KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Santa Katerina d’Italia
~ Valletta ~

Santa Katarina ta’ Lixandra kienet minn dejjem meqjusa mill-kavalleri Taljani tal-Ordni ta’ San Ġwann bħala l-patruna tagħhom.  Kienet għal dir-raġuni li huma ħadu l-inkarigu li jipproteġu lill-pellegrini li kienu fi triqthom lejn il-monasteru tagħha li hemm fuq il-muntanja Sinaj.  Ma setax jonqos li ma jibnux knejjes iddedikati lilha kull fejn kienu jkunu mibgħuta.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-knejjes tal-kavallieri Taljani ġewwa Rodi u ġewwa l-Birgu

Meta l-Ordni tal-Kavalleri ta’ San Ġwann tkeċċa mill-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm fl-1309 u ġie trasferit għall-gżira ta’ Rodi, l-ammiralju Fra Domenico d’Allemagna, balliju ta’ Napli, bena knisja ad unur Santa Katarina fil-belt ta’ Rodi fl-1392.  Flimkien ma’ din il-knisja bena wkoll sptar.  Huwa ħalla diversi artijiet u għelieqi biex minnhom il-knisja u l-isptar ikollhom il-flus għall-ispejjeż li jistgħu jinqalgħulhom.  Kienet ix-xewqa tiegħu li din il-knisja u l-isptar ta’ magħha jibqgħu ġuspatronat tal-ammiraiju tal-Ordni, li kellu d-dritt li jagħżel il-kappillan tal-knisja u s-supretendent tal-isptar.  Fil-fatt din il-knisja baqgħet ġuspatronat tal-Ordni sakemm dawn ġew imkeċċija mill-ġdid fl-1522.   Meta l-Papa Piju II ried li din il-knisja taqa’ f’idejn l-arċisqof tad-djoċesi ta’ Rodi fl-1459, kien l-arċisqof stess li rrifjuta din il-kariga minħabba li kien jaf li l-knisja kienet il-propjetà tal-kavallieri u mhux tad-djoċesi.

Minn ktieb ta’ vjaġġatur Belġjan ippubblikat fl-1828 (Descriptions des monuments de Rhodes ta’ Bernard Eugene Antoine Rottiers) nafu li din il-knisja kienet għadha fi stat tajjeb u tintuża bħala skola sa dak iż-żmien.

Meta fl-1530 l-Ordni ġie Malta, għall-ewwel stabilixxa ruħu ġewwa l-Birgu, u f’qasir żmien inbniet kappella oħra ddedikata lil Santa Katarina.  Giacomo Bosio jirrapporta li l-festa tagħha kienet tiġi ċċelebrata mill-kavallieri b’solennità kbira, u li fiha kienu jieħdu sehem id-dinjitarji kollha tal-Ordni.

L-ewwel referenza għall-eżistenza ta’ din il-knisja ġejja minn deliberazjoni tal-1560 fejn il-kavallieri Taljani obbligaw lill-kappillan ta’ din il-knisja Fra Antonio Bandiera, biex kull sitt xhur jagħmel rendikont mal-prokuraturi u jagħtihom 40 tari’ u żewġ grani, liema flus kienu jidħlu mill-offerti li kienu jagħmlu l-kavallieri ġodda f’jum il-professjoni tagħhom. 

Din il-knisja baqgħet il-mekka tal-kavallieri Taljani sa l-1572, meta s-sede tal-Ordni ġiet trasferita għall-Belt Valletta.  F’dik is-sena l-kappillan Fra Alfonso Domenici rċieva xi struzzjonijiet biex jagħti r-relikwi, l-paramenti liturġiċi u l-ornamenti sagri ta’ din il-knisja lill-prokuraturi tal-kavallieri tal-Lingwa tal-Italja.  Madanakollu l-knisja xorta waħda baqgħet miftuħa għan-nies, fil-fatt fil-minuti tal-vista pastorali li għamel monsinjur Dusina fl-1575 jissemma’ li kienet għadha tgawdi venerazzjoni kbira mill-poplu. Fl-1579 ġiet desakrata mill-isqof Gargallo (li baqa’ magħruf għall-ammot straordinrju ta’ knejjes li ddesakra kemm dam Isqof ta’ Malta), imma tissemma’ mill-ġdid fil-minuti tal-viżta pastorali ta’ monsinjur Molina xi snin wara.

Il-bini tal-knisja ta’ Santa Katarina fil-Belt

Ir-raġuni għalfejn Fra Domenici rċieva ordni biex jagħti kollox lill-prokuraturi tal-kavallieri Taljani fl-1572 kien għax Fra Ludovico Folchi talab li jingħata kollox f’idejh biex fi żmien sena (sad-19 ta’ Settembru 1573) jibni knisja oħra ddedikata lill-istess qaddisa fil-Belt il-ġdida, Valletta.

Minkejja li Folchi ingħata r-responsabbiltà li jagħmel dan, inqala’ xi nkwiet bejnu u bejn xi kavallieri oħrajn ta’ kariga għolja, tant li ġie maħsub li l-proġett jagħtuh lil ħaddieħor.  B’xi mod jew ieħor irnexxielu jibqa’ fit-tmun tal-proġett u, wara ħafna diskussjonijiet u polemiċi, il-knisja tlestiet lejn tmiem is-sena 1578.  Achille Ferris f’Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo (1866) jgħid li din il-knisja tlestiet fl-1566.  Din id-data hija żbaljata għax fl-Arkivju tal-Ordni (volum 2125, paġna 270) tissemma’ d-data proprja ta’ meta din il-knisja tlestiet, jiġifieri l-1578.  Ġiet tiswa 350 skud, 150 aktar milli kien maħsub fil-bidu.  Il-kwadru titulari oriġinali tagħha kien tpitter f’Ruma minn artist anonimu; għalih ikkontribwew diversi kavallieri Taljani.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Wara l-mewt ta’ Folchi, fl-1601, inħatar bħala kappillan ġdid tal-knisja Dun Gaspare Scaglione li kellu diversi obbligi aktar minn ta’ qablu. Apparti milli jieħu ħsieb il-knisja, Scaglione kellu jipprovdi x-xemgħa għall-quddies, iż-żejt għal-lampier u t-torċi għal dawk li jsiru kavallieri fi ħdan il-Lingwa tal-Italja.  Mingħand kull professat ġdid huwa kien jaqla’ żewġ skudi. Kull nhar ta’ Erbgħa kien obbligat iqaddes quddiesa b’suffraġju għal ruħ ir-Rev. Folchi, kif ukoll quddiesa kantata oħra l-għada tal-festa ta’ Santa Katarina b’suffraġġju għall-erwieħ tal-kavallieri Taljani mejtin.

Meta nbidel il-kappillan fl-1608, il-ġdid, Fra Michele Fanale, sab il-knisja nieqsa minn ħafna paramenti meħtieġa għal-liturġija kif suppost.  Barra minn hekk il-bini fih innifsu kien fi stat ħażin, minkejja li bil-kemm kien ilu mibni ħamsa u għoxrin sena.  Tliet snin wara beda xi xogħol ta’ restawr. Kienu diversi l-kavallieri Taljani li taw l-offerti tagħhom għal dan ix-xogħol; fosthom jissemma’ wieħed li xtaq jibqa’ anonimu li offra mitejn skud.  Matul ir-restawr saru ħafna tibdiliet fil-knisja – kullma baqa’ mill-oriġinali kienet il-prospettiva tal-altar ta’ Santa Katarina.  F’daż-żmien mal-faċċata twaħħlet l-istemma tal-Gran Mastru Caraffa.

Fl-1624 f’din il-knisja twaqqaf altar iddedikat lil Santa Katarina ta’ Bologna bil-ħidma tal-kavallier Luigi Fava skont ix-xewqa ta’ ħabibu l-kavallier Geronimo Gerio.  Fl-1626 saru aktar restawri li fihom twessa’ l-bieb prinċipali u nbidel it-taraġ li jagħtu għalih.  Bejn l-1657 u l-1659 il-kwadru titulari oriġinali li kien sar fl-1581 inbidel ma’ ieħor ta’ Mattia Preti.  Mhux magħruf jekk dan il-kwadru kienx rigal tal-artist lill-kavallieri Taljani – iżda aktar tard huwa talab biex jintlaqa’ bħala kavallier tal-Lingwa tal-Italja, għalhekk jista’ jkun li l-pittura tal-patruna tagħhom kien tahielhom b’xejn.

Skont leġġenda popolari li nsibuha fil-ktieb klassiku ta’ Achille Ferris Descrizione storica delle chiese di Malta e Gozo jingħad li dan il-kwadru kien sar oriġinarjament għall-parroċċa taż-Żurrieq, imma mbagħad peress li tant kien sabiħ, il-kavallieri Taljani rieduh għalihom.  B’konsegwenza ta’ hekk Preti kellu jpitter pittura oħra għaż-Żurrieq – u b’hekk inħoloq il-kapulavur tat-trijonf ta’ Santa Katarina fuq ir-rota li għadu jżejjen il-knisja ewlenija tar-raħal sal-lum.  Mill-biografija ta’ Preti li kiteb De Domenici, iżda, jidher illi din il-leġġenda m’hi xejn għajr ħrafa.  Fil-fatt l-ewwel kwadru li Preti kien pitter għal din il-kappella ma’ kienx dak tal-qtugħ ir-ras tal-qaddisa (dak li hemm illum), imma dak tal-għerusija mistika ta’ Santa Katarina, li llum jinsab fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-kappella tal-Italja.  Meta tlesta l-bini tal-konkatidral, li dak iż-żmien kien il-knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann, it-titular tal-knisja ta’ Santa Katarina, li kien jirrappreżenta l-għerusija tagħha, ttieħed fil-knisja l-ġdida tal-Ordni u fil-knisja l-oħra tqiegħed kwadru ġdid – dak li għadu hemm sal-lum.

Restawr u tibdil

Fl-1639 sar terremot qawwi li nħass f’bosta nħawi f’Malta. Fost il-bini li ġġarraf ta’ min isemmi l-Katidral l-antik tal-Imdina.  Fil-Belt il-ġdida kien hemm bosta bini li sofrew xi ħsarat bħala konsegwenza ta’ dan it-terremot, fosthom il-knisja ta’ Santa Katarina u l-Berġa tal-Italja li hemm mibnija magħha. Għal xi raġuni jew oħra ma sarx restawr estensiv sal-1711, meta l-kappillan kien Fra Guglielmo Sannazzaro.  Hu avża lill-prokuraturi li s-saqaf kien se jaqa’, li l-ħitan kienu qed jitmermru, li kien hemm bżonn jibidel l-altar prinċipali u bil-bżonn li tinbena gallerija għall-kant fuq il-bieb.  Għall-ewwel ġie deċiż li jsiru xi restawri parzjali, imma mbagħad ġie aċċettat li ssir prattikament ri-edifikazzjoni tal-knisja kollha.

Ħafna kavallieri u nies prominenti ta’ dak iż-żmien taw l-offerti tagħhom għal dan il-proġett, fosthom  il-Balliju Spinola li ħallas ħafna mill-ispejjeż tal-bini mill-ġdid, u l-Prijur tax-Xabla li ta ħafna flus u ordna li jsiru żewġ pitturi taż-żejt biex jitpoġġew fil-knisja meta x-xogħol jitlesta.

Fit-23 ta’ Ġunju 1713 ġie approvat il-proġett tal-faċċata li nbniet kif narawha llum bil-portiku maestuż li għandha.  L-espert tal-arti Vincenzo Bonello jatribwixxi dan il-portiku lil Vittorio Carapecchia.  Lejn tmiem l-istess sena, meta x’xogħol kien għadu għaddej, naqsu l-flus u l-prokuraturi kellhom jisselfu 400 skud mħollija f’legat mill-prijur Antonio Viabi.  Il-ftehim kien li l-ewwel flus li jdaħħlu mill-knisja kellhom imorru biex jitħallas dan is-self; f’każ li l-knisja ma tirrendix biżżejjed, kellhom jinbiegħu il-platti tal-fidda tal-Berġa tal-Italja.

Ix-xogħol tlesta fl-ewwel xhur tal-1714.  Il-kommendatur Fra Cristoforo Balbiano offra 1000 skud li bihom tħallsu parti kbira mill-ispejjeż għall-altar il-ġdid tal-irħam li nħadem Ruma taħt il-ħarsien tal-kavallier Nicola Bonaventura Lomellini.  Dan l-altar tal-irħam mill-ifjen kien imżejjen bi privileġġi speċjali mill-Papa Gregorju XIII – kull min iqaddes fuq dan l-altar jirċievi indulġenzi speċjali, daqs li kieku jkun qed iqaddes fuq l-altar prinċipali tal-knsija ta’ San Gregorju f’Ruma.  Fl-istess sena nħadmet il-gallerija fuq il-bieb prinċipali.  It-taraġ li jagħti għaliha tħaffer ġol-ħajt, kontra l-opinjoni ta’ diversi periti u tekniċi.

Matul is-snin ta’ wara sar aktar xogħol ta’ tisbiħ.  Fl-1727 il-portiku ingħalaq bi grada tal-ħadid, li nbidlet f’kanċell fl-1759.  Il-faċċata b’hekk ħadet id-dehra li narawlha llum: sempliċi u armonjuża.  Fin-naħa ta’ fuq tal-portiku jidhru diversi skulturi ta’ palm u tiżjin ieħor bl-istil barokk ta’ dak iż-żmien.  Fih ukoll din l-iskrizzjoni:
 

Hoc sacellum divae catherinae
dicatum italica pietas prout potuit
reparavit auxit et ornavit. anno domini 1713




li tfisser “Il-lingwa tal-Italja rranġat, kabbret u żejnet kemm setgħet mit-tjieba tagħha din il-knijsa tal-imqaddsa Katarina fl-1713”.

Aktar ‘il fuq tidher skrizzjoni oħra li tfakkar il-privileġġi spiritwali li tgawdi l-knisja u tfakkar ukoll ir-restawri li kienu għadhom kemm saru.

D.O.M.
D. Catharinae V. et M. insigne reliquiis
Araque privilegiata vetus hoc templum
vetustiorem vero patronae suae cultum
italica equestris natio
instaurando adauxit
anno dni. mdccxiii


Li tfisser “Il-kavallieri tal-Italja rranġaw l-altar privileġjat, aktar antik minn dan it-tempju, li jżomm ir-relikwi magħrufa ta’ Santa Katarina V. M. u b’hekk kabbru verament il-kult tal-patruna tagħhom. 1713.

Matul is-snin li kienet għadha tintuża mill-Ordni, f’din il-knisja kienu jsiru diversi ċerimonji solenni.  Fl-1707 saret ċelebrazzjoni solenni b’ringrazzjament tat-twelid tal-prinċep tal-Awstrja.  Fiha tkanta t-Te Deum  li għalih attendew diversi nies distinti.  Fl-1722 saret ċelebrazzjoni simili b’tifkira ta’ meta Carlo VI sar re ta’ Sqallija.  Kull meta kien jilħaq xi Gran Mastru tal-Ordni ġdid kien jitkanta t-Te Deum; dan kien isir b’aktar solennita’ jekk il-Gran Mastru kien ikun xi kavallier Taljan.

Deskrizzjoni tal-knisja

Il-knsija għandha forma ċirkolari bi tmint iġnub li jżommu fuqhom koppla.  Fuq din hemm lanterna żgħira, eleganti, li ddawwal il-knisja.  Madwar il-koppla hemm impittrin bil-chiaroscuro, qishom reliefs, l-episodji prinċipali tal-ħajja ta’ Santa Katarina.  Dawn saru fl-1660 minn Leonardo Romeo li kien alliev ta’ Mattia Preti. Hemm min jgħid li l-pittura ta’ din il-knisja kien bdieha Mattia Preti u komplieha Romeo.  Sakemm sar ir-restawr ta’ din il-knisja fis-snin sittin minn Luigi Pigazzini, f’uħud minn dawn l-affreski jidher l-effett taż-żmien, imma oħrajn kienu għadhom fi stat ta’ konservazzjoni tajjeb ħafna.  Fost l-aktar li kienu fi stat tajjeb hemm it-twelid ta’ Katarina, id-dehra tagħha quddiem Massiminu, id-disputa mal-filosfi tal-Eġittu u t-tortura tar-rota.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fuq l-altar titulari hemm koppla żgħira oħra.  Din fiha affresk magħmul mill-istess Romeo u jirraffigura l-Missier Etern fil-glorja.  Il-pittura titulari hija ta’ Mattia Preti u turi l-martirju  tal-qtugħ ir-ras ta’ Santa Katarina V.M.  Din hija mdawwra bi gwarniċ tal-ġebel indurat.  Fuqha hemm l-arma tal-lingwa tal-Italja imdawwra bil-palm.  Il-qaddisa tidher għarkubbtejha fuq palk b’idejha marbutin b’ħabel, miżmum mit-tarf l-ieħor minn manigold.  Fuq naħa tat-tfajla jidher manigold ieħor li qed jislet ix-xabla .  Taħt il-palk hemm imħallef qed iżomm parċmina li fiha hemm miktuba l-kundanna.  Diversi nies qed iħarsu lejn it-tfajla fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha.  Fin-naħa ta’ fuq jidhru żewġ anġli lesti biex jieħdu ruħ il-qaddisa lejn is-sema.

Fuq dan l-altar hemm sitt gandlieri antiki. Kull waħda minn dawn fiha l-istemma tal-lingwa tal-Italja, l-arma ta’ Santa Katarina u l-arma tal-kunjom tal-benefattur.

Fuq iż-żewġ naħat tal-kor hemm żewġ pitturi oħra li Ferres jgħid li huma ta’ skola Spanjola.  Dawn jirrappreżentaw l-għerusija ta’ Katarina mat-tfajjel Ġesu’ u d-disputa mal-filosfi.  Fuq l-altar tal-lemin hemm pittura tal-Madonna Addolorata li hija l-unika pittura ta’ Benedetto Luti li hawn f’Malta.  L-altar ta’ faċċata huwa ddedikat lill-Kurċifiss u kien lok ta’ ħafna devozzjoni minn missirijietna.  Fih pittura kbira ta’ Kristu msallab li għandha storja nteressanti ferm.  Jingħad li  Fra Costanzo Vella, li kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ Santa Katarina fil-bidu tas-seklu tmintax, fi xjuħitu kien qal li meta kien għadu żgħir kien qiegħed l-Italja ma’ xi ħbieb u ltaqgħu ma’ xi reliġjużi li kienu qed jieħdu dix-xbieha minn pajjiż għall-ieħor.  B’xi mod hu rnexxielu joħodulhom u ħadu miegħu f’daru fi Piacenza.  Fl-1720 ġab din il-pittura miegħu Malta u taha lill-knisja ta’ Santa Katarina, fejn għadu sal-lum.  Ħaġa stramba f’din il-pittura hi li mill-bogħod wiċċ Kristu jidher kif għandu jkun, imma mill-qrib la jidhru għajnejn, la mnieħer u anqas ħalq!  Kien minħabba f’hekk, forsi, li Fra Costanzo kien xerred ix-xniegħa li din il-pittura kienet tpinġiet mix-xitan.

Fuq dan l-altar hemm statwa antika u artistika ta’ San Ġużepp.

Hemm pittura oħra tal-għerusija ta’ Santa Katarina mal-Bambin Ġesu’ li hija xogħol tal-pittur Fjorentin Filippo Paladini.  Apparti l-figuri tradizzjoni  ta’ Santa Katarina, Ġesu’ u l-Madonna, fiha jidher ukoll San Ġwann Battista jżomm il-bandiera tal-Ordni.  Fl-isfond tidher l-istemma tal-Lingwa tal-Italja: il-kelma Italia miktuba b’ittri tad-deheb fuq sfond iswed.

Kien hemm pitturi oħrajn li mas-snin sabu ruħhom fil-konkatidral ta’ San Ġwann, fosthom il-kwadru famuż ta’ San Ġlormu, dak ta’ Santa Marija Maddalena, u probabilment il-pitturi ta’ San Ġwann fid-deżert u tal-Familja Mqaddsa li jinsabu fil-kappella ta’ San Pawl fil-konkatidral, eżatt maġenb il-kapella ta’ Santa Katarina.  Ferres jgħid li dawn ittieħdu mill-knisja ta’ Santa Katarina.

Hemm żewġ pitturi oħra li jirrappreżentaw l-għerusija tal-Madonna ma’ San Ġużepp u iż-żjara tal-Madonna lil Santa Eliżabetta.  Dawn kienu tneħħew mill-knisja u tpoġġew fil-Berġa tal-Italja fl-1720.  Meta telaq l-Ordni minn Malta fl-1798, reġgħu sabu posthom fil-knisja.

Fis-sagristija nsibu żewġ pitturi oħra: wieħed tad-Duluri u l-ieħor ta’ Don Gio. Fancesco Segnani, ġiżwita Żebbuġi li għal xi żmien kien is-segretarju tal-Lingwa tal-Italja.  F’din is-sagristija nsibu wkoll relikwarju barokk tal-injam indurat li fih ir-relikwi tal-qaddisa, tliet karti glorja arġentati bl-arma tal-lingwa tal-Italja u terħa ħamra rrakmata bid-deheb bl-istemma tal-benefattur.

Mill-inventarju li kien sar fit-30 ta’ April 1713 nafu li l-knisja kellha bosta teżori.  Dawn kienu jintrefgħu fil-Berġa tal-Italja, imma nsterqu fl-invażjoni Franċiża tal-1798.  Minn dawn baqa’ biss kalċi tal-fidda bl-emblema ta’ Santa Katarina u bust tal-irħam tad-Duluri, magħluq fl-injam.

Fil-bidu tas-seklu għoxrin l-irħam tal-art inbidel u d-disinn il-ġdid juri s-salib tal-kavallieri.

Għalkemm huwa ċert li diversi nies indifnu f’din il-knisja, fiha nsibu biss tliet lapidi: waħda tinsab f’nofs il-presbiterju u t-tnejn l-oħra, waħda fuq kull naħa fil-ħitan tal-altar.  Dik li tinsab fin-nofs hija ta’ Fra Alessandro Covoni, li kien miet Malta f’Ġunju tal-1620; dik fuq ix-xellug hija tal-kavallier Giacopmo Garofalo li miet fl-1766, filwaqt li dik tal-lemin hija mafkar tal-kavallier Francesco Picolomini, li miet fl-1658.  Iżda dan Piccolomini jinsab midfun fil-konkatidral ta’ San Ġwann, mhux f’din il-knisja.

Wara ż-żmien tal-Ordni

Meta telqu l-kavallieri minn Malta din il-knisja għamlet xi żmien mitluqa, imma xorta waħda dejjem kien hemm xi qassisin li baqgħu iqaddsu fiha.  Fl-1833 f’din il-knisja t-tfal kienu jitgħallmu l-katekiżmu.  Mit-23 ta’ Frar 1849 din il-knisja laqgħet fiha l-kongregazzjoni tal-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesu’ u Marija, skont digriet tal-isqof Sant.  Għal din l-okkażjoni kienu saru żewġ pitturi oħra tal-qalb ta’ Ġesu’ u ta’ Marija, impittrin fi stil Biżantin minn Giuseppe Calleja taħt id-direzzjoni ta’ Hyzler. 

Għal xi żmien kienet tinżamm f’din il-knisja l-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima li kienet iddur il-parroċċi ta’ Malta u Għawdex.  Din inħadmet mill-istess skultur li kien ħadem l-istatwa famuża li tinsab fil-bażilka ta’ Fatima fil-Portugal.  Kienet inkurunata mill-Papa Piju XII u nġiebet Malta fl-1948.

Din il-knisja għamlet diversi snin (sas-sena 2000) isservi bħala l-knisja parrokkjali tal-komunita’ ta’ Taljani li jgħixu hawn Malta.  Ftit tas-snin ilu inbeda’ proġett ta’ rijabilitazzjoni sħiħa fuq din il-knisja.  Ġiet imnaddfa u rrestawrata b’mod estensinv minn barra.  Meta beda x-xogħol fuq ġewwa dan kellu jieqaf għal żmien indefinit minħabba li naqsu l-fondi.  Sakemm jitlesta x-xogħol, il-kwadru titulari tal-martirju ta’ Santa Katarina tqiegħed fil-Mużew tal-konkatidral ta’ San Ġwann.

Dan l-aħħar, bħala parti mill-proġett ta’ Bieb il-Belt u tal-Parlament il-ġdid, il-bini tal-għassa tal-pulizija li kien hem fuq ix-xellug tal-knisja twaqqa’ biex inħolqot pjazza żgħira minflokha.  L-effett fuq id-dehra ta’ din il-knisja kien qawwi ħafna għax issa l-knisja ħarġet bi prominenza akbar fl-ambjent li qiegħda fih u tista’ titgawda aħjar kif kienet titgawda oriġinarjament.

Kitba ta’ Rev. Jonathan Farrugia
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fr. Jonathan Farrugia u Anthony M. Brincat

Ritratt - Fr Jonathan Farrugia
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017