KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Bro George Micallef

Il-knisja tal-Karmnu
~ San Pawl il-Baħar ~

L-unika knisja li nsibu fit-triq ewlenija ta’ San Pawl il-Baħar li twassal minn tarf għall-ieħor tar-raħal hija ddedikata lil Ommna Marija Santissma tal-Karmnu.  Il-knisja tinsab f’żona msejjħa x-Xagħra tal-Bandieri.  Il-post fejn hi mibnija huwa letteralment tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-bajja ta’ San Pawl fejn, skont it-tradizzjoni, missirijietna laqgħu lill-Appostlu tal-ġnus meta dan innawfraga hawn Malta fis-snin bikrin tal-Knisja.

It-toponomastika tal-lokal

L-isem Xagħra tal-Bandieri jfisser “ix-xagħra fejn kienu jinġabru r-riġmenti”. Bandieri f’dal-każ tista’ tfisser sew “klikka ta’ rġiel li jinġabru flimkien” minn “banda” bit-Taljan, jew inkella tista’ tfisser “bnadar”, jew aħjar “dawk li jerfgħu l-bnadar”.

Ma hemm l-ebda dubju li dawn l-inħawi kienu jintużaw minn żminijiet bikrin ħafna għad-difiża ta’ Malta.  L-aktar bini antik li nsibu hawn huwa torri msejjaħ “Ta’ Tabibuha” li għandu partijiet minnu li nbnew fis-seklu XV.  Baqa’ jservi bħala wieħed mit-torrijiet tad-Dejma sakemm ibena’ t-torri ta’ Wignacourt fl-1609.  Iż-żona ta’ wara t-torri ta’ Tabibuha baqgħet tissejjaħ ix-Xagħra tal-Bandieri għax għal xi żmien hemm kienu jinġabru r-riġmenti Maltin tad-Dejma li kienu jgħinu lill-Kavallieri tal-Ordni.  F’dawn l-inħawi kien hemm numru ta’ kmamar imħaffrin taħt l-art li fihom kienu joqgħodu dawn l-irġiel qalbiena waqt il-ħinijiet tal-għassa.  B’xorti ħażina ħafna minn dawn il-kmamar tkissru biex jinbena’ bini ġdid.
 

Ritratt - Roderick Busuttil


L-istorja tal-knisja

Minn meta l-ibħra ma baqgħux ta’ theddida minħabba l-furbani, San Pawl il-Baħar sar lok fejn in-nies tat-tajjeb kienu jmorru jqattgħu l-btajjel tas-sajf.  Fl-inħawi tax-Xagħra tal-Bandieri kien hemm id-dar tal-villeġġjatura tal-familja Amato Gauci, u kienu dawn li talbu permess biex tinbena knisja ċkejkna f’dawn l-inħawi biex jiġu moqdija l-obbligi spiritwali tal-familji li kienu joqgħodu hemm.  Barra minn hekk dil-familja tat-b’xejn l-art li fuqha kellha tinbena l-kappella.  Dwar dan, manuskritt mhux datat fl-arkivju parrokkjali jgħid “… la costruzione della quale venne fatta a spese di alcune pie persone e per contribuzione degli abitanti del luogo, concedendo gratis, il sito la rispettabile famiglia Amato Gauci”.

Dak iż-żmien San Pawl il-Baħar kien għadu jaqa’ taħt il-limiti parrokkjali tan-Naxxar.  Wara li ingħata l-permess meħtieġ mill-kappillan tan-Naxxar u mill-Kurja djoċesana, intagħażel il-perit Dr Emanuel De’ Baroni Gauci biex iħażżeż il-pjanta.  Oriġinarjament kienet iżgħar milli narawha llum.

Din il-knisja taf il-bidu tagħha nhar is-16 ta’ Awissu 1854, eżattament xahar wara l-festa liturġika tal-Madonna tal-Karmnu.  Il-bini dam sejjer biss sitt xhur; fil-fatt fl-10 ta’ Frar 1855 kienet lesta u f’Mejju ta’ sena wara tbierket.  L-ispejjeż għall-bini tħallsu kollha minn xi “nies sewwa” u mill-kontribuzzjonijiet tan-nies li kienu joqgħodu hemm.  Diversi snin wara li San Pawl il-Baħar sar parroċa awtonoma fl-1905, din il-kappella għaddiet f’idejn il-patrijiet Franġiskani Konventwali li għadhom jieħdu ħsiebha sal-lum.

Il-knisja titkabbar

Fil-binja ma kienetx differenti wisq minn knejjes żgħar oħra li mdorrijin naraw fil-kampanja.  Kellha forma kwadra, b’altar wieħed, iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu, faċċata tal-bieb.  Fuq in-naħa ta’ wara tagħha inbniet ukoll sagristija biex fiha jintrefgħu il-paramenti liturġiċi. 

Ir-rettur tal-knisja fis-snin Għoxrin tas-seklu Għoxrin kien Dun Santin d’Amico Depiro. Sa dan iż-żmien il-knisja kienet għadha mhix filjali tal-Parroċċa minkejja li San Pawl il-Baħar kien ilu li sar parroċċa għal aktar minn għoxrin sena. Konxju mill-fatt li n-numru tan-nies li kienu jmorru jisimgħu l-quddies f’din il-knisja kien qiegħed dejjem jikber, Dun Santin ħaseb biex ikabbar xi ftit il-knisja biex tkun tesa’ aktar nies.  Għalhekk bejn l-1924 u l-1927 saru x-xogħolijiet meħtiġa, skond il-pjanta tal-perit Edward Borg Cardona.  L-ewwel ma tkabbret kienet is-sagristija, u fuqha nbniet kamra biex tkun għad-dispożizzjoni ta’ min ikun rettur.  Imbagħad saru l-alterazzjonijiet fil-knisja nfisha - dawn kienu jikkonsistu f’li titwal għal kważi d-doppju li kienet qabel.  Fuq il-bieb prinċipali nbniet gallarija għall-orgni u taħt din inbiet kamra li aktar tard, fl-1977, ġiet adattata biex saret konfessjonarju.  Barra minn hekk, fl-1930 is-sur Ġużeppi Bonnici ħadem kanċell tal-ferro battuto għall-entrata tal-knisja.  B’hekk il-knsija ħadet il-forma li għandha llum.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja għandha arkitettura sempliċi ħafna, f’forma rettangolari minn barra u minn ġewwa.  Fuq nett f’nofs il-faċċata, minn barra, hemm kampnar żgħir b’qanpiena waħda li tiżen madwar żewġt iqnatar u li nxtrat mid-ditta Baricozzi ta’ Milan. Ittellgħet f’postha nhar is-6 ta’ Lulju 1927 u ħadet post waħda eqdem u iżgħar li tpoġġiet fuq il-bejt fuq in-naħa ta’ wara tal-knsjia.  Din il-qanpiena l-ġdida wkoll inxtrat fi żmien ir-rettur Dun Santin d’Amico De Piro.  Taħt il-kampnar hemm tieqa kbira li tagħti għal ġol-galllarija tal-orgni. 
 

Ritratt - Anthony M Brincat


Kif tidħol ġewwa l-ewwel ħaġa li tolqot l-għajn hija bla dubju ta’ xejn il-pittura titulari li tirrappreżenta lill-Madonna tal-Karmnu.  Marija tidher f’nofs il-kwadru bil-Bambin f’ħoġorha.  F’idha l-leminija qegħdha żżomm il-labtu.  Dan il-kwadru mpitter b’żebgħa taż-żejt kien ġie rregalat mill-kavallier il-Markiż Filippu Ġakbu Cassar Desain.  Ismu u l-emblema ta’ familtu jidhru fuq in-naħa t’isfel tal-kwadru.  Mhux magħruf jekk il-kwadru kkummissjonahx hu apposta għall-knisja jew inkella jekk kienx tiegħu qabel u rregalah lill-knisja biex isebbaħha.  L-altar li jinsab taħt dan il-kwadru huwa tal-irħam u kien sar wara li l-knisja tlestiet mill-bini, fl-1856.  Quddiemu naraw altar-mejda tal-injam li sar fl-1974 minn patri Bastjan Scicluna biex jimxi mar-riformi mitluba mill-Konċilju Vatikan II.

Fuq in-naħa tax-xellug tal-presbiterju hemm kwadru żgħir tal-Madonna ta’ Pompeii.  In-numru ta’ xemgħat u ex voto li għandu madwaru juru li jgawdi ċerta devozzjoni min-nies li jiffrekwentaw din il-knisja.

Jekk inkomplu mexjin ‘l isfel insibu żewġ niċeċ kbar b’żewġ statwi tal-kartapesta fihom.  Waħda hija ta’ San Ġużepp u l-oħra ta’ San Franġisku Saverju.  Dawn iż-żewġ statwi nġiebu minn Marsilja minn dun Santin fis-snin fil-bidu tas-seklu għoxrin, wara li tkabbret il-knisja bit-tħabrik tiegħu.  Ironikamet ma nsibux statwa li tirrappreżenta l-Madonna tal-Karmnu!

Fl-1979 saru s-sett tal-bankijiet li għadhom jgħammru l-knisja sal-lum.  Dawn inħadmu mill-injam tal-parana.  Fl-istess sena, fil-25 ta’ Ottubru kien hemm maltempata kbira li għamlet xi ħsarat fil-garigor li jagħti għall-bejt, fis-saqaf tas-sagristija u fiz-zuntier.  Dawn ġew irranġati mill-ħaddiema tal-gvern.  Fl-istess żmien sar restawr fil-knisja minn ġewwa biex tieħu mill-ġdid dehra nadifa u sabiħa.  Dan l-aħħar saret għamara ġdida għas-sagristija biex ikunu jistgħu jintrefgħu aħjar l-affarijiet li jintużaw għal-liturġija.

Ta’ kull sena f’dil-knisja ssir il-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-ġurnata liturġika tagħha, jiġifieri fis-16 ta’ Lulju.  L-altar jintrama b’sett ta’ tnax-il gandlier tar-ram li nxtraw għall-okkażjoni fl-1963, kif ukoll b’xi fjuretti.  Il-festa tibda bi tlett ijiem ta’ tridu, imbagħad isir l-għasar lejlietha u nharha kif ukoll quddiesa kantata solenni nhar il-festa.  Dil-festa hija meqjusa minn ħafna nies tal-lokal bħala t-tħejjija għall-festa titulari tal-parroċċa, il-Madonna tad-Duluri, li ssir madwar ħmistax-il ġurnata wara, fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju.

Tliet dokumenti

Żewġ dokumenti misjuba jitfgħu ftit aktar dawl fuq l-istorja tagħha.  Barra minn hekk fis-sagristija hemm ukoll kwadru żgħir b’dokument ieħor fih.

L-ewwel dokument huwa talba li kien għamel il-kappillan patri Beneditt Ġużeppi Cauchi biex il-knisja tal-Karmnu ssir filjali tal-Parroċċa tal-Madonna tad-Duluri.  B’xorti ħażin dan id-dokument mhux datat.

Milli jidher, għalkemm il-knisja tad-Duluri saret parroċċa fid-9 ta’ April 1905 b’digriet tal-isqof Pietru Pace, il-knsija tal-Karmnu, li waqgħet fil-limiti parrokkjali l-ġodda, xorta waħda baqgħet filjali tal-Parroċċa tan-Naxxar.  B’hekk il-qassis rettur tal-knsija kien jintagħżel mill-kappillan tan-Naxxar.  Dan is-saċerdot kien ikollu permess iqaddes fil-Ħdud u fil-festi kkmandati; ma seta’ jagħmel ebda laqgħa jew funzjoni reliġjuża oħra fil-knisja mingħajr il-permess tal-kappillan.  Barra minn hekk kien obligat li jagħti lill-kappillan l-offerti li kienu jagħmlu l-fidili waqt il-quddies.  Il-ħlas tar-rettur, li kien jissejjaħ ‘Viċendarju’, kien jinġabar minn persuna li tagħmel il-ġabra minn fost il-poplu.  Id-dokument li semmejna jgħid “Lo stipendio ossia l’elemosina della S. Messa che veniva offerta al Sacerdote, il quale si chiamava Vicendario, veniva raccolta dalla popolazione mediante una speciale persona destinata ad hoc.”

Ir-raġuni għalfejn patri Beneditt Ġużeppi Cauchi għamel it-talba biex dil-knisja ssir filjali tal-Parroċċa tad-Duluri kienet li f’daqqa waħda dil-knisja ntelqet u ma kienx qed isir quddies fiha.  L-aħħar rettur imqabbad mill-kappillan tan-Naxxar biex jieħu ħsieb il-knisja tal-Karmnu kien dun Salvatore Camilleri, mill-Mosta.  Dan qeda’ dmirijietu bħala rettur għal ċertu żmien, imbagħad għal xi raġuni mhux magħrufa għalaq il-knisja, ta l-imfietaħ lil waħda mara xiħa li kienet toqgħod viċin u telaq.  Naturalment in-nies tal-inħawi bdew igergru għax ma baqgħetx issir quddies fiha.  Il-manuskritt ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar x’setgħet kienet ir-raġuni għalfejn dun Salvatore telaq.  Kullma jgħid hu “per questione di mero interesse”.

Erba’ xhur wara li dun Salvatore telaq, il-kappillan Cauchi talab permess lill-Kurja biex il-knisja taqa’ f’idejn il-patrijiet tal-parroċċa u b’hekk jibdew jieħdu ħsiebha u jqadssu fiha huma.  Hu ġab tliet raġunijiet għalfejn il-knisja kellha tingħata lill-patrijiet u dawn kienu: minħabba t-tgergir tan-nies; minħabba li l-imfietaħ kienu f’idejn persuna inadatta; u minħabba li l-kappillan tal-post seta’ jagħmel użu utli minnha.

Id-dokument l-ieħor jidher li b’xi mod jew ieħor il-knsija tal-Madonna tal-Karmnu m’għaddietx f’idejn il-patrijiet skont it-talba tal-kappillan.  Jista’ jagħti l-każ li l-Kurja ħatret hi stess qassis biex jieħu ħsieb il-kappella.  Dan it-tieni dokument iġib id-data tad-19 ta’ Jannar 1930.  Fih il-kummissarju ġenerali tal-Franġiskani Konventwali patri Feliċ Romolo M. Carta OFM Conv talab mill-ġdid biex il-knisja tiġi fdata b’mod stabbli f’idejn il-kappillan tal-Parroċċa, li tiegħu wkoll kienet l-uffiċċjatura. Id-dokument jgħid “... che la sunominata Chiesa Filiale della Ssma. V. del Carmine venga dall’Ecc. V. Rev.ma affidata in forma stabile al Parroco Regolare del luogo, cui anche ex jure appartiene l’ufficiatura.

Ir-raġunijiet li jagħti patri Feliċ din id-darba kienu li r-rettur tagħha, dun Santin, li kien ħadem u ħabrek ħafna biex il-knisja kabbarha u sebbaħha, kien miet f’Lulju tal-1929; għax il-knisja kienet utli għall-patrijiet; u għax il-knisja ma kienetx qed tkun uffiċċjata b’mod regolari.  Din id-darba t-talba ġiet milqugħa u l-permess ingħata, eżattament fit-8 ta’ Frar 1930 u minn dak iż-żmien ‘il hawn il-knisja baqgħet dejjem f’idejn il-patrijiet.

Qabel ħarġet definitivament il-permess, il-Kurja talbet lill-kappillan ta’ San Pawl il-Baħar biex jagħtiha inventarju tal-affarijiet li kien fiha.  Minn dan l-inventarju jidher li din il-knsija ma kienet nieqsa minn xejn.  Fost il-paramenti li jissemmew hemm ħmistax-il pjaneta tad-damask ta’ kull kulur meħtieġ għal-liturġija (abjad, aħmar, vjola, aħdar, iswed u ċelesti) u waħda bajda tal-brukkat li kienet tintuża fil-festa; żewġ kapep u velumerali tad-damask abjad; dalmatika u tunċella tad-damask abjad; żewġ kanupewijiet tad-damask abjad; ħames sopra-dvalji u ħdax-il dvalja għall-artal; tliet kopri-pissidi, wieħed minnhom irrakkmat; żewġ kamżi bil-bizzilla komuni; żewġ missali u wieħed għall-mejtin; żewġ pari ta’ karti-glorja, wieħed tal-injam u l-ieħor tal-metall; ċensier u navetta arġentati; żewġ pissidi u żewġ kalċijiet arġentati; lampier arġentat; kaxxa żgħira tal-fidda biex iżżomm l-ostji; qanpiena tal-bronż u oħra tar-ram; sebgħa u għoxrin gandlier tal-injam arġentati; ostensorju tal-injam arġentat; erba’ pari impulluzzi; u erbgħin ex voto tal-fidda fost ħafna affarijiet żgħar oħra. L-inventarju jġib fuqu d-data tal-10 ta’ Marzu 1930 u huwa ffirmat minn patri Antonio Formosa Kerr (Kappillan), patri Francesco M. Vella u patri Gerardo Levanzin.    Jidher ċar illi r-retturi ta’ din il-knisja qatt ma baqgħu lura milli jakkwistaw u jixtru kull ma kien meħtieġ!

It-tielet dokumet jinsab ġo kwadru żgħir fis-sagristija tal-knisja.  Dan huwa l-eqdem wieħed fost it-tlett dokumenti li semmejna.  B’xorti ħażina dan kellu jiġi mitni fi tnejn biex seta’ jitpoġġa fil-kwadru u għalhekk nofs il-kitba hija mgħottija.  Apparti minn dan jidher li kien inkiteb b’xi inka aċiduża għax f’xi postijiet ittieklet il-karta u kien diffiċċli ħafna biex jinqara. Kien fih diversi kitbiet.  Dak iż-żmien kienet id-drawwa li meta xi ħadd jagħmel rikors jikteb it-talba tiegħu fuq karta u jibgħatha l-Kurja.  Hemm tittieħed nota meta waslet u tintbagħat Ruma.  Wara li kienet tiġi diskussa t-talba fir-rikors, id-deċiżjoni li kienet tittieħed kienet tinkiteb fuq l-istess karta u tintbagħat lura minn fejn tkun ġiet.  Meta mill-ġdid tasal il-Kurja kienu jerġgħu jiktbu fuqha d-data ta’ meta rċevewha u jibgħatuha lura lil min ikun bgħatha.  Ġieli jilħqu jgħaddu x-xhur u s-snin sakemm min ikun għamel ir-rikors isir jaf jekk ingħatax il-permess li jkun talab jew le!

Dan ir-rikors li qed nitkellmu fuq sar mill-koppja Francesco Grech Delicata u martu Orsola nee Theuma Carboletti li talbu lill-Papa Piju IX biex iwaqqfu Via Crucis fil-knisja tal-Karmnu.  Huma ppreżentaw din it-talba fl-1855, ftit xhur biss wara li tlestiet mill-bini.

Mid-dati li hemm fuqha jidher illi waslet Ruma fit-12 ta’ Awissu 1855 u li l-permess ingħata fit-23 tal-istess xahar.  Jidher ukoll li l-Via Crucis iżżejjnet b’ indulġenza li ngħatat nhar is-6 ta’ Mejju 1857.

Għeluq

Tiskanta kemm kellha tgħaddi minn intriċċi u permessi daqxejn ta’ knisja bħal din!  Iżda dan kollu juri aktar biċ-ċar l-imħabba li kellhom in-nies ta’ dawn l-inħawi lejn din il-knisja, u kemm aktar kellhom għal qalbhom id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu li lilha hi ddedikata.  Il-fatt li n-nies ilmentaw kull meta dil-knisja ingħalqet għax ġie nieqes ir-rettur tagħha, juri biċ-ċar li għalihom dil-knisja tfisser ħafna aktar minn sempliċi lok fejn imorru jisimgħu l-quddiesa.  Għal xi raġuni jew oħra, li ssib għeruqha fi storja ta’ mija u ħamsin sena, in-nies tax-Xagħra tal-Bandieri rabtu qalbhom ma’ din il-knisja u ma jridu jibdluha ma xejn.

Kitba ta’ Rev.  Jonathan Farrugia (Ħajr lill-kappillan patri Joseph Xerri OFM Conv u lis-sinjorina Carmela Bonnici)
Ritratti ta’ Roderick Busuttil, Rayden Mizzi, Bro. George Micallef u Anthony M. Brincat

Ritratt - Bro George Micallef
Ritratt - Roderick Busuttil
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Rayden Mizzi
Ritratt - Bro George Micallef
Ritratt - Rayden Mizzi                Ritratt - Rayden Mizzi

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017