KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Knisja ta’ San Dimitri
~ L-Għarb, Għawdex ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Waħda mill-kappelli ħelwin li hemm ġewwa Għawdex hija bla dubju l-kappella ta’ San Dimitri, li tinsab fil-limiti tal-Għarb. Din qiegħda qalb il-kampanja, f’post mill-isbaħ, magħruf bħala "Kap San Mitri".   Ħafna jqisuha bħal waħda mill-aktar kappelli rurali li huma pittoreski fil-gżira t'Għawdex. Mhux 'il bogħod minnha hemm il-Fanal tal-Ġurdan.

 

Ritratt: Caroline Busuttil


Oriġini

Din hi l-unika kappella fil-gżejjer tagħna li hi dedikata lil San Mitri li hu l-qaddis martri patrun tat-Tessalonkini fil-Greċja. Jidher li din il-knisja ġiet iddedikata lilu għax ħafna Għawdxin kienu jemmnu li setgħu jitolbuh għall-qraba tagħhom li kienu nsterqu mill-furbani sabiex jiġu meħlusin mill-jasar u jerġgħu lura fi ħdanhom. Ta’ min isemmi li Għawdex, forsi aktar minn Malta, kien ibati ħafna minn ħbit għal għarrieda tal-furbani li kienu jisirqu dak kollu li jsibu quddiemhom, anki nies. Fl-1551 kien sar attakk kbir mit-Torok u tista' tgħid li kaxkru lill-Għawdxin kollha.

Jidher li din il-knisja nbniet għall-ewwel darba fis-seklu ħmistax minn Dun Franġisk Depena. L-ewwel li tissemma l-kappella kien fiż-żjara ta’ Monsinjur Dusina fl-1575, fejn fir-rapport tiegħu jissemma' li kienet fi stat ħazin. Il-kappella wara jidher li ġiet irrestawrata u baqgħet tintuża sa’ nofs is-seklu sbatax. Fl-24 ta’ Mejju 1657 saritilha żjara pastorali mill-Isqof Balaguer li pprofanaha billi nstabet f’kundizzjoni ħażina ħafna. Ferres (“Descrizione storica delle chiese di Malta”, f’paġna 583) jagħti d-data bħala 1687 flok 1657 iżda f’din id-data nafu l-Isqof ta’ Malta kien Davide Cocco Palmieri u mhux Balaguer u għalhekk din id-data li jagħti Ferres hi żbaljata.  Id-data tal-1657 hija dik li jagħti Rev. Joseph Bezzina, l-istudjuż Għawdxi tal-istorja tal-Knisja.  Intant, din il-kappella reġgħet ġiet mibnija u tbierket fl-1694.  Iżda bħalma ġieli ġara, għaddew is-snin u reġgħet iġġarfet.

Madwar mitt sena wara, fid-29 t’April 1796 Dun Mario Vella, mlaqqam Ta’ Rmit, b’testment tan-Nutar Gavino Bonavita, ordna l-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja, u ħallielha legat ta’ ħames skudi fis-sena, għal xi tiswijiet li jistgħu jinqalgħulha minn żmien għal żmien.   Ix-xogħol kien beda iżda għal xi raġuni kien waqaf.  Għalhekk, Dun Mario Vella kien ser jibgħat rikors lill-Isqof ta’ Malta biex jitkompla x-xogħol iżda dan laħaq miet.  Ir-rikors għalhekk bagħtu l-Arċipriet tal-Għarb Dun Publiju Refalo li issa kien ħa f’idejħ ix-xogħol.  Ir-rikors intbagħat fid-29 ta' Diċembru 1801, lill-Isqof ta' Malta Mons V. Labini, fejn kien intalab permess sabiex jitkompla l-bini mil-ġdid tal-kappella liema permess kien ingħata fid-29 ta' Marzu tal-1802. Il-kappella kienet lesta u tbierket minn Dun Publio Refalo, Arċipriet tal-Għarb, bħala delegat tal-Arċisqof Mons. Ferdinando Mattei, nhar il-11 t’April tal-1809.

Lejn il-bidu tat-Tieni Gwarra Dinjija, fuq talba tal-prokuratur tal-kappella Dun Pawlu Formosa, il-Papas Schirò, li kien il-kappillan tal-komunità Kattolika tar-rit Grieg, kien qaddes f’din il-kappella ddedikata lil dan il-qaddis Grieg.

Il-Leġġenda marbuta ma' din il-Kappella

Leġġenda antika, li hija msemmija minn Agius De Soldanis u li fuqha nkitbu xi poeżiji, kemm Mary Meilaq, kif ukoll Patri Ġużè Delia S.J., tirrakkonta l-ħelsien mill-jasar ta’ żagħżugħ, li kien joqgħod qrib din il-kappella (Ara hawn ).

Il-Leġġenda tgħid li waħda mara xiħa jisimha Natalizja Cauchi, mlaqqma Żgugina, kienet toqgħod qrib il-kappella flimkien mal-iben waħdieni tagħha li kien jismu Mattew. Dak iż-żmien il-kursari ta’ Barbarija kienu ta’ sikwit jaħbtu għal Għawdex, jinżlu għall-għarrieda, iħarbtu kulma jsibu, joqtlu, jaħarqu, u jġorru n-nies ilsiera.

Darba waħda niżlu l-art għall-għarrieda u daħlu għand Żgugina. Tefgħuha mal-art bil-herra, ħatfu lil binha, u ġrew bih għal fuq ix-xini tagħhom, u salpaw ’il barra minn xtutna.  Skont ir-rakkont tal-leġġenda ta’ Patri Ġużè Delia, bin Żgugina kien jismu Pawlu. Charles Fiott (“Towns and Villages of Malta and Gozo”) u oħrajn jagħtu ismu bħala “Mattew”.

L-imsejkna Żgugina, mifluġa bil-għali, marret tibki u tolfoq fil-kappella ta’ San Dimitri u bdiet titlob bil-ħerqa: “San Dimitri, San Dimitri, ġibli lura ’l ibni, u nixgħellek qasba żejt”.

San Dimitri semagħha għax dehrilha li qed tarah jiċċaqlaq fil-kwadru, u bid-daħka f’fommu ħareġ biż-żiemel b’kollox u telaq ilebbet minn fuq il-blat, u wara, fuq il-baħar, wara l-gifen Tork. Ftit wara reġa’ lura bit-tfajjel f’dirgħajh, u taħ lil ommu. Imbagħad reġa’ daħal fil-kwadru. Iżda l-marka tan-nagħal taż-żiemel baqgħet tidher fil-blat.  Interessanti ferm hu x-xebħ ta' din il-leġġenda ma' leġġenda simili fejn San Nikola Isqof ta' Myra isalva lit-tfajjel Bażilju mill-l-iskjavitù u jieħdu lura għand il-familja tiegħu wara li kien sarlu talb minn omm it-tfajjel.

Leġġenda oħra tgħid kif wara xi żmien, saret theżżiża tal-art, u l-blata li fuqha kienet mibnija l-knisja, inqalbet u għerqet fil-baħar. Il-knisja, iżda, għalkemm għerqet ukoll, baqgħet sħiħa taħt il-baħar, u l-baħrin u s-sajjieda ta’ spiss kienu jaraw tixgħel il-lampa ta’ Żgugina. Min jgħid li kienet tidher fuq l-art, u kien hemm min saħansitra jgħid li tidher taħt l-ilma.

Verżjoni oħra ta' din l-aħħar leġġenda tgħid li vapur waqaf fil-kosta fil-qrib u tefa' l-ankra hemm, ħdejn il-kappella.  Għal xi raġuni, l-ankra weħlet mal-qiegħ u ma setgħux itellgħuha.  Għalhekk, wieħed mill-baħrin qabeż fil-baħar u għodos biex jipprova jħillha.  Dan ma telgħax lura u baħri ieħor qabeż ukoll biex jara xi ġralu.  Wara ftit telgħu it-tnejn flimkien u rrakkuntaw 'l baħrin l-oħrajn mistgħaġbin kif f'qiegħ il-baħar raw il-kappella bil-lampa quddiem il-pittura għadha tixgħel.

Il-Kappella

Il-kappella minn barra għandha arkittetura sempliċi, b’zewg pilastri, wieħed fuq kull naħa. Fuq il-bieb insibu tieqa tonda, li ddawal il-knisja minn ġewwa. Hemm ukoll kampnar żgħir fin-nofs li fih qanpiena u salib fuqu.

Din il-kappella żgħira għandha saqaf troll, u għandha wkoll sagristija żgħira warajha. Il-paviment tagħha huwa tal-madum, li tqiegħed fl-1935. Il-ħitan għandhom zokklu tal-mużajk li sar fl-1950. Din il-knisja għandha altar wieħed tal-ġebel, li nħadem fl-1935 minn Wenzu Gatt u li kien ingħata minn benefatturi.  Quddiemu nsibu altar mejda skont ir-regoli ta' wara l-Konċilju Vatikan it-Tieni. Fuq barra il-knisja għandha zuntier ħelu li minn fuqu tista’ tammira l-veduta sabiħa ta’ kampanja li ddawwar din il-kappella. Iz-zuntier kien sar f’Marzu tal-1930.  Fil-bogħod wieħed jista' jara l-Fanal tal-Ġurdan.

Il-pittura titulari ta' din il-knisja turi 'l San Dimitri. Din tpittret minn pittur mhux maghruf fl-1810. Fuq il-pittura hemm id-data 1810 li tikkonferma meta kien sar dan il-kwadru. Fin-naħa ta’ fuq tal-pittura naraw lil San Dimitri riekeb fuq iż-żiemel waqt li fil-parti t’isfel, fuq il-lemin, naraw mara xwejħa titlob (Żgugina), u fuq ix-xellug naraw liż-żagħżugħ binha bil-ktajjen ta’ lsir. Li hu interessanti f’din il-pittura hu l-ilbies tal-mara xwejħa: din liebsa l-għonella u l-velu f’rasha, jiġifieri ilbies karatteristiku tan-nisa tad-dsatax-il seklu u mhux ilbies ta' żmien aktar bikri meta l-attakki mill-furbani kienu jseħħu tassew. Fid-dsatax-il seklu, l-attakki mill-furbani fuq Malta kien ilhom li spiċċaw. Dan l-anakroniżmu artistiku issibu regolarment fil-pittura u kienet prattika aċċettata. Dan il-kwadru ġie rrestawrat fl-1937 minn l-Għawdxi Wistin Camilleri.

Minbarra t-titular, insibu diversi pitturi oħra bħal dik ta’ San Pawl u dik ta' San Aristarku, sieħeb San Pawl fil-vjaġġi tiegħu. Hemm ukoll pittura ta’ Marija Assunta u oħra moderna tal-Martirju ta’ San Dimitri. Fis-sagristija tal-knisja hemm ukoll kwadru ieħor sabiħ tal-Wiċċ ta’ Kristu.  Jista’ jkun li l-kwadri laterali u dak ta' San Pawl kienu ta' kappelli pprofonati li kienu mibnija fl-inħawi. Barra minn dawn hemm sett kwadri tal-Via Sagra. Dawn kienu ingħataw mis-Sorijiet tal- Karita. F’Ottubru, 1947 kienu saru l-gandlieri tal-metall.

Fil-knisja hemm relikwija tal-qaddis li kienet inġabet minn Ruma fl-14 ta' Frar tal-1898, bis-siġill tal-Kardinal ta' Santa Ruffina.

 

Ritratt: Caroline Busuttil

 

Il-Festa

F’din il-kappella tiġi ċċelebrata kull sena l-festa ta’ San Dimitri li taħbat fit-8 t’Ottubru. Fil-Greċja, fejn dan il-qaddis igawdi qima kbira, il-festa ssir fis-26 t’Ottubru.  Il-festa fl-Għarb tiġi ċċelebrata bil-kbir min-nies tal-Għarb fit-tieni Ħadd t’Ottubru. Għal din l-okkażjoni l-knisja tiġi mżejna u jkun hemm quddiesa kantata. Għall-festa jattendu bi ħġarhom ħafna Għawdxin. Dan l-aħħar kien qed ikun hemm ukoll il-banda li ddoqq marċi brijjużi.

Riċenti sar xi restawr fuq din il-kappella b’użu ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja, li pprovdiet 75% tal-ispejjeż għar-restawr.  Dan ir-restawr ġie inawgurat nhar il-Ħadd, 3 ta’ Frar tal-2013 u kien jagħmel parti minn restawr aktar mifrux li kien jinkludi ħames proġetti fl-inħawi tal-Għarb li b’kollox swew ftit aktar minn 600 elf Ewro b’kollox.

Din il-kappella tinsab f’kundizzjoni tajba iżda tintuża biss f’okkażjonijiet speċjali bħal tiġijiet u irtiri. Ma jsirx quddies regolari fiha. Ir-Rettur tagħha hu Rev. Achille Cauchi.

Traġedja fil-qrib il-Kappella

Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Settembru tal-2010 seħħet traġedja madwar 300 metru ‘l bogħod minn din il-kappella meta fis-6:10 ta’ fil-għaxija splodiet kamra tan-nar privata magħrufa bħala “Ta’ Ninu”. F’din it-taġedja ħallew ħajjithom 6 minn-nies. Dawn kienu is-sid tal-kamra tan-nar Nenu Farrugia, ibnu Noel u l-mara ta’ Noel Antoinette, ilkoll mir-raħal tal-Fontana u li lkoll mietu immedjatament mal-isplużjoni. Magħhom miet ukoll Jean Pierre Azzopardi, mix-Xewkija.

Aktar tard mietu wkoll Pawlu Micallef u Raymond Farrugia mill-Fontana wkoll li mietu xi ġranet wara fl-isptar kawża ta’ ħruq li kienu ġarrbu bl-isplużjoni. Raymond Farrugia kien iben ieħor ta’ Nenu u kien jiġi wkoll ħu Noel li miet mal-isplużjoni. L-isplużjoni kienet aktar qawwija billi kien hemm 5 trakkijiet mgħobbija bin-nar, li kienu nxtraw minn diversi kmamar tan-nar f’Malta, lesti biex jinħarqu fil-festa tal-Vitorja fir-raħal tax-Xewkija.

Fl-2007 l-Awditur tal-MEPA kien indika l-periklu li din il-kamra tan-nar setgħet kellha għal din il-kappella f’każ ta’ splużjoni bħalma atwalment seħħ. Dan kien wara li f’Awwissu tal-2005 kienet diġà taret kamra oħra tan-nar fil-viċin. Fortunatament, l-unika ħsara li ġarbet il-kappella kienu xi ħgieġ miksur u l-ewwel spezzjonijiet ma ndikaw l-ebda ħarat strutturali fil-kappella. Iżda ‘il hinn mill-ħsarat lejn il-wirt storiku, il-ħsara li saret lill-familji tal-vittmi żgur li m’hi ser tissewwa’ qatt.

Kitba: Joe Brincat
Ritratti: Caroline Busuttil u Lorne Cremona

 

Ritratt: Caroline Busuttil
Pittura ta' Jacqueline Agius
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
San Aristarku - Ritratt: Caroline Busuttil
San Pawl - Ritratt: Caroline Busuttil
Santa Marija - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Lorne Cremona
Ritratt: Stanley Borg

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com