KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - mill-Internet  -  Medaljun fuq il-faccata

San Xmun l-Imħeġġeġ
~ Wardija, l/o S. Pawl il-Baħar ~

Knisja oħra tal-kampanja li nsibu fl-inħawi tal-Wardija fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar,  hija dik li tinsab f’Wied Qannotta  u li hi ddedikata lil San Xmun Appostlu. Din il-kappella, li hi mibnija fuq stil neo-gotiku, għandha faċċata tista’ tgħid unika li ma tantx insibu bħalha f’pajjiżna għajr għal xi knejjes Anglikani, dik taċ-ċimiterju tal-Addolorata u l-knisja l-ġdida ta’ Loreto f’Għajnsielem, Għawdex.

San Xmun - fl-Arazzi tal-Konkatidral ta' San GwannMin kien San Xmun?

San Xmun kien imlaqqam “il-Kananew”,  kelma misluta mill-kelma Lhudija “qana”, li tfisser “imħeġġeġ”.  Ġieli jirreferu għalih bħala Xmun iż-Żelota,  li ukoll tfisser li kien “imħeġġeġ”.  Dan il-laqam jinagħta biex jiddistingwuh minn Xmun Pietru, l-ewwel Papa.   

San Xmun, flimkien ma’ San Ġuda Taddew (Ġuda “mhux l-Iskarjota”), kienu msejħin minn Ġesù biex ikunu Appostli tiegħu.  It-tradizzjoni tgħid li huma evanġeliżżaw flimkien  u għalhekk ġeneralment jissemmew flimkien ukoll.   San Xmun  kien jeħodha kontra dawk li kienu ta’ diżunur għall-fidi tagħhom bil-mod ta’ kif kienu jgħixu u jġibu ruhhom – għalhekk il-laqam tiegħu “l-Imħeġġeġ”.  Il-Vanġelu ftit li xejn jitkellem fuq dan l-appostlu ħlief li Kristu għażlu u daħħlu jagħmel sehem mit-tnax-il appostlu. Huwa rċieva l-Ispirtu Santu flimkien mal-Appostli l-oħra fil-jum tal-Pentecoste u kien fidil lejn is-sejħa li għamillu Kristu.  Huwa ppriedka l-aħbar it-tajba lill-popli tal-Eġittu u tal-Mawritanja. Meta wasal fil-Persja, is-saċerdoti tal-allat foloz ħatfuh u kien mislub wara li għadda minn tbatijiet kbar għall-ġieħ tal-isem ta’ Ġesù. Hu kien immartiriżżat flimkien ma’ Ġuda Taddew fis-sena 65 W.K.   Ir-relikwi tiegħu jingħad li huma ppreservati fil-knisja ta’ San Pietru ġewwa Ruma u fil-Katidral ta’ Tolosa fi Franza.

Is-simbolu assoċjat ma’ San Xmun huwa s-serrieq għax jingħad li ġismu tqatta’ f’biċċiet b’serrieq wara li ħa l-martirju.  Huwa b’dan is-simbolu li dan il-qaddis jidher fis-sett ta’ arazzi mprezzabbli li hemm fil-(mużew tal-) Konkatidral ta’ San Ġwann fil-belt Valletta.  Kultant jidher ukoll b’lanza f’idu.  Huwa meqjus bħala l-qaddis l-patrun tal-konzaturi (dawk li jaħmu l-ġlud tal-annimali biex jagħmluhom tajbin għall-użu fl-ilbies, żraben, ċintorini etc).  Fil-Knisja Kattolika normalment jissemma’ ma’ San Ġuda Taddew, Appostlu ieħor iżda fil-Knisja tal-Lvant normalment jissemma’ waħdu.  Il-festa tiegħu taqa’ nhar it-28 t’Ottubru għall-Knisja Kattolika u nhar l-10 ta’ Mejju għall-Knisja Griega u Kopta.

L-Islam jaċċetta lil Ġesù bħala profeta iżda ma jsemmix lill-Appostli b’isimhom: jirreferi għall-Appostli bħala dawk li jgħinu fix-xogħol għal Alla.  Iżda l-esiġeżi (spjegazzjoni) u l-kummentarji tal-Kuran jagħtu xi ismijiet ta’ Appostli u jsemmu lil San Xmun b’ismu bħala wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù.  It-tradizzjoni Musulmana tgħid li San Xmun kien intbagħat biex jippriedka l-fidi f’Alla fost il-Berberi tat-Tramuntana tal-Afrika.

Wied Qannotta
 
F’dan il-wied pittoresk, bejn iż-Żebbiegħ u Burmarrad, jiddomina palazz li jġib l-isem tal-wied innifsu, jigifieri “il-Palazz Qannotta”.  Il-kelma “qannotta” tfisser “qasab”.  Dan il-kastell inbena mill-Gran Mastru Perellos u kien wieħed minn għadd ta’ residenzi li nbnew minn Kavallieri tal-Ordni jew nies għonja fuq l-għolja tal-Wardija.  L-art li fuqha nbena l-kastell hija magħrufa bħala l-Andar ta’ San Xmun (“andar” tfisser post fejn jindires il-qamħ) u tifforma parti minn Ġnien il-Qinċ, li kien propjeta’ tal-istess kappella.  Skond l-atti tan-Nutar Gio Marija Felice din l-art, flimkien mall-kappella, ġew mikrija lill-Baruni Inguanez. 
 
Ritratt - mill-Internet  -  dettallOriġini

Din il-kappella, mibnija fuq stil neo-gotiku, hija ġuspatronat tal-familja Depiro Gourgion, li tagħhom ukoll huwa l-Kastell Qannotta u li fuq l-artijiet ta’ madwaru tinsab wieqfa l-kappella.

Jidher li fis-seklu sittax kien hemm xi forma ta’ knisja ddedikata lil-San Xmun u San Ġuda Taddew, iżda din ma baqgħetx teżisti anke sa mill-istess seklu sittax. X’aktarx ġiet mibnija, ipprofanata u restawrata għal diversi drabi.   Il-kappella li hemm illum, dik stil neo-gotiku, lanqas m’hi dik li kien hemm fiż-żmien u li tissemma’ għall-ewwel darba fil-viżta pastorali tal-isqof Baldassere Cagliares fl-1616.  Il-monsinjur Dusina ma jsemmihiex fiż-żjara tiegħu tal-1575 u għalhekk dan ifisser jew li dik li tissemma’ fl-1616 kienet għadha ma nbnietx  jew li kienet fi stat tant ħażin li ma żarhiex.

Fl-1616 din il-knisja kienet tagħmel man-Naxxar u meta żarha l-isqof Cagliares sab li kien fiha għadd ta’ ħwejjeġ importanti għall-kult neqsin.  Il-ftit li kien fiha kienu jinkludu pittura titulari fuq l-injam li kienet turi lill-Madonna kif ukoll lil San Pawl u lil San Xmun, wieħed fuq kull naħa.  Nikola Xerri kien qal li hu kien kompla d-devozzjoni kbira li kellu missieru lejn din il-knisja u għalhekk, kien jara li jagħmel quddiesa nhar il-festa ta’ San Xmun u San Ġuda.  Zijjuħ Salvo Cauchi kien jagħmel l-istess u dan kien ukoll jara li jinxtegħel il-lampier fil-knisja.  Fl-atti tan-nutar Mattew Cauchi, bid-data tat-13 ta’ Ottubru 1629, insibu li dan Cauchi ħalla ġnien fil-Wardija, magħruf bħala Calet il-Habib, bħala fondazzjoni biex issir quddiesa oħra nhar il-festa ta’ San Xmun u biex jinxtegħlu żewġ lampi taż-żejt kull nhar ta’ Sibt.

Kien hemm uħud li kienu preżenti waqt iż-żjara tal-isqof Cagliares li qalulu li din il-knisja kellha propjetà li kienet tikkonsisti f’għalqa quddiemha.

Għalkemm Cagliares ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar din il-knisja, ma nsibu l-ebda referenza għaliha bħala li tagħmel mad-distrett tal-Mellieħa fil-ftit drabi li terġa’ tissemma’ f’visti pastorali oħrajn.  Dan probabilment jista’ jkun għaliex kienet ingħalqet għall-użu pubbliku.  Madankollu, insibu li sas-sena 1678 il-pittura kienet diġà ġiet trasferita fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa.  Din id-darba intqal ċar li dan sar għax il-knisja ta’ San Xmun u San Ġuda kienet ingħalqet għall-pubbliku. Ir-rettur tal-istess Santwarju (tal-Mellieħa) kellu l-obbligu ta’ erba’ quddisiet fil-festa ta’ San Xmun u San Ġuda.

Il-knisja minn barra

Il-knisja li naraw illum ġiet imbierka bhar it-22 ta’ April 1868, mill-kanonku  dun Feliċ Cutajar, Delegat tal-Vigarju, wara li dik ta’ qabilha kienet fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u ġiet desakrata.  Din il-knisja tal-lum tesa’ madwar sittin ruħ u l-kwadru titulari, li juri lil San Xmun Appostlu, huwa xogħol Salvu Micallef.
 
Il-faċċata tal-kappella hija waħda sempliċi iżda tolqot il-għajn għall-istil neo-gotiku tagħha.   Għandha bieb tal-injam, maqsum fi tnejn, ta’ stil Sikulo-Normann li ġej bil-ponta.  Fuq kull bieba hemm toqob li jiffurmaw salib gotiku li kienu jintużaw preżubilment biex wieħed ikun jista’ jara ġewwa meta l-knisja ma tkunx miftuħa.  Il-bieb huwa mdawwar b’disinnji nofs tond minquxa fil-ġebel.  Kollox imbagħad huwa mdawwar b’arkata tal-ġebel iddekorata bi żgoxxijiet li ġejja għall-ponta u li sserraħ fuq kolonni rqaq u lixxi li iżda juru disinn ta’ fjuri fuq il-kaptelli.

Ritratt - Stanley Borg


Fuq kull naħa tal-faċċata fil-kantuniera hemm nofs kolonna ta’ stil Korintu u fuqha hemm niċċa.  Dawn in-niċeċ darba kien hemm żewġ statwi, ta’ San Pietru u San Pawl, rispettivament.   In-niċeċ ukoll għandhom arkata ġejja għall-ponta u jikkumplimentaw id-disinn tal-bieb prinċiplali.  Illum dawn l-istatwi m’għadhomx hemm iżda ritratt meħud fl-1970 jurihom għadhom fil-lok.

Fit-truf hemm tiżjin b’disinn partikolari minqux fil-ġebel fejn normalment ikun hemm xi sfera jew xi fjamma.  Dan il-disinn għandu għamla ta’ lembut tawwali b’mod sproporzjonat u fih tinqix ikkomplikat fil-ġebla – simili ħafna għad-disinnji li jinsabu fil-faċċati ta’ katidrali gotiċi li hemm fil-bliet fl-Ewropa.  Mad-daqqa t’għajn tkun qisek qed tara wieħed minn dawn il-katidrali fil-minjatura. 

Fuq ix-xellug ta’ din il-knisja hemm binja żgħira sporġuta ‘l barra mill-binja prinċipali.  Din hi ddekorata wkoll u għandha bieb ukoll bħall-binja prinċipali.  Din tidher li sservi bħala sagristija jew xi ħaġa simili għax ma teżistix oħra bħala pariġġha fuq il-lemin tal-knisja.  Għalhekk ma jidhirx li tagħmel parti mid-disinn integrali tal-knisja f’forma ta’ salib Latin.   Iżda dan hu biss spekulazzjoni bbażata fuq il-loġika għax sakemm jew naraw il-kappella minn ġewwa jew jgħidilna xi ħadd li raha b’għajnejh, ma nkunux nistgħu ngħidu b’mod preċiż.  Jekk ikollna informazzjoni korretta, naġġornaw din il-kitba. 
 

Ritratt - Dominic Cachia


Is-saqaf tal-kappella, almenu sa fejn jista’ jidher minn barra, ġej għall-ponta kif ukoll l-istess hu tal-binja fuq ix-xellug tal-kappella li għadna kemm semmejna.

Fin-nofs tal-faċċata hemm kampnar żgħir li f’xi ritratti jidher iġorr qanpiena fih u li illum ukoll m’għadiex teżisti.  Fuq il-kampnar kien hemm salib żgħir tal-ġebel.   San, bħall-qanpiena, m’għadux jidher. Taħt il-kampnar, f’nofs il-faċċata, hemm basso riljev tal-Madonna b’Ġesu’ tarbija f’idejha.  Fir-ritratt tal-1970 li diġà rreferejna għalih, jidher ħawt tal-magħmudijiet li jinsab barra l-bieb prinċipali.  It-tradizzjoni tgħid li f’dan il-fonti San  Pawl għammed lil San Publiju.  Dan ukoll m’għadux jidher f’ritratti riċenti.
 
Il-knisja llum

Din il-knisja kienet ilha magħluqa sa mill-aħħar gwerra. Il-patrijiet, biex jaqdu lill-poplu tal-Wardija li kellu ‘l bogħod mill-eqreb knisja, kienu qed jużaw lok ieħor; imma hawn sabu wisq ostakli li saħansitra kellhom iwaqqfu l-ħidma tagħhom f’dawn l-inħawi. Imma bis-saħħa tal-avukat Alexander de Piro Gurgion, il-kappillan tal-parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar, patri Samuel Chetcuti, qaddes f’din il-kappella konċelebrazzjoni nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Jannar 1975.  Fl-istess sena, il-knisja għamlet żmien tintuża sakemm kienet qed titkabbar il-knisja parrokjali ddedikata lid-Duluri f’San Pawl il-Baħar.

Illum, din il-kappella tidher li hi mitluqa għal rajha.  Bħalma jidher mir-ritratti aktar riċenti, il-ħaxix u n-natura qegħin, bil-mod il-mod, joħonquha.  Partijiet minnha sparixxew, jew bl-id tan-natura jew bl-id tal-bniedem.  Aċċess għaliha hu diffiċli għax hija tal-privat.  Iżda wieħed jissoponi li minn ġewwa il-ħsarat qed iseħħu wkoll.  Sfortunatament xejn ma jista’ jsir sakemm ma jsirx mill-propjetarji tagħha.  Wieħed biss jittama li jifhmu r-responsabiltà li għandhom fiż-żamma ta’ dan il-wirt storiku li jipposjedu.


Nota Editorjali:

Inkunu ferm grati jekk xi qarrej ta’ dan is-sit jipprovdielna xi ritratti minn ġewwa, speċjalment tat-titular.  Inkunu wkoll grati jekk xi ħadd jirranġalna biex inġibu permess nidħlu f’din il-kappella u naraw b’għajnejna sabiex jekk ikun hemm bżonn, nikkoreġu/naġġornaw dan l-artikolu.




Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Dominic Cachia, Stanley Borg u mill-Internet.  Ħajr lill-Arkivji Nazzjonali/Heritage Malta/Tony Terribile
Pittura ta’ AlbertJoseph Caruana

Ritratt - mill-Internet  -  il-kampnar
San Xmun l-Imheggeg - Hajr Heritage Malta u Tony Terribile
Ritratt - Dominic Cachia
Ritratt - mill-Internet
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - mill-Internet
Pittura ta Albert Joseph Caruana
Ritratt - mill-Internet

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017