KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ Santa Margerita t’Għajn Riħana
~ Burmarrad l/o Naxxar ~

Ritratt - Caroline Busuttil

Knisja oħra żgħira li nsibu f’Burmarrad hi dik iddedikata lil Santa Margerita. Din il-knisja tinsab fuq ix-xellug fit-triq prinċipali ta’ Burmarrad qabel tasal ħdejn il-knisja parrokkjali.

L-isem

Din il-knisja hija magħrufa bħala ta’ Għajn Riħana, minħabba l-lokal li tinsab fih.  Hemm  min isibha wkoll bħala Tal-Ħamiem minħabba l-barumbara tal-ħamiem li hemm fuq  in-naħa ta’ wara tal-knisja.

Il-kelma “Riħana” tirreferi għall-pjanta, dik li bl-Ingliż tissejjaħ “Myrtle”. Iżda l-Professur Godfrey Wettinger, fil-ktieb tiegħu “Placenames of the Maltese Islands” jissuġġerixxi li billi l-kelma “Riħana” hija fis-singular, il-kelma fil-kuntest ta’ dan il-lokal aktar probabbli li tirreferi għal xi laqam jew xi isem ta’ xi ħadd milli għall-pjanta nnifisha.

Għal hafna snin din il-knisja kienet aktar magħrufa għas-siġra li kien hemm quddiem il-bieb prinċipali tagħha u li kienet tgħatti parti sew mill-faċċata tagħha.  Imma fis-sena 2013 din is-siġra tneħħiet biex issa l-faċċata sabiħa fis-sempliċitÓ tagħha tista’ titgawda aħjar.
 

Ritratt - Mill-Internet - albireo 2006


Oriġini

Din il-knisja jidher li għandha bidu antik ħafna u għalkemm għal ħafna snin kienet taqa’ taħt it-territorju parrokkjali tan-Naxxar, kienet ġuspatronat tal-Katidral tal-Imdina.  Minħabba f’hekk, minkejja l-antikitÓ tagħha, ma nsibux informazzjoni dwarha fiż-żjara tal-monsinjur Dusina fl-1575.  Dusina jsemmi knisja ddedikata lil Santa Margerita fin-Naxxar iżda din kienet tinsab fiċ-ċentru tar-raħal.  Kienet tmiss ma' oħra ddedikata lil Santu Rokku u San Bastjan eżatt fil-bidu ta' Triq il-Labour.  It-tnejn kienu jmissu mal-Każin tal-banda. Dawn twaqqgħu meta infetħet it-triq fl-1956.
 

Santa Margarita ta' Ghajn Rihana - Arkivji Nazzjonali Kollezzjoni Tony Terribile


Il-kwadru titulari juri lil Santa Margerita u tpitter mill-pittur Dottor Michael Bellanti fl-1850. Din il-pittura kienet ġiet irrestawrats mis-sinjorina M.R. Borg Olivier l-1977.  Qabel din il-pittura ta Bellanti, kien hemm oħra ta’ Francesco Zahra li kienet inbidlet għax kienet fi stat ħażin ħafna.   Fl-istess sena meta saret din il-pittura fl-1850, inbniet is-sagristija u kamra oħra fuq.

Lejn in-nofs tas-seklu dsatax saru xi tibdiliet f’din il-knisja. Fl-1849 il-knisja tkabbret billi żdiedet il-parti ta’ quddiem tagħha.  Sal-lum għadha tidher l-irħama tan-“Non gode l’immunita’ ecclesiastica” fuq ġewwa tal-knisja, fuq il-ħajt li kien jagħmel parti mill-faċċata l-antika tagħha. 

Fl-1866 żdiedet kamra oħra li kienet isservi bħala kċina.  Il-faċċata l-ġdida tal-knisja ġiet imbagħad miżjuda fis-sena 1882. Il-knisja kienet reġgħat ġiet rinovata fis-snin sebgħin u tmenin tas-seklu għoxrin mill-Ġiżwita Dun Frank Grech S.J. u Anġlu Carabott miż-Żejtun.  Kien sar ukoll xogħol ta’ restawr estensiv fuq il-kwadri tal-Via Sagra minn Brother Joseph Spiteri S.J.

Il-knisja minn ġewwa u minn barra

Din il-knisja, għalkemm żgħira, għandha faċċata eleganti fis-sempliċitÓ tagħha. Il-faċċata tikkonsisti f’żewg pilastri fit-tarf tagħha. Dawn jerfgħu entablatura u fil-parti ċentrali tal-faċċata jerfgħu pediment trijangulari. Fuq dan il-pediment insibu kampnar żgħir li jagħmel spazju għal qanpiena żgħira u fuqu salib tal-ġebel.  Il-qanpiena kienet saret fl-1708 u fuqha nsibu xbiehat tal-Kurċifiss u ta’ San Publiju.


Ritratt - Caroline Busuttil


Fuq il-frontispizju fil-ġenb tal-faċċata, insibu wkoll żewg boċċi kbar fuq pedestal (teknikament jissejħu “piramidi”, anke jekk għandhom forma ta’ sfera), waħda fuq kull naħa, li jkompu jżejnu l-faċċata tal-knisja. Il-bieb prinċipali tal-knisja jinsab fin-nofs tal-faċċata u hu mdawwar bi gwarniċa tal-ġebel.  Fuq il-bieb prinċipali nsibu wkoll tieqa tonda mdaqqsa li hi wkoll mdawra bi gwarniċa tal-ġebel.  Din tagħti d-dawl lill-knisja fuq ġewwa. Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa żgħira kwadra li tippermetti lin-nies li jittawlu ġewwa u jagħmlu viżta lis-sagrament ġol-knisja anki meta din tkun magħluqa.  Il-knisja għandha wkoll zuntier żgħir quddiemha.  Mal-ħitan fuq in-naħa ta’ barra hemm għadd ta’ graffiti mnaqqxin fil-ġebel.  Uħud minnhom juru bċejjeċ tal-baħar u wieħed jimmaġina li dawn kienu tnaqqxu bħala ex-voto.  Hemm ukoll għadd ta’ graffiti oħrajn li juru dati u ismijiet ta’ persuni li probabbli aktar jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti ta’ vandaliżmu.

Minn ġewwa l-knisja hi maqsuma f’żewġ partijiet.  Il-parti l-antika tal-knisja hija kemmxejn idjaq mill-estenzjoni l-ġdida.  Fiha jinsab  l-altar ewlieni li fiħ insibu l-kwadru titulari ta’ Santa Margerita, xogħol ta’ Dr. Michele Bellanti li kien sar fl-1850. Dan il-kwadru  juri lill-qaddisa martri tgħaffeġ lid-dragun u bil-palma tal-martri  f’idejha.  L-altar ewlieni hu tal-ġebel. L-estenzjoni tal-knisja hi aktar wiesa’ mill-parti l-antika. Kemm il-parti oriġinali kif ukoll l-estenzjoni tal-knisja għandhom saqaf troll, għalkemm is-saqaf tal-parti l-ġdida huwa għola. Fl-estenzjoni naraw ukoll żewg itwieqi mas-saqaf li jkomplu jdawluha minn ġewwa. F’din il-parti nsibu wkoll bieb ieħor fil-ġenb.  Fil-knisja nistgħu naraw relikwija tal-qaddisa kif ukoll bas Ritratt - Carmelo Vella             Kappella Santa Marija Ghajn Rihana Burmarradrelief tal-Madonna maħdum fl-injam minn tifel ta’ tnax-il sena li kien miet ftit wara li lestieħ.  Il-knisja għandha wkoll sett kwadri tal-Via Sagra u fonti tal-ilma mbierek żgħir tal-ġebel bħal dak li hemm fil-kappella tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri.

Fis-sena 2000 kienet inżergħet siġra quddiem il-bieb prinċipaali tal-knisja biex tfakkar il-millenju l-ġdid.  Din kienet għażla xejn feliċi għax is-siġra malajr kibret u bdit tgħatti l-faċċata tal-knisja u serviet bħala ostaklu għal min ried jidħol fil-knisja.  Is-sens komun rebaħ u fis-sena 2013 din tneħħiet biex il-faċċata tal-knisja reġgħet inkixfet u tista’ titgawda mill-ġdid.

Dun Frank Grech, S.J.

FrFrankGrechSJMeta wieħed isemmi din il-knisja wieħed bilfors irid isemmi x-xogħol pastorali li kien għamel il-Ġiżwita dun Frank Grech li għal ħafna snin ħa ħsiebha.  Fr.  Grech mar lura għand il-Missier nhar id-29 t’April tal-2012.  Kellu 84 sena. Dan Fr. Grech kellu ħajja tassew interessanti.  Kien għadu bilkemm iggradwa bħala tabib meta ħass li Alla kien qed isejjaħlu biex ikun tabib tal-erwieħ. Ma damx wisq ma ddeċieda li jħalli l-karriera professjonali ta’ tabib biex jidħol Ġiżwita u jsir saċerdot. Dam madwar tletin sena jgħallem il-kimika fil-Kulleġġ San Alwiġi, b’fedeltÓ li ssaħħrek. Meta kiber u rtira mit-tagħlim, għadda snin jaħdem mal-ħabsin u l-fqar. Għal żmien twil kien jgħin fil-Komunitajiet Neo-Katekumenali.
 
Ir-rifuġju tiegħu kienet id-daqsxejn ta’ knisja ta’ Santa Margerita ta’ Għajn Riħana. Ħa ħsiebha għal aktar minn 35 sena, iqaddes, iqarar u jagħti direzzjoni spiritwali li ħafna nies.

Il-knisja llum

Matul dawn l-aħħar snin sar ukoll xi xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fil-knisja minn ġewwa.  Il-knisja illum tinsab fi stat tajjeb.  Sa ftit snin ilu kull nhar ta’ Ħadd filgħodu kienet issir quddiesa fiha imma jidher li dan l-aħħar m’għadhiex issir.

Kitba ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Carmelo Vella,  Anthony Blackma, mill-Internet ( albireo 2006 fuq Flickr), n u mill-Arkivji Nazzjonali

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil               IMG_0653
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony Blackman - S Margartita ta Ghajn Rihana
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com