KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja ta’ San Nikola
~ Ħal Għargħur ~

Minkejja li r-raħal ta’ Ħal Għargħur hu meqjus bħala ċkejken, fih insibu diversi knejjes u kappelli li wħud minnhom imorru lura ħafna fiż-żmien. Fost dawn insibu dik li hi ddedikata lil San Nikola li tinsab int u sejjer lejn il-knisja parrokkjali ta’ San Bartilmew ftit ‘il fuq mill-knisja ta’ San Ġwann il-Battista.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

L-ewwel referenza li nsibu għal din il-knisja hi fl-atti taż-żjara pastorali li għamel monsinjur Dusina fl-1575 fi żmien fejn Ħal Għargħur kien għadu jagħmel parti mill-parroċċa tan-Naxxar. Dusina kien sab lil din il-knisja fi stat ħażin ħafna. Saħansitra kellha s-saqaf imġarraf u ħadd ma kien qed jieħu ħsiebha. Għal din ir-raġuni Dusina kien ipprofanaha u kien ordna li l-ġebel tagħha jiġi użat fil-bini tal-knisja tan-Naxxar.
 
Minkejja dan jidher li l-knisja kienet reġgħat inbniet malajr għax l-isqof Cagliares, fiż-żjara tiegħu tal-1615, kien sabha fi stat tajjeb. F’dawn l-atti taż-żjara tal-isqof Cagliares jissemma’ li fil-knisja kien hemm xbieha tal-qaddis magħmula ġdida, terha, alba rrigata, paviment tajjeb u lampier quddiem l-altar li kien jinxtegħel mill-ġbir tad-devoti ta’ dan il-qaddis. Il-knisja kellha ċens bollali li kienet rebħet minn kawża li kellha mal-knisja ta' San Ġwann Battista. Dak iż-żmien ċertu Marku Agius kien obbligat jagħti sitt irbgħajja fis-sena biex jinxtegħel il-lampier, jagħmlu l-ewwel għasar u quddiesa fil-festa.

Iktar informazzjoni fuq din il-knisja nistgħu insibuh fl-atti taż-żjara tal-isqof Pontremoli (Mons. Pietro Francesco Pontremoli, Vigarju Ġenerali tal-Isqof Cubelles) li kien għamel f’Ħal Għargħur fl-1634. Fiha jissemma’ li fil-knisja kien hemm pittura fuq it-tila li turi lil San Nikola Isqof. Dak iż-żmien il-prokuratur tagħha kien Dun Pietru Ġwanni Grech. Jissemma’ wkoll li l-knisja kienet tgawdi mill-immunità ekklesjastika u li kellha kapital ta’ ħdax–il onċja u 15–il tari. Ta’ ineteress hi wkoll nota li ħalla l-istess isqof Pontremoli fl-atti taż-żjara tiegħu, fejn isemmi li quddiem il-bieb ta’ din il-knisja li jħares lejn il-punent kien hemm ċimiterju żgħir. Hu kien ordna li ssir lapida dwar dan man-naħa tax-xellug tad-dħul tal-knisja.

Fatt kemmxejn kurjuż fuq din il-knisja insibuh fl-atti taż-żjara tal-isqof Molina tal-1680, fejn jissemma’ li l-knisja kienet reġgħet inbniet fl-istess sena taż-żjara tiegħu. Imma l-atti taż-żjarat tal-isqfijiet Cagliares u Pontremoli li diġà rreferejna għalihom iktar ‘il fuq juru li l-knisja kienet diġà nbniet u tinsab f’kundizzjoni tajba sa mill-inqas fl-1615.

L-atti taż-żjarat tal-isqfijiet Astiria u Alpheran de Bussan fl-1673 u fl-1744 rispettivament, ikomplu jagħtu informazzjoni fuq il-persuni li kienu jieħdu hsiebha u li kellhom l-obbligu li jorganizzaw il-festa fiha. L-isqof de Bussan ikompli jżid li l-knisja kienet tinsab fi stat tajjeb ħafna u jgħid li ta’ kull 6 ta’ Diċembru, il-jum tal-festa liturġika ta’ San Nikola, fil-knisja kienet tiġi ċċelebrata l-festa li kienet tinkludi wkoll il-primi vespri u quddiesa kantata mid-dħul ta’ 30 onċja li din il-knisja kienet taqsam ma’ dik ta’ San Ġwann fl-istess raħal.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja ta’ San Nikola għalkemm mhux kbira fid-daqs hi ddekorata sabiħ ħafna fis-sempliċità tagħha. Għandha saqaf troll li hu l-istil li kien jiġi użat f’kappelli li nbnew fis-seklu 17. Is-saqaf hu maqsum b’erba’ kustilji tal-ġebel li jserrħu fuq gwarniċ sempliċi tal-ġebel li jdawwar il-knisja.  Għandha altar wieħed li hu mżejjen b’ventartal tad-drapp.  L-altar, li hu elevat b’żewġ tarġiet ‘il fuq mill-bqija tal-knisja, għandhu żewġ bankijiet tal-ġebel jikkumplimentawħ, wieħed fuq kull naħa, imwaħħlin mal-ħajt fuq il-ġnub tal-knisja. 
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kwadru titulari, li juri lil San Nikola f’qagħda monumentali, jidher li sar f’nofs is-seklu 17 u hu attribwit lil Gaspare Formica, artist minn Piacenza fl-Italja li għal xi żmien kien ġie jgħix f’pajjiżna. Il-kwadru juri lil San Nikola li f’id waħda għandu l-baklu tal-Isqof u fl-oħra jidher qed ibierek lill-fidili.  L-isfond juri xenarju naturali li joħroġ tajjeb ħafna l-personalità ta' San Nikola. Dan il-kwadru bit-tempera kien sofra ħafna bix-xemx u l-umdità, Din il-pittura ta’ San Nikola kienet ġiet irrestawrata fl-1985 minn Alfred Briffa u issa tinsab fis-sala tal-knisja parrokkjali tal-Għargħur. Il-prospettiva li ddawwar lil dan il-kwadru titulari hi dekorattiva ħafna u sabiħa wkoll.

Il-faċċata tal-knisja hi wkoll eleganti għalkemm sempliċi ħafna fl-istess ħin. Il-bieb ewlieni tal-knisja hu mdawwar b’żewġ pilastri u fuqu nsibu gwarniċa tal-ġebel. Fuq il-bieb insibu tieqa mdaqqsa li tagħti d-dawl lill-knisja.  Fuq din it-tieqa hemm pediment triangulari u fuqu hemm salib żgħir tal-ġebel. F’dan il-pediment insibu żewġ imwieżeb tal-ilma, wieħed fuq kull naħa. Dawn l-imwieżeb, li ssoltu nsibuhom fil-ġenb tal-knejjes, jinsabu fuq il-faċċata f’din il-knisja għax il-knisja għandha l-bini jmiss magħha fuq kull naħa.  Din il-knisja għandha wkoll zuntier żgħir.

Il-knisja illum

Għal xi żmien din il-knisja kienet tintuża biex fiha jinżammu l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira li f’Ħadd il-Palm jinħarġu proċessjonalment mill-knisja parrokkjali. Iżda wara li l-knisja kienet ġiet rinovata fl-2005, illum saret sagramentali. Illum tkun miftuħa għal ħafna ħin matul il-gurnata fejn wieħed ikun jista’ jagħmel viżta lil Ġesù Sagramentat.

Kitba ta’ Roderick Busuttil meħuda minn kitba ta’ Francis Pace fil-ktieb “Il-Gargur – In-nies u l-knejjes tiegħu”  li kien ġie ppublikat mill-Kunsill Lokali tal-istess lokal fis-sena 2000.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com