KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta’ S. Ġwann il-Battista
~ Ħal Għargħur ~

Ritratt - Noel   Ciantar

Fir-raħal ċkejken ta’ Ħal Għargħur insibu numru sabiħ ta’ kappelli u knejjes żgħar, imma forsi l-aktar waħda storikament importanti, hi dik iddedikata lil San Ġwann il-Battista għax hi antika ħafna. Din il-knisja tinsab int u dieħel Ħal Għargħur biswit iċ-ċimiterju tal-istess lokal.

Oriġini

Jidher li din il-knisja hi waħda mill-eqdem knejjes li nbnew f’pajjiżna. Jingħad li din kienet inbniet bejn l-1223 u l-1225 minn persuni li kienu ġew minn Celano, illum fil-provinċja tal-Aquila, fir-reġjun tal-Abruzzo fl-Italja.  Dawn kienu ħaduha kontra ir-Re Federiku II u ġew eżiljati minn pajjiżhom u ntbagħtu jgħixu fi Sqallija u f’Malta. Taħt Federiku II, Malta kienet qed tiġi gvernata direttament bħala fewdu minn Eneriku “Pescatore”, Konti ta’ Malta li oriġinarjament kien minn Ġenova u li skont Abulafia, ismu propju kien Erico jew Arrigo de Castro jew de Castello.
 

Ritratt - Noel   Ciantar


Kien f’dan iż-żmien li l-influenza u kultura Għarbija Musulmana bdiet tmur lura u tinbidel f’waħda Latina u Kristjana għax bejn is-suldati stazzjonati hawn u bejn l-influss ta’ Sqallin, inkluż xi nobbli u Taljani,  Malta reġgħet bdiet issir Nisranija.  Il-fatt li din il-knisja ġiet iddedikata lil San Ġwann il-Battista minn dawn il-persuni hu minħabba li f’belthom kien hemm devozzjoni qawwija lejn dan il-qaddis u saħansitra kien hemm knisja ddedikata lilu.

L-istoriku Achille Ferres fil-ktieb tiegħu “Descrizzione Storica delle Chiese di Malta e Gozo” tal-1866 isemmi li din il-knisja hi waħda mill-aktar antiki li nsibu f’pajjiżna u jsemmi li kienet inbniet wara li Malta kienet meħlusa mill-Għarab. Ferres isemmi wkoll li hemm tradizzjoni li tgħid li fiċ-ċimiterju li hemm biswit din il-knisja, li skont l-istoriku Faure kien inbena fl-istess żmien tal-knisja, kien ġie midfun Isqof li kien miet bil-pesta fuq il-baħar u l-kadavru tiegħu kien inġieb hemm minn San Pawl il-Baħar. Ferres jgħid li biex jindika dan fiċ-ċimiterju fuq wieħed mill-oqbra kien hemm impinġija mitra biex tfakkar il-memorja ta’ dan l-Isqof.

Iż-żjara ta’ monsinjur Dusina

Iktar informazzjoni fuq din il-knisja antika nsibuħ fl-atti taż-żjara ta’ Monsinjur Dusina tal-1575 fejn hu jsemmi li din kienet l-eqdem knisja tar-raħal.  Hu jsemmi wkoll li fil-festa ta’ San Ġwann il-Battista il-kappillan tan-Naxxar kien jagħmel quddiesa u għasar fiha. Dusina jagħti deskrizzjoni ta’ din il-knisja u jgħid li għalkemm kellha altar u bibien tal-injam ma kellhiex rettur u kienet nieqsa minn ħafna affarjiet. Dusina jgħid ukoll li fil-passat din il-knisja kienet isservi ta’ parroċċa (“fuit antiquitatus parroqueia”).  Ta’ min isemmi li fi żmien iż-żjara ta’ Dusina, id-dedika tal-knisja kienet taħt it-titolu tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista.

Il-viżta pastorali tal-1589 tal-isqof Tommaso Gargallo, tagħtina aktar ħjiel dwar l-importanza ta’ din il-knisja fis-snin ta’ qabel..  Meta r-rapport kien qed jiddeskrivi ċ-ċimiterju li kellha l-knisja, jingħad li f’dan iċ-ċimiterju kien hemm ħafna nies li kienu ndifnu hemm meta din il-knisja kienet tissostitwixxi l-parroċċa (tempore quo inserviebat loco parrochiae).  Il-kappillan tan-Naxxar qal li kien jiċċelebra  l-festa ta’ din il-knisja kif kien diġ ssemma fir-rapport ta’ Dusina (ex obligatione quia erat precedens parrochia in memoria predicatae dignitatis).  Dan jista’ jindika li din il-knisja oriġinarjament kienet isservi ta’ parroċċa għal dawn l-inħawi.

Għaxar snin wara, in-nies tal-inħawi kienet qed tgerger li l-kappillan ma kiemx għadu jżomm l-impenji li kien iżomm qabel bħalma kienu l-quddiesa ta’ jumejn wara l-Milied, tal-Għid il-Kbir u tal-Pentekoste.  Kull meta ma setgħax jattendi hu, kien jibgħat sostitut.  Dawn il-piżijiet kienu marbutin ma’ għalqa msejjħa “Tal-Kittien” fl-inħawi ta’ “Wied il-Għabid” u oħra magħrufa bħala “Ta’ San Ġwann” li fuqha kien hemm attwalment il-knisja msemmija.  Il-kappillan kien ukoll ibierek l-oqbra ta’ din il-knisja kull nhar ta’ 2 ta’ Novembru.  Meta l-kappillan waqaf milli jonora dawn l-obbligi kif ukoll minħabba l-istat tal-knisja innifisha u l-altar tagħha, il-viżitatur ta’ din id-darba, li reġa’ kien l-isqof Gargallo, ordna li din il-knisja jitteħdulha d-dħul li kellha minn dawn iż-żewġ għelieqi.  Dun Ġiljan Borg kien ordnat biex jitlaq minn taħt idejħ 50 skud mid-dħul għall-quddies u obbligazzjonijiet li ma kienx iwettaq favur il-knisja parrokjali.  Din is-sentenza tal-isqof Gargallo, li kienet torbot anke lill-werrieta tiegħu, kienet ikkonfermata aktar tard fiż-żjara tal-isqof Cagliares tal-1615 wara li kien hemm talba mill-kappillan tan-Naxxar biex tiġi kkonfermata.

L-isqof Cagliares ukoll kien żar din il-knisja fiż-żjara tiegħu fl-1615 f’din il-knisja. Fl-atti ta’ din iż-żjara jissemma’ li din il-knisja kellha xbieha ta’ San Ġwann.  Kien fiha terħa u anki lampier. Jissemma’ wkoll li l-paviment tal-knisja kien miksi b’lapidi tad-dfin. Dak iż-żmien, kif diġ għidna, kien hemm l-obbligu li f’din il-knisja jiġu ċċelebrati tlett quddisiet nhar il-Milied, fl-Għid il-Kbir u anki fit-Tielet Ħadd tal-Pentekoste. Kien hemm ukoll użanza li nhar il-festa tat-twelid tal-qaddis kien jitkanta l-għasar u ssir quddiesa tal-festa. Cagliares kien talab li l-altar tal-knisja kellu jitkabbar u jsir f’forma aħjar.

L-isqof Pontremoli, il-Vigarju Ġenerali tal-isqof Cubelles, ukoll żar lil din il-knisja fl-1634 u fl-atti tiegħu ukoll isemmi li din il-knisja hi antikissima u hemm tradizzjoni li tgħid li din ukoll serviet bħala parroċċa tan-Naxxar. Isemmi wkoll li l-pittura titulari tagħha kienet turi l-magħmudija ta’ Ġes minn Ġwanni l-Battista fix-xmara Ġordan. Isemmi wkoll li l-knisja kellha introjtu ta’ oncia u erba’ tari fis-sena u li l-prokuratur tagħha kien Joannes Grech. Il-knisja kellha wkoll l-introjtu minn żewġ għelieqi kif kien diġ ssemma fio żjajjar oħrajn.

Iktar informazzjoni fuq din il-knisja nistgħu insibuħ fl-atti tal-viżta pastorali tal-isqof Molina li kien għamel fl-1680. Hawn Molina jerġa’ jsemmi li l-knisja hi l-aktar antika fost il-knejjes kollha tar-raħal imma jgħid li sa ftit snin qabel kienet fi stat ħażin ħafna u li kienet ġiet ipprofanata fl-1659 bl-obbligi tagħha jiġu trasferiti fil-parroċċa bħalma kien ġara darb’oħra qabel fi tmiem is-seklu sittax. Imma Molina jsemmi wkoll li l-knisja kienet reġgħat ġiet mibnija fil-post tal-oħra u jgħid li jispera li ma ddumx ma titlesta. Jissemma’ wkoll li l-pittura titulari tagħha kienet turi wkoll lil Santu Rokku għax fiċ-ċimiterju li jmiss ma’ din il-knisja kienu ġew midfuna l-imsejknin li kienu mietu bl-imxija tal-pesta tal-1591. Hawn ta’ min ifakkar li Santu Rokku hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ dawk li huma morda b’mard infettiv u meta kien ikun hemm xi mxija, id-devozzjoni lejh kienet tikber u dan jikkonfermawħ għadd ta’ kappelli ddedikati lilu li nsibu f’pajjiżna.

Mill-atti taż-żjara tal-isqof Molina jidher biċ-ċar li l-knisja ta’ San Ġwann kienet inbniet mill-ġdid wara li l-qadima kienet tħalliet f’kundizzjoni ħazina u spiċċat biex ġiet ipprofanata. Li mhux ċar hu meta tlesta x-xogħol tal-bini tal-knisja l-ġdida. Mal-bieb prinċipali tagħha tidher id-data tal-21 ta’ Diċembru tal-1675 filwaqt li f’dak laterali insibu d-data tal-1678. Imma l-isqof Molina meta żar lil din il-knisja fl-1680 semma’ li għalkemm il-knisja kienet sabiħa kienet għadha mhux lesta u wera x-xewqa tiegħu li ma ddumx ma titlesta. Għalhekk jidher li l-bini tal-knisja tlesta ftit żmien wara ż-żjara ta’ Molina tal-1680.

Isservi bħala l-ewwel parroċċa ta’ Ħal Għargħur

Din il-knisja wkoll serviet bħala l-knisja parrokkjali ta’ Ħal Għargħur għal xi żmien bejn l-1612 u l-1638 sakemm inbniet il-knisja l-ġdida parrokkjali ddedikata lil San Bartilmew. Ta’ min isemmi wkoll li meta tlestiet il-knisja parrokkjali, apparti li din isservi bħala parroċċa, kienet isservi biex fiha jsir id-dfin. Għalhekk iċ-ċimiterju ta’ maġenb il-knisja ta’ San Ġwann beda jintuża biss fi żmien ta’ xi epidemiji.

Kien biss meta fl-1937, meta l-paviment tal-knisja parrokkjali sar tal-irħam, li d-dfin kien reġa’ beda jsir fiċ-ċimiterju.

Interessanti wkoll li l-kwadru l-antik ta’ San Bartilmew li kien sar mill-pittur Gaspare Formica kien oriġinarjament jinstab f’din il-knisja.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Din il-knisja hi mdaqqsa sew u minn ġewwa hi sabiħa ħafna. Il-knisja għandha altar wieħed li t-titular tiegħu juri l-magħmudija ta’ Ġes minn San Ġwann il-Battista fix-xmara Ġordan. Il-kwadru titulari jinsab fi prospettiva sabiħa ħafna ta’ stil barrokk. Fin-naħa ta’ fuq naraw sopra kwadru li juri lil Madonna mnikkta. Is-saqaf tal-knisja hu troll. Fil-knisja nsibu wkoll sett kwadri tal-Via Sagra li qabel kienu fil-knisja parrokkjali. Insibu wkoll Kurċifiss sabiħ fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja. Il-knisja għandha tlett bibien; il-bieb prinċipali, ieħor fuq ix-xellug li jagħti għaċ-ċimiterju u ieħor għas-sagristija li tmiss mal-knisja.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Il-faċċata ta’ din il-knisja hija wkoll waħda sabiħa.  Il-bieb ewlieni tal-knisja hu mdawwar b’żewġ pilastri ta’ stil Doriku li fuqhom hemm iserraħ pediment triangulari maqsum. Fuq il-bieb imbagħad insibu tieqa rettangolari u fuqha pediment triangulari li jieħu l-wisgħa tal-knisja kollha.  Fil-friż bejn il-gwarniċ tal-bieb u l-pediment triangulari maqsum fuqu hemm dekorazzjoni li tikkonsisti f’għadd ta’ triglifi (“triglyphs” - dekorazzjonijiet vertikali bi tlett elementi weqfin, karatteristiku tal-istil klassiku Doriku).  L-ispazju bejn dawn it-triglifi (l-hekk imsejħa l-metopi - “metopes”) hu vojt u mingħajr l-ebda dekorazzjoni.  Fuq il-lemin tal-bieb prinċipali hemm irħama bajda b’qasma fiha fejn wieħed jista’ jitfa’ l-flus.  L-irħama turi l-kliem fuqha “miseremini mei” li tfisser “ikollok ħniena minni”.

Fuq dan il-bieb hemm kampnar żgħir li fil-parti ta’ fuq tiegħu jidhru fjammi bħala simbolu tal-erwieħ tal-purgatorju.  Il-kampnar innifsu hu iddekorat bi skrolli u fih qanpiena ċkejkna li tindaqq l-iktar waqt xi funeral.  Fil-ġenb tal-knisja nsibu wkoll xi mwieżeb tal-ilma.

Iċ-ċimiterju biswit il-knisja kien ġie mkabbar u rinovat fis-snin sebgħin tas-seklu għoxrin fi żmien il-kappillan dun Manwel Agius.

Il-knisja llum

Il-knisja li ftit snin ilu kienet ġiet rinovata tinsab fi stat tajjeb ħafna u tiftaħ okkażżjonalment, speċjalment fix-xahar ta’ Novembru.


Kitba ta’ Roderick Busuttil meħuda minn kitba ta’ Francis Pace fil-ktieb “Il-Gargur – In-nies u l-Knejjes tiegħu” li kien ġie ppublikat mill-Kunsill Lokali tal-istess lokal fis-sena 2000 kif ukoll minn sorsi oħrajn.
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Anthony M. Brincat, Carmelo Vella u mill-Internet

Ritratt - Carmelo Vella
Ritratt - Noel   Ciantar
Ritratt - Noel   Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Gharghur_Knisja_Filjali_San_Gwann_Battista_141
Gharghur_Knisja_Filjali_San_Gwann_L-Evangelisata_li_qieghda_Bahar_ic-Caghaq_141
Ritratt - Noel   Ciantar
Ritratt - Noel   Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017