KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Darren Zerafa

Il-knisja tas-Salvatur
~ Qrendi ~

Fil-Qrendi hemm għadd ta’ kappelli żgħar bi storja kbira fihom.  Fil-qalba tar-raħal, fi Triq iż-Żurrieq, hemm knisja żgħira ddedikata lis-Salvatur.  Il-kappella għandha storja antika li tmur lura almenu sal-1575, meta il-monsinjur Dusina isemmiha għall-ewwel darba meta għamel iż-Żjara Pastorali tiegħu fil-Qrendi.

Oriġini

Dusina żar il-Qrendi fid-9 ta’ Frar 1575 meta f’dak iż-żmien fil-Qrendi kien hemm biss 83 dar.  Il-knisja tas-Salvatur kienet l-ewwel waħda li żar.  Il-knisja ma kellha xejn għajr l-altar.  Lanqas kellha dħul u għalhekk lanqas kellha rettur.  Madankollu, ċertu Vincentius Aquilina, li kellu biċċa art fil-viċin magħrufa bħala “Il-Calcarti” (Horatio Vella jagħti l-isem ta’ din l-art bħala “Il-Qortin”) kien kultant iħallas biex isiru quddiesa u l-kant tal-vespri nhar il-festa.
 

Ritratt - Carmelo Zammit Pulo


L-isqof Baldassere Cagliares żar din il-kappella fl-1618 li qal li kellha altar tal-ġebel, qanpiena u ċimiterju.  Il-knisja kienet imbajda bi spejjes tan-nies tal-inħawi.  Cagliares iddeskriviha bħala “sabiħa u mżejna”.  Il-knisja sabha bejn wieħed u ieħor l-istess meta reġa’ żarha fl-1621.  Żied jgħid, iżda, li l-festa kienet qed tiġi ċċelebrata fuq biċċa art ta’ ċertu Blasius Camilleri magħrufa bħala “Ta’ Testa” ħdejn “San Nikola” fl-inħawi ta’ Sjieq.  Jista’ jkun li din l-għalqa kienet ħdejn il-knisja ta’ San Nikola li llum tagħmel mas-Siġġiewi u li dak iż-żmien kienet tagħmel mal-Qrendi.

Dan Blasius kellu l-obbligu li jħallas għal quddiesa u l-primi vespri nhar il-festa (tat-Trasfigurazzjoni), kif ikoll li jixgħel il-lampier matul is-sena.  Dan insibuh fl-atti notarili ddatati 30 ta’ Lulju 1619 tan-nutar John Simon De Lucia.  Dan l-obbligu kellu jintiret mill-familja ta’ Camilleri li mid-dehra kellhom ċerta irbit ma’ din il-knisja.   Blasius intalab ukoll biex jagħmel xi vireg tal-ħadid u ċappetti mat-twejqa żgħira li kien hemm fiha.

Meta l-isqof Balaguer żar din il-knisja fl-1636, hu sabha bħalma kien sabha l-isqof Calgiares sbatax-il sena qabel.   F’Viżta Pastorali fl-1656-1659, l-isqof Balaguer jirreferi għall-knisja tas-“Santissimu Salvatur”  bħala “waħda li għadha kemm inbniet minflok oħra”.  Dan jindikalna li l-knisja li konna qed nitkellmu fuqha s’issa kienet waħda aktarx ta’ stil medjevali, bħal dik ta’ San Mattew tal-Maqluba (iż-żgħira). 

Il-knisja tinbena mill-ġdid

Il-knisja l-ġdida li żar l-isqof Balaguer f’din iż-żjara partikolari kienet inbniet fl-1658 minn Beneditto Camilleri, ħu Blasius.  Kuntrarju għal dik ta’ qabilha, din il-knisja ma kelliex ċimiterju anness magħha.  L-għalqa “Ta’ Testa” issa kienet waqgħet f’idejn dun Gialanton Camilleri li mid-dehra kien ħa ukoll il-piżijiet marbutin mal-kappella fuqu.  Iżda kollox reġa’ waqa’ fuq spallejn Blasius fis-sena 1656.  Dan dun Gialanton Camilleri aktar tard sar l-Arċipriet tal-knisja Matriċi ta’ Għawdex (dak iż-żmien Malta u Għawdex kienu djoċesi waħda).  Dan il-qassis ħalla kemxa ġmielha ta’ flus biex ikunu jistgħu isiru l-quddiesa u l-vespri nhar il-festa tas-Salvatur.  Il-benefiċjari ta’ din il-kappella kellhom ikunu dixxendenti tiegħu li jkunu saru saċerdoti jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-aktar saċerdot anzjan tal-Qrendi.

Il-knisja l-ġdida li bena Benedetto nafu kif kienet f’dak iż-żmien miż-żjarat tal-isqof Molina (1679) u l-isqof Cocco Palmieri (1686).  It-tnejn qalu li l-knisja kellha tlett bibien, b’dak prinċipali jħares lejn il-Punent.  Il-knisja kellha altar wieħed u fuqu kien hemm pittura.  Din il-pittura kienet turi it-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu.  Din il-pittura probabilment ma kinetx l-istess waħda li kien hemm fil-knisja l-antika għax dik kienet deskritta mill-isqof Balaguer fl-1636 li kien qal li turi lis-“Santissimu Salvatur”.  L-isqof Labini kien ta indulġenza ta’ erbgħin jum lil kull min jgħid “il-Missierna” quddiem din il-pittura (tat-Trasfigurazzjoni).  Fil-viżta tal-isqof Cocco Palmieri (1708-1710), naraw li l-knisja kellha qanpiena waħda kbira tal-bronż fuq il-bieb, li għadha hemm sal-lum, kif ukoll armarju fejn kienu jinħażnu l-paramenti sagri.  L-armarju kien jinqafel b’vireg tal-ħadid u ċavetta.

Fl-1686 l-isqof Cocco Palmieri reġa’ semma’ l-festa iżda ma jsemmix min kien responsabbli għaliha u lanqas ta’ min kienet l-għalqa Ta’ Testa dak iż-żmien iżda dawn l-obbligi jinsabu miktuba f’att notarili tal-10 ta’ Lulju 1659 tan-nutar John Simon De Lucia.   Cocco Palmieri jgħid li kienet ukoll issir quddiesa darbtejn f’xahar għall-erwieħ tas-saċerdoti mejtin dun Gammari Camilleri u dun Fabius Camilleri.  Il-quddies għal dan tal-aħħar kellha ssir għal mitt sena bejn l-1676 u l-1775.  Dawn iż-żewġ quddisiet baqgħu jissemmew f’għadd ta’ rapporti ta’ Żjarat Pastorali matul dawn is-snin.   Fl-1774 l-isqof Pellerano semma’ s-saċerdot “Anton Camilleri” iżda dan mhux dak li semmejna aktar ‘il fuq għax dan kien issemma’ aktar minn mitt sena qabel.  F’din iż-żjara ta’ Pellerano, naraw li ma kienx hemm bidliet fil-knisja – kien għad kella t-tlett bibien u pittura fuq l-altar.

Il-knisja minn barra

Il-knisja li naraw illum hija tipika tal-knejjes żgħar Barokki tal-epoka.  Tidħol għaliha b’ħames tarġiet u għandha l-bieb prinċipali f’nofs il-faċċata.  Fuqu hemm it-tieqa tonda (l-“oculos”).  Iż-żewġ twieqi rettangolari, waħda fuq kull naħa tal-bieb, saru aktar tard fl-1876 meta skien ar xi tibdil żgħir fil-knisja.  Din id-data tidher bi prominenza fuq kull tieqa.  Taħt kull tieqa hemm ċangun żgħir tal-ġebel biex wieħed seta’ jinvista għarkobtejh anke meta l-knisja tkun magħluqa.

Il-bieb huwa mmudellat fuq xi tempju klassiku Grieg.  Fuq kull naħa hemm pilastru stil Doriku li fuqhom iserraħ pediment segmentali maqsum.  Fuq nett, fiċ-ċentru hemm il-kampnar li probabilment hu dak li kien semma’ l-isqof Cocco Palmieri fl-1709.  Fuq il-kampnar hemm salib żgħir.  Fil-kantunieri tal-kappella hemm żewġ urni tal-ġebel f’forma ta’ fjamma, li possibilment saru meta kienu saru l-bidliet li diġ semmejna fis-seklu dsatax.

Fil-ġnub tal-knisja hemm xi mwieżeb li l-użu tagħhom hu biex imexxu l-ilma tax-xita ‘l bogħod mill-ħitan.  Fuq il-ħajt ta’ wara hemm xi ċnageg sporġuti ‘l barra mill-ħajt li setgħu kienu jintużaw biex wwieħed jitla’ fuq is-saqaf tal-knisja.  Dawn jibdew minn xi tlett metri ‘l fuq mill-art biex jiskoraġġixxu li wieħed jitla’ fuq is-saqaf tal-knisja għalxejn.

Mit-tlett bibien li semmew l-isqfijiet Cocco Palmieri  u Pellerano, tnejn biss għadhom jintużaw illum jiġifieri il-bieb prinċipali u dak tal-ħajt tal-lemin tal-kappella.  Il-bieb l-ieħor tax-xellug hu mbarrat bil-ġebel għalkemm jidher sew fejn kien.  Minn naħa ta’ ġewwa, dan qed jintuża bħala armarju.

Taħt it-tieqa tal-lemin tal-faċċata hemm xi ġraffiti mnaqqxin fil-ġebel.  It-tinqix juri żewġ bastimenti tal-qlugħ u xi annimal li jidher li qisu żiemel.  Tinqix ta’ dan it-tip kienu jsiru bħala “ex voto” u apparti xi taħżiż riċenti, ma jidhirx li hemm aktar minn dawn il-graffiti.

Il-knisja minn ġewwa

Minn ġewwa, l-knisja hi sempliċi tassew.  Għandha saqaf troll li hu mdawwar bi gwarniċ bejnu u bejn il-ħitan.

Għandha altar wieħed li hu mgħolli mill-preżbiterju b’tarġa waħda.  Il-preżbiterju ukoll huwa mgħolli mill-bqija tal-knisja b’tarġa waħda.  L-altar huwa sempliċi bi ftit li xejn dekorazzjoni.  Billi mhux stil Barokk jista’ jkun li dan tqiegħed hemm meta kienu saru l-bidliet fil-1876.
 

Ritratt - Fr Jonathan Farrugia - Salvatur Qrendi


Fuq il-ħajt tal-faċata minn ġewwa, fuq il-bieb prinċipali hemm gallerija tal-ġebel li hija mdawwra bil-balavostri tal-ġebel u li sserraħ fuq żewġ pari ta’ kolonni ta’ stil Tuskan.  Fuqha hemm minquxa d-data 1876, li tindika meta saret.

Il-knisja għandha żewġ armarjijiet, jiġifieri wieħed aktar milli kellha meta kien żarha l-isqof Cocco Palmieri.  Illum dawn għandhom bibien tal-injam u jaħżnu fihom il-paramenti sagri u ħwejjeġ oħra li jintużaw fil-liturġija.  Wara l-altar hemm niċċa żgħira li fl-antik setgħet serviet bħala tabernaklu.

Fiż-żmien, il-knisja kellha pittura titulari imma llum m’hemm xejn.  Minflok, illum l-altar u s-saqaf huwa mpinġi b’disinn ġeometriku ta’ fjuri u weraq.  Kif indikajna aktar qabel, l-ewwel darba li ssemma’ li kien hemm xi pittura titulari f’din il-knisja kien fl-1636 meta ssemmiet pittura li kienet turi lis-“Santissimu Salvatur”.   Din aktarx inbidlet meta reġgħet inbniet il-knisja fl-1656-1658.  Il-kwadru li jiddeskrivi l-isqof CoccoPalmieri fl-1686 kien juri it-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu.  Il-pittura l-ġdida kienet turi lil Kristu fuq il-muntanja Tabor m’Alla l-Missier.  Miegħu jidhru Mos u Elija kif ukoll, fuq in-naħa t’isfel, l-Appostli Pietru, Ġwanni u Ġakbu.  Din il-pittura kienet issemiet għall-ewwel darba fl1679 mill-isqof Molina li semmiha mingħajr ma ta dettalji tagħha.  Semmewha wkoll l-isqfijiet Cocco Palmieri fl-1709 u Pellerano fl-1774.  Wara dawn, il-pittura donnu sparixxiet u ħadd ma jaf x’sar minnha.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn qatt ma ssemma’ li kien hemm xi pittura oħra jew xi xogħol tal-arti f’din il-knisja.

Il-pittura ġeometrika li hemm fuq is-saqaf troll u l-altar saru fl-1876 ukoll, liema data hija mpinġija fuq l-arkata li hemm fuq l-altar.  L-altar hu spirat mill-era klassika u miżbugħ b’arkitettura fittiżja fuq il-ħajt.  Il-“kolonni” huma mżejnin b’kaptelli Ioniċi u fuqhom isserraħ “entablatura” u “pediment triangolari” – kollha impittrin u mhux reali.  Fuq kollox hemm salib żgħir impitter fuq il-ġebel.  Dan kollu joħloq immaġini ta’ gwarniċ klassiku li jdawwar il-kurċifiss li hemm f’nofsu.  L-arkata li ddawwar is-saqaf troll ta’ fuq l-artal ukoll hija mpittra u turi speċi ta’ pavaljun ta’ “drapp” aħmar.  Għalkemm din il-pittura kienet ġiet irrestawrata fl-1997, kif turi d-data li hemm impittra fuqha, jidher li diġ ġarrbet xi ħsarat żgħar fin-naħa t’isfel.

Is-saqaf troll hu mpitter b’disinji simettriċi ġeometriċi li għandhom tema florejali li ma tidhirx li għandha xi rabta reliġjuża.  L-istess disinn hu rripetut f’kull taqsima tas-saqaf delinejata mill-arkati tal-ġebel.  Il-pittura tas-saqaf ukoll ġiet irrestawrata fl-1997.

Storja riċenti sal-lum

Fil-bidu tas-sittinijiet tas-seklu għoxrin din il-knisja kienet tintuża bħala sala parrokjali, post fejn isiru laqgħat ta’ talb, sala għat-tagħlim tad-dutrina u anke sala fejn isiru attivitajiet soċjali b’risq il-parroċċa.  Billi ħdejha kien hemm il-venda tal-karozzi tal-linja, in-nies anke kienet tiltaqa’ fuq it-turġien tagħha biex ipaċpċu ftit, l-aktar fix-xhur sħan tas-sajf.

Fl-1997 il-knisja kienet irrestawrata u miġjuba fl-istat kif kienet qabel.  Illum qed isservi bħala kappella sagramentali fejn wieħed ikun jista’ jmur kuljum jitlob u jimmedita quddiem Ġes sagramentat espost għall-adorazzjoni tal-fidili.


Kitba ta’ Noel Ciantar (mibnija fuq kitba bl-ingliż ta’ David Schembri u fuq teżi mhux ippublikata ta’ Marija Fsadni tal-2015 bl-isem “The Filial Churches Of Qrendi: History, Architecture And Works Of Art”)
Ritratti ta’ Darren Zerafa , Fr. Jonathan Farrugia, Carmelo Zammit Pulo u mill-Internet

Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Ritratt - Darren Zerafa
Qrendi - Salvatur

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017