna ta' Loreto rappreżentata bħala figura statali biċ-ċkejken Ġesù f'idha, mżejna b'ilbies fin u ġojjelli prezzjużi. Ħdejn il- Madonna, fuq il-lemin tal-kwadru, insibu lill-qaddis tal-Ordni Beatu Ġerardu u fuq in-naħa l-oħra lill-Patrun tal-Ordni, San Ġwann il-Battista, li b'subajħ qed jidderiġina lejn il-Madonna. Taħt insibu ritratt ta' xi Kavallier li probabilment kien dak li kkomissjona dan il-kwadru.

Propju waqt it-tindif tal-pittura fil-parti fejn hemm San Ġwann, eżatt taħt saqajh, instabet il-firma u d-data: GARAGONA 1613.  Bartolomeo Garagona m'huwiex isem ġdid fix-xena tal-arti f'Malta iżda ftit huma dawk il-kwadri li ċerti li huma ta' Garagona. Huwa magħruf l-aktar għall-kwadru li għamel fil-lunetta fl-oratorju tal-Kon-Kattridral ta’ San Ġwann, propju fuq il-kwadru famuż tal-qtugħ tar-ras ta' San Ġwann tal-Caravaggio. Ilum dan il-kwadru jinsab fir-refertorju tal-Kunvent San Franġisk (ta’ Ġieżu) fir-Rabat. Ir-riċerka fuq dan il-kwadru restawrat tal-Madonna ta' Loretu għadha għaddejja anke sabiex jiġi identifikat il-kommisjonant ta' dan il-kwadru kif ukoll tiġi studjata aktar it-teknika ta' dan l-artist.

Kappella oħra f’din il-knisja hija ddedikata lil Santu Rokku.  Fiha kwadru li jirrapreżenta lill-Madonna tal-Kunċizzjoni flimkien ma' San Ġużepp u San Karlo Borromeo , imdawwrin bl-anġli. Wieħed minn dawn tal-aħħar qed iżomm lapida bl- inskrizzjoni "Humilitas" ii kien il-motto ta' San Karlo Borromeo - jirreferi għall-umiltà li wieħed irid iħaddan. Dan il-kwadru, li kienet ħallset għalih il-familja Testaferrata,  huwa tal-bidu tas-seklu tmintax ta’ awtur mhux magħruf.   Achille Ferres jattribwih lil Carlo Gimach, iżda dan kien arkitett, inġinier u poeta, mhux pittur u hu magħruf għar-restawr tal-bini.  Michael Ellul, fl-1986, attribwixxa dan lil kwadru  lill-qassis Żebbuġi Dun Carlo Zimech.  Hu jesmmi lil Edward Samnut li kien attribwixxa l-kwadru lil Dun Karlu Zimech għax kien qal li kien għaraf l-inizjali DCZ fuq it-tila.  Iżda ir-restawratur tar-restawr attwali, kif hemm aktar ‘il fuq, jgħid biss li hu “tal-bidu tas-seklu tmintax” u speċifikament ikompli jgħid li hu “ta’ awtur mhux magħruf”.    Kieku kien hemm xi ħjiel ta’ inizjali dawn kienu joħorġu fir-restawr sakemm ma ntilfux kompletament bil-ħsarat li ġarrab dan il-kwadru.  Tajjeb li għalhekk wieħed joqgħod ftit lura milli jattribwixxi kwadru lil xi artist meta m’hemmx provi ċari bħalma nstabu fil-pittura l-oħra li ġiet irrestawrata, dik tal-Madonna ta’ Loreto.

Jidher ċar li din il-pittura taż-żejt fuq it-tila ġarbet diversi ħsarat minħabba li fil-passat kien ċarċar xi ilma fuqha li probabilment kien daħal minn tieqa u kkawża sollevament tal-istrat pittoriku fil-partijiet affetwati. Fil-fatt iż-żebgħa oriġinali f'dawn il-partijiet mal-medda taż-żmien waqgħet. Dan ir-restawr kien jirrikjedi li jitneħħa l-verniċ kif ukoll kull intervent ta' restawr li kien sar inkluż il-foderatura (kisja t’appoġġ għat-tila;  “lining”) peress li l-ilma kien dgħajjef il-kolla li kienet intużat.

F’kappella oħra, dik iddedikata lill-Madonna tal-Grazzji, hemm ħafna kwadri tal-wegħda (ex-voto) li juru d-devozzjoni li kienet tiġbed lejha din il-knisja.  Il-kwadru prinċipali li hemm fiha, u li wkoll ġie restawrat, jirrapreżenta lil Marija u binha Ġesù flimkien ma’ San Ġwann il-Battista, San Nikola ta' Tolentino u San Franġisk. Din il-pittura hija wkoll tal-bidu tas-seklu 17. Il-kompożizzjoni tal-pittura hija magħmula mill-Madonna u l-Bambin fi sħaba li qed tiġi nkurunata mill-anġli fil-parti ta' fuq. Il-fatt li hemm is-sħab inkluż jindika l-element divin li l-Madonna, il-Bambin u l-Anġli jiffurmaw parti mil-ġenna. Min-nofs ‘l isfel hemm San Ġwann Battista, San Nikola ta' Tolentino u San Franġisk impittrin quddiem arkitettura u fetħa li turi sema blu u l-baħar. Ix-xenarju li jinsab fil-parti ta' taħt.  Dan juri l-element uman u tad-dinja. Fil-qiegħ hemm strixxa li turi storja jew inkella aħjar “ex-voto" ta' xi nies li kienu inħelsu mix-xitan. Fit-tarf tal-kwadru fuq iż-żewġ naħat insibu rappreżentati d-donaturi b'nofs wiċċ ta' raġel u mara li jinsabu jiitolbu għall-interċessjoni tal-Madonna.

L-istat li din il-pittura kienet tinsab fih kien pjuttost wieħed kritiku.  Fil-passat il-pittura kienet ġiet infurrata b'tila ġdida u minħabba li kienet ġiet imwaħħla b'kolla tal-annimali kienet ibbieset u ħafna diformazzjonijiet ġew viżibli. It-tila kienet magħmula minn erba' biċċiet li kienu ġew meħjutin flimkien. Minħabba dawn il-partijiet fejn ġew meħjuta l-biċċiet tat-tila saru numru ta' diformazzjonijiet. Problema oħra li kellha din il-pittura kienet li l-verniċ skura u sfar matul iż-żmien u l-effett tal-pollutanti ikkontribwixxa għall-bidla tal-estetika tal-pittura oriġinali. Kien hemm ukoll biċciet tad-drapp żgħar imwaħħlin mal-faċċata tal-pittura f'postijiet fejn kien hemm tiċrit żgħir. Biċċiet taż-żebgħa kienu nieqsa, speċjalment fit-trufijiet tal-pittura u fil-parti ta' fuq, u ħafna rtokk kien ukoll sar fl-intervent li sar fil-passat.

Fl-aħħar kappella hemm kurċifiss ta’ daqs naturali, li hu tassew sabiħ u jingħad li hu mirakuluż.  

Opri oħra fil-knisja

Fil-knisja nsibu l-istatwa antika tad-Duluri li kien irregalalha  l-Isqof Pawlu Alpheran de Bussan.  Aktar reċenti saret statwi oħra tad-Duluri mill-iskultur Għawdxi Michael Camieri Cauchi, u oħra ta’ San Ġużepp. Fil-knisja hemm relikwija tal-Passjoni li hi musmar li jingħad li ntmess ma’ musmar tal-Passjoni.  Fuq din ir-relikwija hemm l-arma tal-isqof Alpheran de Bussan li preżubilment kien ġab din ir-relikwija f’Malta u taha lil din il-knisja.

Il-knisja tad-Duluri taħt diversi parroċċi matul iż-żmienijiet

Il-knisja tad-Duluri serviet taħt diversi parroċċi minn mindu nbniet. Għal bidu kienet viċi-parroċċa tal-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Meta l-Furjana saret parroċċa fl-1844 bdiet tagħmel ma’ din il-parroċċa sakemm meta fl-1867 l-Imsida nqatgħet mill-Arċimatriċi ta’ Birkirkara u saret parroċċa, saret parti mill-parroċċa l-ġdida Misidjana ta’ San Ġużepp. Il-knisja tad-Duluri kienet tagħmel għal xi żmien mal-parroċċa tal-Immakulata Kuncizzjoni tal-Ħamrun, meta din inqatgħet mill-parroċċa ta’ San Gejtanu. Finalment din il-knisja issa bdiet taqa’ taħt il-parroċċa ta’ Fatima ta’ Gwardamanġa, meta din saret parroċċa fl-1968.  Il-knisja parrokkjali ta’ Fatima tinsab biss tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minnha.

Restawr kbir tal-knisja tad-Duluri

Fis-snin sittin u sebgħin tas-seklu għoxrin fil-knisja saret ħidma kbira mir-retturi li kienu jieħdu ħsieb jirrestawraw din il-knisja. Sfortunatament din l-knisja minn dejjem kienet tbati minn problema kbira tal-għargħar u tax-xita, u dan kien jikkawza problemi ta’ umdità kbira. Ta’ min jgħid li mid-dehra din il-problema ta’ għargħar kienet minn dejjem għax fi żmien l-Gran Mastru De Rohan fis-seklu tmintax, kien sar tħaffir ta’ trinek biex jipprova jeħles lil din il-knisja mill-għargħar.

Din il-problema kompliet u fl-aħħar tas-snin disgħin tas-seklu għoxrin il-knisja reġgħet spiċċat fi stat ħażin ħafna. Minħabba l-umdità ħafna mill-paviment beda jinqala’ u l-ħitan bdew ifarfru u dan beda jikkawża ħsarat kbar fil-knisja.

Fil-bidu tas-snin 2000 ġie deċiż illi tiġi rrestawrata din il-knisja mis-sezzjoni tar-restawr tal-Ministeru tar-Riżorzi u Infrastruttura. Ix-xogħol seta’ jinbeda wara li f’April tal-2001 kien sar studju fuq perjodu ta’ sena u nofs fuq l-ammont ta’ umdità li jżommu l-ħitan ta’ din il-knisja u kif dan l-ammont ta’ umdità jvarja matul is-sena. Kontemporanjament ma’ dawn l-istudji, bdew jitneħħew kisjiet ħoxnin ta’ siment, qatran, ġablo u kif ukoll passati ta’ tikħil li kienu saru matul iż-żmien bħala interventi sabiex iwaqqfu l-umdità fil-ġebla u tfarfir kontinwu bħala konsegwenza naturali ta’ din l-istess umdità. Dawn l-interventi kienu għamlu ħafna aktar ħsara fuq il-ġebla peress li għalqu l-pori kollha tal-ġebla u għaldaqstant d-deterjorazzjoni infirxet u seħħet b’mod aktar mgħaġġla.

Ix-xogħol kien jinkludi ukoll li biex jiġi evitat l-ammont ta’ dħul ta’ ilma mill-ħitan tal-kappella isir water proofing fuq il-bejt kollu tal-kappella u tad-dar u tħaffir ta’ trinka fuq wara tal-kappella sabiex l-ilma mill-ġnien li jinstab fuq in-naħa ta’ wara ma’ jkunx jista’ jmiss mal-ħajt.

Il-knisja tad-Duluri llum

F’din il-knisja għadu jsir quddies regolarment.  Għadd ta’ gruppi wkoll jiltaqgħu hawn regolari.  Nhar il-festa tad-Duluri, il-purċissjoni bil-vara tad-Duluri għadha toħroġ minn din il-kappella biex wara li tterraq madwar il-Pietà u Gwardamanġa, tidħol fil-knisja parrokkjali ta’ Fatima biex imbgħad tiġi ċċelebrata l-quddiesa mal-fidili li jkunu attendew għall-purċissjoni. 

Sfortunatament, illum (2019) din il-knisja reġa’ għandha bżonn restawr.  L-ilma li taqla’ fuqha jagħmel ħerba minnha u donnu li s’issa ħadd għadu ma sab tarfu b’mod permanenti.  Inutli li wieħed jirrestawra l-opri tal-arti konsiderevoli li hemm fiha jekk ma jiħux ħsieb ukoll tal-qoxra tagħha.  Tkun ħasra jekk ġawra ta’ knisja bħal din tintelaq għax ma nsibux fondi biex nieħdu ħsiebha.


Kitba ta’ Roderick Busuttil.  B’Żidiet storiċi u korrezzjonijiet ta’ dettalji storiċi minn Philippe Agius. Il-paragrafu dwar  ir-restawr tal-pitturi ittieħed  minn fuljett maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Pietà li jġib id-data tal-15 t’Ottubru tal-2015

Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil,  Rayden Mizz, Philippe Agius, mill-Interne tu minn fuljett maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Pietà li jġib id-data tal-15 t’Ottubru tal-2015

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - mill-Internet
Ritratt - Philippe Agius
Ritratt u Pittura - Philippe Agius - SanGorgPreca
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar  Tad-Duluri3
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Philippe Agius
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta   - Titular
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta                Pieta5
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta
Ritratt - Mill-fuljett tal-Kunsill Lokali tal-Pieta
Ritratt - Philippe Agius - Duluri
Ritratt - mill-Internet
Ritratt - Caroline Busuttil
Pieta - I-Knisja tad-Duluri fis-Seklu Dsatax

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com