KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Roderick Busuttil

Il-knisja tal-Madonna tas-Samra
~ Ħamrun ~

Kappella ħelwa, iżda wkoll mimlija bi storja, li tinsab fil-Ħamrun hija dik tal-Madonna tas-Samra. Din tinsab fuq l-għolja magħrufa Ta’ Braxia. Biex tasal ħdejha, mit-triq prinċipali tal-Ħamrun, Triq il-Kbira San Ġużepp, trid iddur għat-triq tas-Suq l-Antik u tibqa’ tiela’ sakemm tasal ħdejn din il-knisja.

Oriġini

Il-Ħamrun mhux xi post antik ħafna għax żviluppa biss f’dawn l-aħħar 150 sena. Iżda l-inħawi fejn tinsab din il-knisja fuq l-għolja Ta’ Braxia, huma antiki ħafna. Jidher li fl-antik f’dawn l-inħawi, kien hemm kappella ċkejkna li kienet ddedikata lil San Nikola, li kienet magħrufa aħjar bħala “Ta’ Braxja”. Iżda jidher li din il-knisja ntelqet ħafna tant li fiż-żjara tiegħu tal-1575, Monsinjur Dusina kien pprofanaha.

 

Ritratt - Roderick Busuttil Ritratt - Roderick Busuttil

 

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Atoċja

Jidher li wieħed negozjant sinjur mill-Birgu, Ġużè Casauri, li kien imur Spanja ta’ spiss, irnexxielu jakkwista kopja sabiħa tal-kwadru għażiż  tal-Madonna magħrufa “ta’ Atoċja” li hemm f’Madrid. Ma’ dan il-kwadru, li jinsab fil-kapitali Spanjola, hemm marbuta t-tradizzjoni li dan il-kwadru tpitter minn San Luqa Evanġelista nnifsu u mħolli fil-belt ta’ Antjokja, biex imbagħad dan ittieħed minn San Pietru lejn Spanja. L-isem Antjojka inbidell mill-Ispanjoli, u biż-żmien sar “ta’ Atoca”, għalhekk dan il-kwadru beda jissejjaħ “tal-Madonna t’Atoċja”.

Casauri żamm din il-kopja li kien ġab minn Madrid ġo daru flimkien ma’ martu Isabella (jew Elizabetta, kif hemm miktub fil-lapida fil-knisja tas-Samra), kunjomha Spinaci, bint Toni Spinaci mill-Birgu wkoll. Jingħad li meta Isabella kienet għadha tarbija, matul l-Assedju l-Kbir tal-1565, salvat b’mod mirakuluż. Dan seħħ għax matul l-attakki tat-Torok iġġarrfet id-dar fejn kienet toqgħod u sfat mirduma. Kulħadd kien qata’ qalbu li din it-tarbija setgħet għexet, imma b’għageb kbir ta’ kulħadd, meta tneħħa t-terrapien, sabuha għadha ħajja.

Meta Isabella kibret iżżewġet lil Ġuże Casauri, li dejjem xtaq li l-kopja tal-kwadru tal-Madonna t’Atoċja jitpoġġa ġo xi knisja fejn ikun jista’ jingħata qima min-nies.

Il-bini tal-knisja l-ġdida

Casauri tefa’ għajnejh fuq il-kappella mitluqa u mġarrfa ta’ San Nikola ta’ Bari fuq l-għolja ta’ Braxia li Disina kien ipprofana fl-1575.  Hu ddeċieda li jerġa’ jibniha mill-ġdid. Il-knisja, ikbar minn dik oriġinali, tlestiet fl-1630. Ħdejn din il-knisja nbnew ukoll xi kmamar fejn Casauri u martu Isabella għexu bħala eremiti aħwa, bil-permess tal-konfessur tagħhom, sakemm mietu fl-1636 u 1646 rispettivament.

Jidher li l-koppja, li kellha devozzjoni kbira lejn ix-xbieha tal-Madonna t’Atoċja, poġġewha f’din il-knisja li kienu għadhom kemm bnew. Hawnhekk id-dedika ta’ din il-knisja nbidlet għal dik tal-Madonna taħt it-titlu tal-Assunta. Il-koppja stinkaw kemm felħu biex ixerrdu d-devozzjoni lejn dan il-kwadru li juri lil Madonna b’karnaġġjon iswed. Dan il-kwadru hu ta’ stil Biżantin u kull min iħares lejh iħoss il-maestà tiegħu. In-nies malajr inġibdu lejn din ix-xbieha, u malajr laqqmuha “Tas-Samra” minħabba l-karnaġġjon skur tal-Madonna.

Il-knisja

Kif għedna l-koppja Casauri poġġew il-kwadru tal-Madonna t’Atoċja fuq l-altar prinċipali tal-knisja. Iżda apparti dan l-altar, fil-knisja nsibu 4 altari oħra. Dawn huma ddedikati lil San Lawrenz, San Nikola ta’ Bari (it-titular l-antik tal-knisja), San Ġużepp u San Karlu Borromeo. Fil-knisja nsibu wkoll statwi ta’ San Ġużepp, id-Duluri, il-Qalb ta’ Ġesù, San Gejtanu u dik ta’ Santa Marija li kull sena ssirilha l-festa fil-15 t’Awwissu. Fil-knisja hemm ukoll numru ta’ kwadri ex-voto li ngħataw bħala ringrazzjament għal xi wegħdiet li nqalgħu minn xi devoti tal-Madonna.

 

Ritratt - Roderick Busuttil

 

Din il-knisja għandha pjanta interna kważi kwadra u spazjuża, b'saqaf troll li jistrieħ fuq disa' arkati li jitilgħu minn fuq gwarniċun fil-għoli li hemm mal-ħitan tal-ġenb. L-altar ewlieni insibuħ f'daħla fonda msaqqfa b'saqaf troll ukoll. Il-kwadru titulari hu mdawwar b'reredos magħmul minn raġġi ndurati u sħab skolpit fil-ġebel. Fl-arkata ta' fuq hemm pittura tal-Favray u oħrajn ta' Pawlu Camilleri Cauchi. L-erba' altari l-oħra imqegħdin f'daħliet naqra fondi b'arkata fuqhom li diġà semmejna wkoll huma imżejna b'reredos magħmul minn żewġ kolonni u pediment fuqhom. Tispikka d-dekorazzjoni u l-induratura tagħhom. Bejn dawn id-dahliet fuq naħa waħda hemm bieb li jagħti għat-triq ta' maġenb il-knisja u fuq in-naħa l-oħra hemm in-niċċa tal-istatwa tal-Assunta. F'kull naħa tad-daħla fejn hemm l-altar ewlieni hemm bibien li jagħtu għas-sagristija.

Il-faċċata tal-knisja għandha stil Spanjol. Fuq quddiem naraw portiku bi tliet arkati għoljin, tan-nofs naqra ogħla u usa' mit-tnejn l-oħra. Tul il-faċċata kollha  fuq nett hemm balavostrar u fuqu żewġ kampnari identiċi. Ftit irtirat lura hemm pediment triangolari. Il-bieb li hu għat-tond hu ta' stil rinaxximentali, bil-pilastri ta' stil Toskan ggruppati fuq kull naħa u b'pediment triangolari maqsum fuqhom, u aktar 'l fuq tieqa kwadra żgħira. Fuq kull naħa tal-bieb insibu tieqa rettangolari. Il-knisja għandha zuntier żgħir magħluq b'ħajt baxx li fuqu hemm speċi ta' rixtellu tal-ħadid.

 

Ritratt - Roderick Busuttil

 

Fil-knisja hemm midfuna l-koppja Ġużè u Isabella (fil-lapida jidher l-isem “Elizabetta”) Casauri, u dawn jitfakkru permess ta’ lapida li hemm, biex qatt ma jitħassar l-kontribut ta’ dawn iż-żewġ benefatturi kbar lejn din il-knisja. Dan jikkonfermawh l-atti taż-żjara tal-Monsinjur Alpheran de Bussan li għamel f’din il-knisja fl-1736.

Ħdejn il-knisja hemm id-dar tas-Sorjiet ta’ Nuzzu (Ulied il-Qalb ta’ Ġesù) li twaqfu f’dan l-Istitut stess minn Suor Maria Tereża Nuzzo fl-1903. Il-fdalijiet tal-fundatriċi Suor Maria Tereża Nuzzo tpoġġew f’din il-knisja fl-2007 f’monument tal-irħam li tħejja apposta.

Restawr

Fl-2009 kien sar restawr ta’ din il-kappella minn ġewwa. L-ikona tal-Madonna kienet tinżamm fis-Sala tal-kunvent tas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù li hemm biswit din il-kappella, li kienet ukoll isservi bħala kappella temporanja. Dan iż-żmien il-kappella kien jieħu ħsiebha il-Monsinjur Ġużeppi Pace u r-ritratti li għandna tat-Translazzjoni mis-Sala tas-Sorijiet għall-kappella restawrata huma meħudin mis-Sur Anthony Gialanzè, minn Melbourne fl-Awstrajla u li hu ukoll il-kuġin tal-Mons. Pace.

San Ġorġ Preca u l-knisja Tas-Samra

Din il-knisja fis-seklu 20 reġgħet intelqet u fil-fatt ġiet ipprofanata. Għal ħafna żmien min kien jieħu ħsiebha kien jiftaħha biss darba f’sena, kull nhar il-15 t’Awwissu fil-festa tal-Assunta.

Dun Ġorġ Preca, illum iddikjarat qaddis, rabat qalbu magħha u reġa’ qajjem id-devozzjoni tal-15 ta’ kull xahar. Huwa kien jistinka kemm jiflaħ biex ixerred id-devozzjoni lejn ix-xbieha tal-Madonna tas-Samra. Id-devozzjoni malajr reġgħet żdiedet tant li l-knisja reġgħet ġiet irranġata, biex reġa’ beda jsir il-quddies fiha kuljum.

Apparti hekk fil-festa tal-Assunta kull nhar il-15 t’Awwissu, bdiet issir purċissjoni bil-vara ta’ Santa Marija fit-toroq ta’ madwar il-knisja. Din il-festa għadha ssir sal-lum u ssir nhar il-15 t’Awwissu. Il-knisja tintrama bid-damask u oġġetti oħra għall-okażżjoni. Fir-Randan isiru wkoll xi korsijiet ta’ l-eserċizzi fil-knisja.

Tas-Samra ssir Santwarju

F'Settembru tal-2016 il-knisja tas-Samra ġiet elevata għal Santwarju u aggregata affiljata mal-Bażilika Rjali Minuri ta’ Atocia fi Spanja, minn fejn inġiebet ix-xbieha mirakuluża fl-1603.

Il-knisja ġiet elevata għal Santwarju b’digriet tal-Arċisqof Charles J. Scicluna wara rikors tal-Kappillan tal-Paroċċa ta' San Gejtanu, li minnha tagħmel parti din il-knisja, Dun Walter Cauchi fuq suġġeriment ta’  Dun Andrew Borg,  ir-Rettur preżenti (2016) tal-Knisja.

Dun Andrew Borg spjega li t-talba saret fl-isfond li San Ġorġ Preca, matul ħajtu, kull ħmistax tax-xahar kien jinvista l-Madonna bir-raba’ posta tal-Glorja.  Lura għall-1921, minn tas-Samra bdiet ukoll id-dimostrazzjoni bil-Bambin f’Malta.  Dun Andrew Borg qal ukoll li l-Aggregazione Spirituale tfisser l-għotja tal-Indulġenza Plenarja lil min iżur is-Santwarju kull ħmistax tax-xahar.

Preżentament kull ħmistax tax-xahar is-Santwarju jkun miftuħ ġurnata sħiħa għall-qrar u l-adorazzjoni Ewkaristika.

Nhar il-Ħamis 15 ta' Settemberu 2016 l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. mexxa konċelebrazzjoni solenni pontifikali.  Wara saret reposizzjoni tar-Relikwa tal-Bambin ta' San Ġorġ Preca fuq l-altar ta' San Lawrenz.

Il-knisja llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tinfetaħ kuljum għall-quddies.


Kitba ta’ Roderick Busuttil fuq informazzjoni ta’ Mario Coleiro;
deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Roderick Busuttil, Rayden Mizzi, Anthony Gialanzè, John N. Scerri u mill-Internet

Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - John N. Scerri
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Anthonu Gialanze
Dun_Gorg_Preca
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi Ritratt
Ritratt - Anthonu Gialanze

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com