KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia

San Leonardu ta’ Wied Liemu
~ limiti tar-Rabat ~

F’parti mill-kampanja li tinsab madwar ir-Rabat ta’ Malta, insibu post imsejjaħ "ix-Xagħra ta’ San Leonardu" . F’dan il-post insibu xenarju mill-isbaħ u ħafna art fertili u agrikola. Wieħed mill-eqdem bini li nsibu f’dawn l-inħawi hija il-knisja tal-Lunzjata u naqra ta’ kunvent ċkejken magħha.

Taħt din il-knisja, insibu għar li kien iservi bħala knisja antika ddedikata lil San Leonardu.  Din il-knisja hija għalhekk knisja trogloditika u tmur lura għaż-żmien tal-medjuevu tardiv, qabel ma l-knisja ta’ fuqha tal-Kunzjata kienet inbniet.

Il-bidu

Id-data preċiża ta' meta ġew il-patrijiet Karmelitani f'Malta mhix magħrufa. Nafu iżda li fil-5 ta' Ġunju tal-1418 sar testment minn mara nobbli ta' nisel Spanjol, jisimha Margarita d'Aragona de Peregrino, li ħalliet knisja tal-kampanja ddedikata lill-Annunzjazzjoni flimkien mal-kunvent ta' magħha fl-inħawi ta' San Leonardu fil-limiti tal-Rabat tal-Imdina, biex tintuża minn xi ordni reliġjuż bl-obbligu li l-membri tiegħu jgħidu kuljum l-Uffiċċju Divin fil-knisja msemmija.  Ta’ min jgħid li Donna Margarita ma ħallietx din l-art speċifikament lill-Patrijiet Karmelitani iżda ħallietha lil xi ordni ta’ Patrijiet Mendikanti, li dawk iż-żminijiet bdew jiġu f’Malta, u li riedu jużawha b’dan il-mod.


Ritratt - Fr Joanthan Farrugia



Donna Mrgarita kienet il-mara ta’ Giacomo de Peregrino li kien imlaħħaq bħala l-“Kaptan ta’ Malta” mir-Re ta’ Sqallija nnifsu.  Dan kellu ambizzjonijiet politiċi tant li daħal fi nkiewt u djun u kellu jiġi r-Re Frederiku IV innifsu f’Malta biex iħoll il-kobba nkwiet li kien daħal fiha.  De Peregrino reġa’ waqa’ fl-inkwiet ieħor simili u fl-1372 kellu jerġa’ jiġi r-Re innifsu biex isolvi-problemi.  Din id-darba jidher li de Peregrino anke offra xi reżistenza lir-Re u inagħlaq fil-Castrum Maris fil-Birgu..  Iżda s-saħħa politika u l-ambizzjonijiet tiegħu issa kienu spiċċaw fix-xejn u kien intbagħat ‘il himm minn Malta eżiljat..

Madankollu, il-propjetą li kellu baqgħet tgawdiha l-mara tiegħu Donna Margarita u għalhekk setgħet tagħti dawn l-artijiet lil xi ordni mendikanti fl-aħħar testment tagħha tal-1418.  Barra l-art f’Wied Liemu, il-Karmelitani inagħtaw il-palazz fejn kien joqgħod de Peregrino fl-Imdina.  Fejn illum insibu l-knisja tal-Karmelitani u il-kunvent togħhom  jista’ possibilment kien is-sit tal-palazz ta’ de Peregrino.

Għar ta’ San Leonardu

Fil-viċinazi tal-knisja tal-Luzjata, insibu l-għar ta’ San Leonardu, li minnu ħareġ l-isem ta’ dawn l-inħawi.  Dan l-għar, forma ta’ kappella antika ħafna, kien ukoll tħalla lill-Karmelitani.

Il-knisja troglodidika ta' San Anard ta' Wied Liemu hija ppreservata tajjeb.  Il-kittieb Sqalli Rocco Pirri, fl-1638 ħallielna kitba ta' għidut qadim li kien jgħid li komunitą ta' eremiti kienu jgħammru fl-għerien tal-inħawi u li kienu jitaqgħu biex jitolbu flimkien f'din il-knisja troglodidika.

Din il-knisja, li tmur lura lejn il-bidu tas-seklu tlettax, sarulha tibdiliet u alterazzjonijiet lejn il-bidu tas-seklu ħmistax meta s-sit ingħata lill-komunita ta' patrijiet Karmelitani.  Fost iż-żidiet li jispikkaw kien hemm il-bini tal-apside f'forma tonda ċilindrikali.  Mill-banda l-oħra, il-bankijiet tal-ġebel imnaqqxa fil-ħajt ("dikkiena") probabilment kienu jagħmlu parti mill-knisja oriġinali.

Bħalma nafu, San Anard ma kienx qaddis Sikulo Normann (kien minn Limoges, fi Franza) iżda kellu kult qawwi fi Sqallija fi żmien in-Normanni.  Huwa l-qaddis protettur ta’ dawk li kienu jaqgħu fil-jasar. Għalhekk lil dan il-qaddis narawħ iżomm f’idejħ katina li tissimboliżża l-ħelsien mill-jasar.  
 
Din il-knisja troglodidika fiha fdalijiet ta' pittura ta' San Leonardu li jidher li saret fis-seklu ħmistax jew aktar tard.  Minkejja dan, jista' jkun li din il-pittura kienet saret flok oħra ta' stil Sikulo-Bizantin bħalma kien ġara fi bnadi oħrajn bħalma ngħidu aħna fil-knisja trogloditika ta' Sant'Agata.  Mhux l-ewwel darba li naraw pitturi li jkunu saru fil-medju vu tardiv li iżda jkunu kopji kważi fidili ta’ oħrajn qabilhom u għalhekk ta’ stil aktar antik  Dan juri kemm kultant hu diffiċli biex tiddata ħwejjeġ tal-arti skont l-istil biss aktar u aktar meta ma jkun hemm l-ebda dokumentazjoni.

Din il-knisja trogloditika hija mfassla f’għamla ta’ nofs tond u fuq kull naħa hemm daħliet imħaffrin fil-ġnub tal-għar.  Għandha wkoll id-dikkiena maqtugħun fil-blat.

Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Fr. Jonathan Farrugia u Caroline Busuttil

Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr  Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017