KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Madre Margerita DeBrincat - mill-Internet

Il-Kappella tal-Karmnu
Tas-Sorijiet Franġiskani
tal-Qalb ta’ Ġesù
~ Nadur, Għawdex ~

Meta nduru madwar l-irħula u l-kampanja Maltija u Għawdxija, insibu għadd ta’ kappelli ħelwin li ħafna minnhom huma antiki ferm.  Uħud minnhom imorru lura għal mijjiet ta’ snin, iżda mhux kollha.  Aktar riċenti rajna wkoll xi kappelli oħrajn jinbtu fil-gżejjer tagħna għalkemm forsi mhux bl-istess frekwenza bħal qabel.  Waħda minn dawn il-kappelli riċenti hija l-kappella tas-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fin-Nadur, Għawdex.

 

Ritratt: Daniel Meilak

 

Is-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesù

Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù jafu l-bidu tagħhom f’Għawdex fl-1880.  Dak iż-żmien, ix-xebba Virginia Debrincat ingħaqdet ma’ grupp żgħir ta’ xebbiet oħrajn li kienu taħt id-direzzjoni spiritwali ta’ Dun Ġużepp Diacono, li kien fasslilhom regola b’kariżma Franġiskana.  Virginia,  li kienet twieldet fir-raħal żgħir ta’ Kerċem fl 1862, ħadet l-isem ta’ Suor Margherita tal-Qalb ta’ Ġesù fl-1881.   Fl-1887 ħadet il-voti perpetwi bħala Madre  Margherita  u bdiet tmexxi l-kongregazzjoni hi.

Il-kongregazzjoni timxi fuq ir-regola tat-Tielet Ordni Franġiskan u hi aggregata mal-patrijiet Franġiskani Minuri.  Fl-1946 saret kongregazzjoni ta’ dritt pontifiċju, jiġifieri kienet ikkonfermata minn Ruma.  Il-Kongregazzjoni għandha djar f’Ghawdex u f’Malta kif ukoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.  Madre Margherita mietet f’Jannar tal-1952 fid-dar tal-Kongregazzjoni tar-Rabat Għawdex.

Is-Sorijiet Franġiskani fin-Nadur

Meta fl-1917 Karmnu Mejlaq, li kien benefattur kbir tal-parroċċa ta' San Pietru u San Pawl fin-Nadur, ried jagħmel opra soċjali ta' ġid.  Dan ħaseb biex jagħti dar li kienet proprjetà tiegħu lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesù. Fil-fatt, l-Isqof ta' Għawdex ta’ dak iż-żmien, Mons. Giovanni Maria Camilleri O.S.A., li minnu kienet tagħmel il-kongregazzjoni tas-sorijiet, ta l-kunsens tiegħu.

Din id-dar, li tinsab f’31 Triq Madre Gemma Camilleri fin-Nadur, malajr tranġat għall-ħtiġijiet tas-sorijiet. Fost il-bidliet li kien jeħtieġ li jsiru biex din id-dar tkun addattata biex tilqa’ s-sorijiet fiha,  ried isir l-ispazju fejn jgħixu s-sorijiet, fejn tiġi mgħallma l-iskola u xi snajja lit-tfal u anke kappella. Id-dar ġiet inawgurata fit-8 ta' Ġunju 1917 stess.

It-titular sa mill-bidu kien tal-Madonna tal-Karmnu, għalkemm kien hemm żmien fejn kienet tissemma’ bħala tal-Immakulata Kunċizzjoni. L-isqof ta' Għawdex Mons. Mikiel Gonzi kellu din il-komunità tas-sorijiet għal qalbu u kemm-il darba nsibuh iżurhom u jqatta' xi ħin magħhom, filwaqt li jqaddes fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu.   Fil-fatt, fuq il-bieb tal-kunvent insibu l-arma tal-Isqof Gonzi imnaqqxa fil-ġebel.

Il-kappella minn ġewwa u minn barra

Il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu infetħet fit-8 ta’ Ġunju tal-1917.  Tinsab fil-binja tad-dar tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesù fin-Nadur. Il-kappella għandha għamla rettangulari.  Għandha altar wieħed li qiegħed maqtugħ mill-bqija tal-kappella fi speċi ta’ apside delineata minn travu kbir tal-ġebel li jistrieħ fuq żewġ kolonni ta’ stil Joniku fuq kull naħa.  Fuq dan it-travu hemm imnaqqxa bi kliem kbir il-kliem indurat bid-deheb u bil-Latin “Regina décor Carmeli”, jiġifieri “Reġina tal-Karmelu”.  L-altar mejda, tal-irħam, qiegħed mgħolli fuq pedestall għoli tarġa.

Fuq in-naħa ta' wara l-altar, minflok is-soltu kwadru titulari,  tinsab l-istatwa titulari tal-Madonna tal-Karmnu li kienet inħadmet f’Bari fl-1964.  Din l-istatwa tbierket fit-22 ta’ Marzu tal-1964 u tinsab f’niċċa żgħira iddekorata b’żewġ pilatri ukoll ta’ stil Joniku li fuqhom iserraħ pediment triangolari maqsum.  F’nofs dan il-pediment hemm l-istemma tal-Madonna mnaqqxa fil-ġebel.

Mal-ġnub tal-kappella hemm 4 statwi ta’ figuri għal qalb is-sorijiet Franġiskani li juru lil San Franġisk t’Assisi, lil San Ġużepp bil-Bambin f’idu, lil Santa Rita u lil Qalb ta’ Ġesù.  Hemm ukoll vara ċkejkna tad-Duluri.  Mal-ħitan hemm sett stampi tal-Via Sagra kif ukoll is-slaleb tal-konsagrazzjoni tal-kappella.  Il-kappella hija mgħammra wkoll b’bankijiet tal-injam.

 

Ritratt: Alessio Sultana

 

L-art tal-kappella hija tal-madum tal-irħam iswed u abjad imqiegħdin b’disinn ta’ djamanti ta’ kuluri iswed u abjad alternati wieħed mal-ieħor.  Dan il-madum tal-irħam sar bħala parti mir-restawr tal-kappella li sar fl-1998 u għalih għamel tajjeb il-poplu tan-Nadur wara li kien sar appell mis-Sorijiet għall-għajnuna fil-bulettin tal-Ħadd tal-parroċċa tan-Nadur.  Ma’ dan ir-restawr, il-kappella kienet ukoll imbajda mill-ġdid, ġiet imġedda l-induratura u anke ġie rranġat il-gwarniċ tan-niċċa tal-Madonna.  Inbidlu wkoll il-bibien ta’ ġewwa tal-kappella kif ukoll ġiet irranġata l-bankina quddiem il-kunvent u l-kappella bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tan-Nadur.

Il-faċċata hija sempliċi iżda d-daħla għall-kappella għandha portiku ċkejken li jserraħ fuq sitt kolonni ta’ stil Joniku u mdawwar b’balavostri sempliċi tal-ġebel.  Fuq il-kolonni sserraħ entablatura sempliċi li terfa’ pediment triangolari.  Fuq il-pediment hemm salib żgħir tal-ġebel.  Dan il-portiku jservi biex jagħti l-indikazzjoni li inti dieħel f’maqdes għax mingħajru, il-faċċata kienet tkun dik ta’ dar komuni.  L-unika ħwejjeġ li jistonaw fil-faċċata huma l-grada u n-noticeboard tal-aluminju imdieheb.  Grada tal-ħadid u noticeboard tal-injam kienu jkunu aktar xierqa.

 

Ritratt: Alessio Sultana


Il-kappella llum

Minkejja li qiegħda fiċ-ċentru tar-raħal tan-Nadur, ftit passi 'l bogħod mill-Bażilika ta' San Pietru u San Pawl, il-kappella hija semi-pubblika, u taqdi l-ħtiġijiet kemm tal-komunità tas-sorijiet u kif u ukoll tal-poplu tan-Nadur. Issir quddiesa kuljum fis-6.30 am li tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku, filwaqt li l-Ħadd ikun hemm quddiesa bl-Ingliż fl-10.15 am għall-Kattoliċi barranin. Ir-Rettur attwali (2014) tal-kappella huwa Mons. Kanonku Salv Pace.

Kitba ta’ Noel Ciantar, mibnija fuq informazzjoni mgħoddija mis-Sur Daniel Meilak u minn kitbiet oħra diversi fir-rivista “Luminarja”.
Ritratti ta’ Alessio Sultana, Daniel Meilak u mill-Internet

Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Alessio Sultana
Ritratt: Daniel Meilak

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017