KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Assunta tal-Magħtab
~ Magħtab, limiti tan-Naxxar ~

Knisja oħra li nsibu fil-limiti tan-Naxxar hi dik tal-Assunta li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala l-“Magħtab”. Biex tidhol għaliha mit-triq t’Alla w’Ommu trid tidħol fuq ix-xellug (jekk tiela’ lejn in-Naxxar) u tibqa’ sejjer dejjem sejjer dritt sakemm tasal ħdejha.
 
L-isem u l-bidu

It-tifsira tal-isem Magħtab insibuha diġ fl-aktar ktieb antik tal-istorja ta’ Malta Della Descrittione di Malta tal-Kommendatur Gian Frangisk Abela fl-1647. Huwa jgħid li l-isem ġej mill-art ħażina li meta timxi fuqha kważi tweġġa’ saqajk.  Huwa jgħid ukoll li kien hemm ħafna ġonna, siġar taż-żebbuġ u dwieli f’dawk l-inħawi. Il-Professur Wettinger jagħti l-istess tifsira meta jgħid li jfisser “post perikuluż”, post fejn wieħed jgħejja.  Huwa jagħti l-ewwel referenza għal dan il-post fil-1467.   L-aktar referenza antika għall-knisja nsibuha fl-1542 meta tissemma’ f’kuntratt t’għalqa fil-Magħtab magħrufa bħala Ħnejjel il-knisja tal-Magħtab.   L-ewwel referenza mbagħad fuq il-knisja stess insibuha f’dokument tal-1545 fejn jingħad li l-frott tagħha kien igawdih Don Angelo Cauchi.  Tissemma’ mbagħad fid-dokument storiku tar-rapport tal-Viżta Pastorali tal-monsinjur Pietro Dusina fl-1575. Huwa jgħid li ma kellha dħul xejn, lanqas ma kien hemm xi qassis li jieħu ħsiebha, iżda jgħid li kienet  knisja devota ħafna.  Skont Achille Ferres fid-Descrittione Storica Delle Chiese di Malta din il-knisja kienet waħda mis-santwarji l-aktar devota tal-Madonna  fi żmenijiet antiki.

Ritratt - Caroline Busuttil


Mir-rapporti tal-isqfijiet fil-viżti pastorali tagħhom nibdew nsiru nafu aktar fuq il-knisja. L-isqof Balaguer fl-1636 jgħid li kellha pittura fuq l-altar li kienet f’forma triptika, bil-Madonna fin-nofs, b’San Pawl fin-naħa tal-lemin u San Pietru fuq ix-xellug. F’dawn is-snin kien jieħu ħsieb il-knisja ċertu Duminku Mifsud.  Dan kien jara li jitkanta l-għasar u titqaddes quddiesa letta f’jum  il-festa, kif ukoll li jinxtegħel il-lampier. Dan kien possibbli billi huwa stess u oħrajn kienu ħallew flus biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż.  Mill-vista pastorali tal-istess isqof tal-1653 insiru nafu li l-knisja kienet inbniet mill-ġdid erba’ snin qabel, ftit ‘il bogħod mill-antika, mid-donazzjonijiet tad-devoti (“quattuor ab hinc annis noviter constructa”).  Huwa jgħid ukoll li kellha altar li seta’ jiġi trasportat u li kien mgħotti b’saqaf tat-tiben.  Il-pittura ta’ fuq l-altar kienet fuq it-tila u kienet turi l-Assunzjoni tal-Madonna.  Din il-pittura, li għadha fil-knisja, ġiet attribwita minn Keith Sciberras lil Filippino Dingli, ħu l-magħruf arkitett Tumas Dingli.  Fil-visti pastorali ta’ wara, din il-pittura ġiet interpretata bħala ddedikata lill-Immakulata Kunċezzjoni. Dan kien żball ta’ min kiteb ir-rapport tal-isqof Buenos, żball li ġie rrepetut wara fil-vista tal-isqof Astiria.

Il-leġġenda u l-bini mill-ġdid tal-knisja

Ritratt - Caroline Busuttil      Fuq il-bini mill-ġdid ta’ din il-knisja hemm storja interessanti li jirrakkuntaw l-anzjani. Jingħad li wieħed raġel kien għaddej bil-ħmara tiegħu meta f’daqqa waħda l-bhima ħarbet bit-tifel tiegħu fuq il-karrettun. Hawn hu għamel wegħda li jibni mill-ġdid il-knisja fil-post fejn waqaf il-ħmar mingħajr ma t-tifel  ġralu xejn.  L-aktar ħaġa interessanti iżda huwa l-fatt li fis-sagristija ta’ din il-kappella hemm pittura votiva li turi propju dan.   Imma  din mhix l-unika pittura votiva  li hem fil-knisja.   Hemm oħra li turi saċerdot fis-sodda, bis-Sagrament fuq mejda u fir-rokna tar-ritratt dehra tal-Madonna.  Il-qassis jidher b’idejh miftuħa bħallikieku qed jirrangrazzja lill-Madonna talli ħelsitu mill-mard.

Ritratt - Caroline Busuttil         Skont deskrizzjoni tal-knejjes kollha tar-raħal li tinsab f’wieħed mir-reġistri tal-magħmudijiet miktuba mill-kappillan dun Giacomo Azzopardi fl-1661, il-knisja kienet ‘il bogħod mill-parroċċa żewġ mili. Kienet għadha kemm tinbena mill-ġdid mill-għotjiet tad-devoti u kienu jmorru ħafna nies fiha. Kienet twila erba’ canne u wiesgħa tnejn u żewġ palmi u għolja tlett canne.   Kellu jinxtiel fiha il-lampier kull nhar ta’ Sibt, kellu jitkanta l-għasar u quddiesa letta fil-ġranet ta’ festa. Kellha wkoll l-obbligu li jitqaddsu sitt quddisiet letti kull sena fil-festi tal-Madonna, dan skont digriet tal-isqof fl-aħħar vista li kienet saret fl-1659 mill-isqof Balaguer.  Dan il-fatt kien turija ta’ kemm kienet santwarju devot tal-Madonna. Dan il-quddies kien isir fit-2 ta’ Frar - festa tal-Purifikazzjoni; fil-25 ta’ Marzu - il-Lunzjata; fit-2 ta’ Lulju - il-Visitazzjoni; fl-Assunzjoni; fit-8 ta’ Settembru - Il-Twelid tal-Madonna; fit-22 ta’ Novembru - il-Preżentazzjoni; u fit-8 ta’ Diċembru - il-Kunċizzjoni.  Interessanti wkoll li l-kapillan jikteb li dawk li kienu jiġu mfittxija mill-ġustizzja qatt ma kienu daħlu f’din il-knisja biex fiha isibu kenn.  Jista’jkun għax din kienet knisja devota ħafna.

Il-kappillan Azzopardi jgħidilna wkoll li bħala dħul il-knisja kellha żewġ skudi  fis-sena minn ħlas ta’ ċnus u skud ieħor minn beni stabbli. Kienet qed tiġi amministrata minn prokuraturi.  Waħda minn dawn il-biċċiet art kienet in-naħa tal-Għaqba u kienet mogħtija b’ċens lil ċertu Matteolo Habejer.  Kien jidher għalhekk li issa l-knisja kienet qed tiġi ddotata minn diversi persuni u kellha dħul regolari. Fi żmien il-vista tal-isqof Molina (1680) kien jieħu ħsieb il-knisja ċertu Paolo Mifsud.

L-isqof Davide Cocco Palmieri fl-1699 innota li kienet għadha kemm twaħħlet qanpiena oħra biex tindaqq fil-ħin tal-quddiesa u ssejjaħ lin-nies tal-viċin.  Jidher li issa il-knisja kienet fornuta tajjeb u ma kien jonqosha xejn. Fil-vista pastorali tal-1744 l-isqof Alpheran de Bussan jgħid li sabha miżmuma tajjeb ħafna, kellha salib tal-ġebel fuq in-naħa ta’ fuq u taħt l-arkata żewġ qniepen. Quddiem il-knisja kien hemm bħal fetħa mdawwra b’ċint. Dan hu xi ftit jew wisq kif għadha sal-lum.

F’dawn is-snin x’aktarx li diġ kien qed jieħu ħsieb din il-knisja Giovanni Fava. Dan il-prokuratur jidher li ried ikompli jsebbaħha. Ħafna snin qabel kien irregala lill-knisja pittura ta’ Kristu Irxoxt. Din għadha fl-istess post li kienet f’dawk is-snin u fuqha jidher il-kliem Dono Di Gio Maria Fava Nel 1733, rigal ta’ Giovanni Maria Fava fl-1733.   Milli jidher iżda dan ma kienx l-uniku tiżjin ġdid. Fl-1771 l-isqof Pellerano jikteb li fuq l-iskannel tal-altar kien hemm statwa tal-Madonna tal-irħam u kull naħa tal-altar kien hemm f’waħda pittura tal-Madonna ma’ Santa Teresa u fl-oħra San Pawl. Huwa innota wkoll il-pittura ta’ Kristu Irxoxt.

Mill-1755 laħaq prokuratur wara Giovanni Maria Fava, dun Carolo Schembri. Mill-kotba tal-kontijiet li kien iżomm dan il-prokuratur u naturalment dawk ta’ warajh nsiru nafu ħafna aktar fuq din il-knisja. Qabel ma kienet tasal il-festa, il-binja kienet ta’ kull sena tiġi mbajda (“per biancheggiare la chiesa” u aktar ‘l isfel “piu a Mro Dom. Doneo per un giorno e mezzo di travaglio nel biancheggiare la chiesa”). Fil-festa mbagħad kien jitkanta Primi Vespri u quddiesa kantata bil-paniġierku. Għal dawk kollha li kienu jieħdu sehem kien hemm il-ħlas: il-kantanti, iċ-ċelebrant u l-qassis li jagħmel il-paniġierku, li ħafna drabi kien ikun il-kappillan tar-raħal.

Kien jitqassam ukoll “mondello di nucelli”. Din kienet ideja oħra tal-prokuratur Giov. Maria Fava. F’kuntratt tat-18 ta’ Marzu 1753, fl-atti tan-nutar Michelangelo Darmanin, huwa kien ħalla  għalqa f’Tal-Għaqba magħrufa bħala ta’ Żargiuna li kienet  mogħtija b’ċens ta’ 7 skudi fis-sena, marbuta bl-obbligu li l-prokuraturi jagħmlu l-festa kull sena. Dan kellu jsir bil-kant tal-għasar u quddiesa kantata bil-paniġierku. Kellu jinxtegħel il-lampier kull nhar ta’ Sibt u Ħadd kif ukoll  kellhom jitqaddsu tlett quddisiet fis-sena, fl-Għid il-Kbir, nhar Lapsi, u fil-Pentekoste u għal mitt sena titqaddes quddiesa oħra nhar  San Bert. Un mondello e mezzo di  nocille kellu jitqassam  lill-poplu lejlet il-festa.  Żewġ tari kellhom imorru għal min jieħu ħsieb il-knisja u dak li jibqa’ jmur għall-knisja stess bħala donazzjoni.

Kienet issir ukoll mixegħla.  B’kollox kienu jintefqu  ‘il fuq minn 8 skudi.  Bħala eżemju, fil-festa tal-1755 intefqu 8 skudi 11-il tari u 12-il gran.  Ftit snin biss wara kienu bdew ukoll il-ħruq tas-suffarelli. Fis-sena 1759 kienu ħarqu 19-il sufarell li kienu swewlhom 2 tari.  Iżda jidher li s-sena ta’ wara tant kienet intgħoġbot l-ideja li in-nefqa telgħet għal skud u 4 tari! 

Ritratt - Caroline Busuttil


Dħul varju tal-knisja

F’dawn is-snin il-knisja kellha dħul minn beni stabbli ta’ bejn 8 u 9 skudi fis-sena.  Barra l-għalqa f’Tal-Għaqba li semmejna qabel, kellha żewġ ġonna, wieħed, iż-żgħir, kien fl-ispazju ta’ quddiem il-knisja stess u kien fih siġar tat-tin; l-ieħor, il-kbir, kien ukoll ġnien tat-tin qrib il-knisja. Minn żmien għal żmien. il-prokuraturi tal-knisja kienu wkoll isellfu xi flus u b’hekk kellhom dħul minn kapital ukoll.  Diġ fl-1660 Giacomo Camilleri mill-Għargħur kien issellef 5 skudi li fuqhom kien iħallas 6 tari fis-sena.  Fl-1728 Giuseppe Mula mill-Għargħur ukoll issellef 15-il skud u kien iħallas 9 tari fis-sena. Fis-sena 1733 Clement Mifsud issellef 21 skud għal ħlas ta’ 11-il tari u 7 grani fis-sena. Sitt snin wara Gamri Muscat issellef 25 skud li fuqhom kellu jħallas skud u 10 grani.  Fl-1740 Giuseppi Catania min-Naxxar kellu jagħti skud u 3 tari fuq self ta’ 32 skud u 6 tari. U sentejn wara  Battista Mula mill-Għargħur kellu jagħti 3 tari u 12-il gran fuq kapital ta’ 6 skudi. B’hekk il-flus kienu qed iħaddmuhom tajjeb.

B’dan id-dħul setgħu wkoll ikomplu jirranġaw il-knisja.  F’Marzu tal-1759 il-prokuratur kien għadda 20 skud lill-prokuratur tal-Veneranda Lampada tan-Naxxar għall-ispiża tal-iskannel tal-irħam. Dan skont digriet li kien ħareġ l-isqof Bartolomeo Rull.  F’Novembru 1759 tħallsu sitt skudi lil dun Vincens Galea għal żewġ qniepen li kienu tbiddlu. Fl-1762 tħallsu 9 skudi u 8 tari biex jiġu indurati l-kalċi u l-patena. Fis-sena ta’ wara ġie rranġat il-missal għal spiża ta’ skud u 3 tari.
 
Meta mbagħad saru l-qniepen ġodda fil-knisja parrokkjali, il-prokuratur l-ewwel għadda s-somma ta’ 14-il skud u 6 tari u wara għadda lil dun Mikiel Decelis, il-prokuratur tal-Veneranda Lampada, is-somma ta’ 62 skud. Dan ukoll kien qed isir wara digriet tal-isqof Labini tal-25 ta’ Lulju 1781, biex il-knejjes filjali jgħinu fl-ispiża. Dan il-ħruġ ta’ flus seta’ jsir għaliex kien hemm minn fejn.  Skont il-kontijiet tal-prokuratur Carlo Grech (1772-1778) il-knisja tal-Madonna tal-Magħtab kellha beni stabbli ta’ valur ta’ 1772 skudi 2 tari u 6 grani; kapital ta’ 84 skud u 6 tari; numru ta’ persuni kellhom jagħtu 116-il  skud 10 tari u 11-il gran; flus kontanti kellu 24 skud 4 tari u 19-il gran.  Dan kollu kien jagħmel lill-knisja waħda komda ħafna. Kienu forsi s-snin tad-deheb tagħha.  Imbagħad reġa’ bejn l-1781-83 u mill-1785 baqa’ jieħu ħsiebha huwa (Carlo Grech) sal-1800. Għalhekk wieħed jista’ jgħid li kien hu il-promutur ewlieni tal-knisja għal kważi ħamsin sena !
 

Naxxar_Knisja-Filjali_Santa_Marija_li_tinsab_fl-inhawi_tal-Maghtab_141


Deskrizzjoni arkitettonika

Din il-knisja għandha faċċata sempliċi għall-aħħar mingħajr l-ebda tiżjin partikolari. Il-faċċata hija lixxa u fuq il-bieb insibu tieqa żgħira tonda li fil-ħġieġ tagħha insibu xbieha ta’ ħamiema b’werqa taż-żebbuġ f’ħalqha, is-simbolu tal-paċi. Il-kampnar żgħir ta’ forma kemmxejn oriġinali jkompli mal-faċċata u fuqu nsibu salib tal-ġebel imdawwar b’żewġ  piramidi żgħar, waħda fuq kull naħa. Fit-truf tal-faċċata nsibu wkoll żewġ piramidi oħrajn forma ta’ boċċa. Fil-kampnar insibu qanpiena żgħira li tindaqq meta tkun ħierġa xi quddiesa. Il-knisja għandha wkoll kamra żgħira fuq in-naħa tax-xellug tagħha li sservi bħala sagristija żgħira. Fil-ġenb tal-knisja naraw ukoll xi mwieżeb tal-ilma. Il-knisja għandha zuntier żgħir li trid titla’ għalih permezz ta’ ħames tarġiet.

Minn ġewwa il-knisja għandha altar wieħed tal-ġebel u quddiemu nsibu altar mejda. Il-kwadru titular juri lill-Madonna mtella’ s-sema, mdawwra bl-anġli u bil-Missier Etern fil-parti ta’ fuq tal-kwadru. Dan il-kwadru hu ta’ Filippino Dingli.  Maġenb il-kwadru titulari, insibu żewġ kwadri oħra, wieħed kull naħa tiegħu. Dak tax-xellug juri lil San Pawl wara n-nawfraġju bil-lifa mdendla m’idu fost l-għaġeb ta’ dak ta’ madwaru. Fil-kwadru tan-naħa l-oħra naraw lill-Madonna flimkien ma’ żewġ qaddisin, San Ġużepp u Santa Tereża.  Fil-knisja nsibu wkoll pittura ta’ Kristu Rxoxt li fin-naħa t’isfel tagħha hemm miktub “Dono di Gio. Maria Fava nel 1733” biex ifakkar li din kienet irregalata minn dan il-benefattur. Fil-fatt fil-knisja nsibu wkoll pittura ta’ dan il-beneffatur innifsu.  Insibu wkoll salib tal-injam bis-simboli tal-passjoni u sett kwadri tal-Via Sagra.  Il-knisja għandha saqaf troll. Interessanti wkoll li fis-sagristija nsibu li kwadri tal-wegħda jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala kwadri ex voto.  Wieħed minnhom, kif diġ semmejna, jirreferi għall-leġġenda marbuta mal-bini ta’ din il-knisja.

Il-knisja llum

Din il-knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u għadu jsir fiha quddies.

Kitba ta’ Paul Catania; Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Roderick Busuttil
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Carmelo Vella  u mill-Internet (Arkivji Nazzjonali)

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil                    IMG_8652
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Carmelo Vella

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017