KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia

Il-Knisja ta’ San Andrija
~ ta’ Birmieġa, Żurrieq ~

Fuq il-konfini bejn iż-Żurrieq u Ħal Safi, eżatt quddiem il-mitħna tax-Xarolla hemm knisja antika li dan l-aħħar ġie irrestawrata wara li saritilha xi ħsara waqt xi xogħolijiet li kienu qed isiru u kienet qed tissogra li taqa’ u tintilef.

Din hija l-knisja ta’ San Andrija, magħrufa bħala ta’ Birmieġa.  Iċ-ċokon tagħha jixhed li fl-imgħoddi din kienet knisja tal-kampanja – iżda bl-iżvilupp taż-żewġ irħula ta’ Ħal Safi u taż-Żurrieq illum il-ġurnata din tinsab imdawwra bil-bini.

 

Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia



Il-devozzjoni lejn  San Andrija fiż-Żurrieq

Fid-devozzjoni popolari, San Andrija huwa normalment meqjus prinċiparjament bħala l-protettur tas-sajjieda.  Jekk nitilqu minn din il-premessa ma niskantawx li fiż-Żurrieq nibtet ċerta devozzjoni lejh – għax iż-Żurrieq kien u għadu magħruf bħala raħal tas-sajjieda grazzi għall-wied li fih fuq ix-xaqliba ta’ bejn in-Nigret u l-Qrendi.  Li hemm stramb hu li fl-inħawi ta’ Wied iż-Żurrieq u tan-Nigret, l-eqreb post lejn il-baħar li fih kienu joqogħdu n-nies, ma nsibux xbiehat jew knejjes ta’ dan il-qaddis.

Skont ir-reġistri tal-parroċċa taż-Żurrieq, il-parti l-kbira tal-irġiel li kienu joqgħodu n-Nigret kienu sajjieda u għalhekk huwa maħsub li d-devozzjoni lejn dan il-qaddis protettur tagħhom nibtet fosthom.  Biss, għal xi raġuni jew oħra, ix-xhieda tad-devozzjoni lejh tidher fit-tarf l-ieħor tar-raħal: fi knisja ċkejkna ddedikata lilu u fil-preżenza ta’ altar iddedikat lilu fil-knisja arċipretali ta’ Santa Katarina Verġni u Martri.  Fl-imgħoddi kien hemm knisja oħra ċkejkna antika ħafna ddedikata lil San Andrija, li kienet mibnija fl-inħawi ta’ Bubaqra.  Din ġiet desakrata u mwaqqgħa fis-seklu sittax.

Illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li d-devozzjoni lejn dan il-qaddis fiż-Żurrieq spiċċat fix-xejn.  Naturalment għadha ssir il-quddiesa tiegħu nhar il-festa liturġika, u l-altar ikun imżejjen għal din l-okkażjoni.  Barra minn dan iżda, ftit li xejn jiġbed attenzjoni.  B’xorti ħażina, bħalma ġara fil-parroċċi kollha ta’ Malta, meta kibru l-festi titulari u l-oħrajn li għandhom xi partit, id-devozzjonijiet sekondarji mietu u ntesew.  U dan hu li ġara bid-devozzjoni lejn San Andrija f’dan ir-raħal.

Origini

Mhux magħruf wisq dwar din il-knisja, iżda dak li nafu fiċ-ċert hu li hija antika ferm.  Tissemma’ għall-ewwel darba fil-viżta pastorali ta’ Mons. Pietru Dusina, li saret fl-1575.  Viżti pastorali ta’ mitt sena wara jgħidu li reġgħet inbniet minn Toni Zammit fl-1634, li ħalla wkoll xi flus biex jibqa’ jsir il-quddies fiha.  Ma tantx kellha ħajja twila, għax fil-festa ta’ Santa Katarina tal-1658 l-Isoqf Balaguer de Camarasa ipprofanha u għaslhekk kellha ma tibqax tintuża bħala lok ta’ kult.  Jidher iżda li wara xi żmien reġa’ beda jsir il-quddies fiha, u nhar it-30 ta’ Novembru kienet issir quddiesa kantata.  B’sentenza tal-Kurja tat-23 ta’ Otturbu 1690, din il-knisja saret il-proprjetà tal-knisja parrokkjali ta’ Santa Katarina.

Il-kappella minn barra u minn gewwa

Din il-kappella hija sempliċi ħafna u tixbaħ ħafna lill-kappelli li nbnew fis-seklu sittax. Għandha faċċata lixxa mingħajr l-ebda disinn jew arkitettura. Il-binja, tneħħi s-saqaf kemmxejn imżerżaq tagħha, għandha forma kubika mill-aktar sempliċi.  Sempliċi wkoll, iżda proporzjonata ħafna, hija l-faċċata li għandha bieb rettangulari sormontat minn tieqa żgħira rettangulari wkoll. Hemm ukoll kampnar b’salib tal-ġebel fuqu. Il-qanpiena li fl-imgħoddi kienet issejjaħ lin-nies għal xi quddies li seta’ kien isir f’din il-kappella m’għadhiex teżisti. Fil-ġenb jidhru ukoll xi mwieżeb tal-ilma tax-xita.
Minn ġewwa l-kappella hija żgħira imma ħelwa. Għandha altar wieħed tal-ġebel u l-kwadru kien jitqiegħed f’daħla fil-ħajt forma ta’ arkata. Il-pittura li kienet it-titular ta’ din il-knisja llum tinsab għall-wiri fis-sagristija tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq. L-altar hu tarħa għola mill-kumplament tal-kappella.  Il-kappella għandha saqaf tax-xorok li jzommuh arkati ġejjin nofs tond. L-art ta’ din il-kappella hi taċ-ċangatura.

Il-kappella quddiemha għandha zuntier imdaqqas u hi mdawwra b’kanċell tal-ħadid li jnaqqas il-possibilità li xi nies irresponsabbli jagħmlu atti vandali fuq din il-kappella.

 

Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia

 

Il-mitħna tax-Xarolla

Wara l-kappella tidher il-mitħna tax-Xarolla, li kienet ġiet mibnija mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena fl-1724. Fl-1992 din il-mitħna kienet ġiet irrestawrata b’tali mod li tista’ taħdem bħalma kienet tagħmel qabel. Din ġiet mgħoddija lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fis-sena 2000 li sal-lum għadhom jieħdu ħsiebha. Din hi l-unika mitħna tat-tip tagħha f’Malta li għadha taħdem.

Ta’ min isemmi ukoll li maġenb din il-mitħna nsibu ukoll xi oqbra Rumani u Biżantini. Dawn kienu nstabu meta kien qed isir xi tħaffir maġenb il-mitħna biex isir post rikreattiv. Minn studji li kienu saru mill-fuħħar li nstab f’dan il-kumpless jidher li dawn kienu intużaw f’perjodi differenti ta’ żmien li jvarja bejn it-tielet u r-raba’ sena wara Kristu kif ukoll fil-perjodu Biżantin bikri tas-sitt u seba’ seklu wara Kristu.

 Il-kappella tibqa’ tagħmel maż-Żurrieq

Meta ġiet introdotta s-sistema tal-Kunsilli Lokali, inqala’ xi nkwiet dwar ta’ min hi din il-knisja, għax sew il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kif ukoll dak ta’ Ħal Safi rieduha għalihom.  Saret tfittxija fl-arkivji tal-parroċċi rispettivi u tal-Kurja u nstab li kull attività li saret fiha minn dejjem kienet tiġi rreġistrata fil-parroċċa taż-Żurrieq u mhux ta’ Ħal Safi jew tal-matriċi ta’ Bir Miftuħ li minnha ħarġet il-parroċċa ta’ Ħal Safi.  Għalhekk kien ġie deċiż fuq bażi storika li din il-kappella kellha tibqa’ tagħmel uffiċjalment mar-raħal taż-Żurrieq.

Il-kappella llum tinsab fi stat tajjeb ħafna. Jekk wieħed jgħaddi mill-inħawi tagħha fil-għaxija jitgħaxxaq bl-iluminazzjoni li saret biex iddawwal lill-kappella u lill-mitħna tax-Xarolla. Din saret wara li sar ir-restawr fuq il-kappella mit-Taqsima tar-Restawr tal-gvern.

Fil-kappella ma ssir l-ebda quddiesa u tinfetaħ biss rarament għal xi wirjiet kulturali li jsiru fiha.

Kitba ta’  Rev. Jonathan Farrugia
Ritratti ta’ Fr. Jonathan Farrugia u Carmelo Vella
 

Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Carmelo Vella

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017