KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-kappella fis-Santwarju
Ta’ Pinu
~ Għarb, Għawdex ~

Ritratt: Noel Ciantar

Taħt ir-riħ tal-Għolja tal-Għammar, madwar mil u nofs mir-Rabat t’Għawdex, qalb it-twapet tal-għelieqi għammiela, jogħla ’l fuq maestuż, insibu santwarju mill-isbaħ, magħruf bħala s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Ma' dan is-santwarju hemm marbuta storja ħelwa.

 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Karmni Grima

Kollox jaf il-bidu tiegħu lill-ġrajja li seħħet fl-għaxra ta’ filgħodu ta’ nhar it-22 ta’ Ġunju, 1883, meta Karmni Grima, xebba ta’ 45 sena mill-Għarb, kienet ġejja mill-għalqa, li kienet fil-limiti magħrufa ‘Ta’ Ġordan’. Kif waslet qrib il-kappella ta’ Ta’ Pinu, bħal semgħet leħen isejħilha: ‘Ejja! Ejja!’. Billi ma kien jidher ħadd, kienet se tkompli triqtha, meta reġgħet semgħet il-leħen isejħilha, ‘Ejja llum, għax ma tkunx tista’ terġa’ tiġi qabel sena oħra’.

Karmni marret lejn il-bieb tal-kappella, ittawlet mit-toqba tal-muftieħ, imma ma deher xejn li ma kienx tas-soltu. Ħadet il-muftieħ minn taħt ġebla, fejn kien jinżamm, u fetħet. Qagħdet titlob bil-qalb, waqt li ħasset ferħ li ma jitfissirx. Imbagħad semgħet leħen li qalilha: ‘Għid tliet Ave Marijiet, f’gieħ it-tlett ijiem li l-ġisem tiegħi dam fil-qabar.’ B’devozzjoni kbira Karmni għamlet kif ġiet ordnata, u mbagħad, kollha ħosbiena fuq dak li ġara, marret lura lejn darha.

Minħabba l-mard, Karmni, verament għal madwar sena, ma resqitx lejn Ta’ Pinu. Hija ma qalet lil ħadd dwar dak li semgħet f’Ta’ Pinu. Kien wara xi sentejn, li hija fetħet qalbha ma’ ċertu Franġisk Portelli, għażeb u bniedem tar-ruħ mill-Għarb, li qalilha li hu wkoll ġieli kellu xi esperjenzi mhux tas-soltu f’Ta’ Pinu. Min-naħa tiegħu, Frenċ, għax hekk issejħu 'l dawk li jisimhom Franġisk, stqarrilha, li hu wkoll sema’ l-leħen tal-Madonna, għal sitt darbiet, li kien iħeġġu biex ikollu devozzjoni lejn it-tbatijiet ta’ Kristu fil-passjoni.

Ftit ta' żmien wara, f’Ottubru tal-1886, ġara li omm Frenċ, Vinċenza Portelli, li kellha 75 sena, kienet marida serjament. Uliedha għamlu wegħda lill-Madonna ta’ Pinu għall-fejqan t’ommhom, u b’mod meraviljuż, din fieqet. Din il-ġrajja xegħlet lil Għawdex u ’l Malta, u l-ġrajja ta’ Karmni Grima bdiet tinxtered fost kulħadd.

Hawnhekk, l-Isqof t’Ghawdex ta’ dak iż-żmien Mons. Pietro Pace, għarbel lil Karmni Grima, u din taħt ġurament xehdet dak kollu li kienet semgħet nhar it-22 ta’ Gunju, 1883. L-istess ġara minn Franġisk Portelli. Fir-raħal tal-Għarb, dawn iż-żewġ persuni kienu miżmumin bħala nies tar-ruħ, ta’ fommhom sieket u ta’ rispett kbir.

 

Ta Pinu Kif Kienet Qabel2

 

Fl-1887 imxija tal-Kolera laqtet lil Malta. Il-biza` kien li din tieħu wkoll f’Għawdex minħabba li xi Maltin fittxew il-kenn f’din il-gżira. Għalhekk, l-Għawdxin għamlu wegħda lill-Madonna Ta’ Pinu biex tiskansahom minn dan il-flaġell. Wara erba’ xhur, il-kolera battiet u ntemmet minn Malta, waqt li Għawdex ħelisha b’wiċċ il-ġid. F’pellegrinaġġ kbir, l-Għawdxin raddew ħajr lill-Madonna ta’ Ta’ Pinu għal din il-grazzja.

Il-kappella

Is-Santwarju li hemm illum ħa ismu minn kappella ċkejkna li dari kienet tinsab mitluqa waħedha f’nofs l-għelieqi u li llum hija l-qalba, jew aħjar il-‘qaddis tal-qaddisin’, ta’ dan is-santwarju għażiż. Din il-kappella diġà tissemma’ fiż-żjara pastorali tal-Isqof Fra Domenico Cubelles, Prijur tal-Ordni, li fl-1545 ħalla bil-miktub li din ma kenitx ilha wisq li reġgħet inbniet. Dan ifisser li kien hemm almenu kappella oħra qabel din li jsemmi Cubelles.  Il-kappella oriġinali kienet inbniet mill-familja Gentile u għalhekk kienet magħrufa bħala ‘Tal-Gentili’. Fl-1654 kienet ġiet ipprofanata mill-Isqof Michele Balaguer.

 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Il-kappella kienet reġgħet ġiet ipprofanata fl-1575 iżda wara l-1615 permezz ta’ ċertu Filippu Gauci, magħruf bħala Pinu li minnu l-kappella ħadet isimha, kienet ġiet irrestawrata u baqgħet magħrufa bħala “Ta’ Pinu” sal-ġurnata tal-lum. L-artijiet ta’ madwarha kienu ta’ neputih, Gio Domenico Muscat.  Fl-1619 hu għamel għotja tat-titular tal-Assunta, xogħol ta’ Bartolommeo Amodeo Perugino li kien ġie Malta mal-Inkwiżitur Ettore Diotalievi di Rimini.

Rapport wara ieħor ta’ viżti pastorali jindikaw li din il-kappella mhux talli kienet waħda miżmuma sew iżda talli kienet waħda fost l-aħjar kappelli fi żmienha.  Madankollu għal xi raġuni jew oħra jidher li din il-kappella reġgħet ġiet ipprofanata fl-1663 iżda biss għal ftit żmien għax id-devoti tagħha reġgħu fetħuha.

Wara l-mewt ta’ Pinu, il-kappella għaddiet taħt il-kura ta’ bintu Elena, li fl-1672 iżżewġet lin-Nobbli Giovanni Gourgion, Kaptan tal-Virga. Dawn tista’ tgħid li bnewha mill-ġdid, ħallewlha renta fis-sena, u għammruha bil-paramenti sagri, hekk li l-Isqof Fra Lorenzo Astiria fl-1676, reġa’ fetaħha mill-ġdid għall-kult.

Il-kappella u s-Santwarju li hemm illum huma ddedikati lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.

Ritratt: Noel CiantarIs-Santwarju ġdid

Il-fama tad-devozzjoni tal-Madonna Ta’ Pinu waslet fost l-emigranti Maltin ’il bogħod minn xtutna, u f’qasir żmien, il-kappella saret żgħira wisq għan-numru kbir ta’ pellegrinaġġi li bdew jinvistawha, u beda jinħass il-bżonn li jkabbru l-kappella. B’hekk seħħet it-tbassira ta’ Karmni Grima, li tempju ta’ qisien kbar kellu jinbena madwar il-kappella fil-ġejjieni.

Ix-xogħol fuq is-Santwarju l-ġdid inbeda fit-30 ta’ Mejju, 1920 fuq il-pjanta tal-perit Andrea Vassallo, minn Ħal Luqa, u bħala bennej kien hemm Mastru Vitor Vella. Ħdax-il sena wara, nhar it-13 ta’ Diċembru tal-1931, Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof t’Ghawdex, ikkonsagraha. Disa’ xhur biss wara, l-Isqof Gonzi ġab it-titlu ta’ Bażilika lis-Santwarju Ta’ Pinu.

Il-quċċata tal-ġrajja Ta’ Pinu waslet meta l-Kardinal Lepicier, delegat mill-Papa Piju XI, żejjen ix-xbieha tal-Madonna, b’kuruna tad-deheb, fost il-ferħ u l-entużjażmu tad-devoti, fis-sena 1935. F’ġurnata oħra memorabbli, fis-26 ta’ Mejju tal-1990, il-Q.T. Papa Ġwanni Pawlu II, żar is-Santwarju, u żejjen il-kwadru, bi stellarju tad-deheb, madwar ir-ras tal-Madonna.   Għoxrin  sena wara, fit-18 t’April tal-2010, il-Papa Benedittu XVI waqt iż-żjara tiegħu f’Malta ta u qiegħed warda tad-deheb quddiem ix-xbieha devota tal-Madonna Ta’ Pinu li kienet inġiebet f’Malta minn Għawdex għal din l-okkażjoni.  Il-Papa Benedittu ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex “jitolbu lill-Madonna taħt it-titlu ta’ Reġina tal-Familja”.

Devozzjoni kbira

Is-Santwarju Ta’ Pinu, sar l-aktar post devot tal-gżira Għawdxija, u tista` tgħid tal-gżejjer Maltin ukoll. Il-bosta ‘ex voto’ li nsibu fih juru d-devozzjoni li teżisti lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Fi żminijiet ta’ hemm, il-Maltin u l-Għawdxin daru lejn il-Madonna Ta’ Pinu u din minn naħa tagħha, ma ħallithomx mingħajr il-faraġ matern, li huma fittxew li jsibu fiha.

Illum is-Santwarju jħaddan fih il-fdalijiet ta’ Karmni Grima u ta’ Franġisku Mercieca, magħruf bħala Frenċ tal-Għarb li kellu fama ta’ qdusija u li f’ħajtu hu kien imfittex wisq għad-duwa li kien jagħti, magħmula minnu stess, mill-ħxejjex. Kien hu li kompla xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu, u kien hu wkoll li ta bidu għall-Via Sagra li llum iżżejjen l-Għolja tal-Għammar, quddiem is-Santwarju.

Ta’ kull sena, nhar it-22 ta’ Ġunju, issir it-tifkira ta’ meta Karmni Grima semgħet l-istedina ta’ Marija, ‘Ejja!, Ejja llum!’ Fl-għaxra ta’ filgħodu ssir is-supplika tal-Madonna Ta’ Pinu, jitkanta t-Te Deum, u l-qniepen kollha ta’ Għawdex jinfexxu f’mota ferrieħa ta’ kwarta.

Jalla kull Malti u Għawdxi jisma` u jiftaħ qalbu għall-istedina ta’ Marija, li għadha ssejħilna ‘Ejja! Ejja llum!’, bla ma nħallu għall-għada. Is-sejħa ta’ Marija hija sejħa għall-lum, għax illum neħtieġuha, bħal kull jum ieħor ta’ ħajjitna. Minn Ta’ Pinu, l-istedina li taslilna, hija stedina ta’ omm, li hija konċernata ħafna minn uliedha, li hi tant tħobb.

Kitba ta’ Joseph Fenech
Ritratti: Noel Ciantar, Carmelo Vella, Oliver Mallia u mill-Internet

Ritratt: Noel Ciantar
Karmni_Grima_Gozo
Frenc_Tal-Gharb_1
Titular Ta Pinu - Ritratt mill-Internet
Ritratt: Noel Ciantar
Ta' Pinu qabel il-Koncilju Vatikan it-Tieni-  Hajr: Oliver Mallia
Ritratt: Noel Ciantar
Ta' Pinu kif kienet qabel - Hajr: Oliver Vella
Ritratt: Carmelo Vella
Ritratt: Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com