KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Kappella ta’ Santa Katerina
ta’ Lixandra
~ Imqabba ~

Ritratt: Caroline Busuttil

Għalkemm il-parroċċa tal-Imqabba hija ddedikata lill-Madonna, u jidher ċar li l-imħabba tal-Imqabbin lejn Omm Alla hi hekk kbira tant li l-festi li jsiru b’ċerta pompa fil-knisja parrokkjali tal-Assunta huma kollha ddedikati lilha, xorta waħda jidher li kien hemm devozzjoni partikolari lejn ċerti qaddisin.

Fil-waqt li fl-irħula antiki żgħar, bħalma hu l-Imqabba, is-soltu nsibu numru konsiderevoli ta’ kappelel ddedikati lill-qaddisin li ma jkunux it-titular tal-knisja parrokkjali, f’dan ir-raħal insibu qagħda oħra.  Fiż-żmien meta l-Imqabba kienet se ssir parroċċa awtonoma, insibu li kien hawn tmien kappelel, li minnhom nofshom kienu ddedikati lill-Madonna.  L-erbgħa l-oħra kienu ddedikati lil San Bażilju, San Mikiel, San Pietru u Santa Katarina.  Minn dawn l-erbgħa illum għad baqa’ tlieta għax iż-żewġ kappelel ta’ San Pietru u Santa Katarina ġew integrati f’waħda.  Mill-knejjes l-oħra ddedikati lill-Madonna għadha teżisti biss waħda li kienet iddedikata lill-Assunta u li llum saret tad-Duluri.  Il-kappelel l-oħra ddedikati lill-Maddonna kienu dawk tal-Lunzjata u tal-Assunta (li flokhom inbniet il-knisja parrokkjali li għandna llum) u oħra tal-Viżitazzjoni, li twaqqgħet.  Il-kappella tan-Nazzarenu li hemm maċ-ċimiterju nbniet ħafna snin wara, fil-bidu tas-seklu għoxrin.

Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia


Mela nistgħu ngħidu li fiż-żmien minn qabel ma l-Imqabba saret parroċċa sa żmien aktar qrib tagħna, l-Imqabbin illimitaw id-devozzjonijiet popolari għal tliet qaddisin biss: San Bażilju, San Mikiel u Santa Katarina.  L-aktar kappella ċentrali u mibnija b’ċertu sens ta’ estetika hija dik iddedikata lil Santa Katarina - l-unika kappella li nsibu fil-pjazza tar-raħal. 

Fl-2004, b’inizzjattiva tal-Kunsill Lokali, sar xi xogħol ta’ tiswija u restawr minn barra fuq din il-kappella, u għalhekk bix-xieraq li kulħadd isir jaf xi ħaġa aktar fuq din il-ġawhra ċkejkna fil-qalba tar-raħal. [Nota Editorjali: Għal informazzjoni dwar Santa Katerina ta’ Lixandra u il-kult tagħha, ara l-paġna tagħha f’dan is-sit.  Il-kitba hija wkoll ta’ Dun Jonathan Farrugia, laawtur ta’ dan l-artiklu dwar din il-kappella ddedikata lill-Qaddisa fl-Imqabba].

L-ewwel kappella ta’ Santa Katarina fl-Imqabba

L-Imqabba saret parroċċa taħt il-patroċinju ta’ Marija Assunta fl-1598.  Madanakollu fir-raħal kienet teżisti kappella ddedikata lil Santa Katarina ferm qabel din id-data.  Diffiċli ngħidu fiċ-ċert minnfejn nibtet id-devozzjoni lejn Santa Katarina f’dar-raħal.  Kif ġa għedna, dil-qaddisa kienet waħda fost l-aktar li jgawdu devozzjoni u ma kienetx ħaġa kbira li ssib kappella ddedikata lilha fl-irħula.  Forsi l-fatt li l-Imqabba jinsab qrib ħafna taż-Żurrieq, raħal li sa minn dejjem kellu lil Santa Katarina bħala patruna u protettriċi ewlenija tiegħu, kompla għen biex tixtered id-devozzjoni lejn dil-qaddisa.

Fid-dokumenti taż-żjara pastorali li l-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina għamel lill-knejjes fl-inħawi tal-Imqabba nhar it-8 ta’ Frar 1575, insibu l-ewwel referenza għall-kappella ta’ Santa Katarina.  Din kienet inbniet madwar is-sena 1550 fil-misraħ prinċipali tar-raħal, maġenb kappella oħra ddedikata lil San Pietru.  Nafu li kienet żgħira u li kienet nieqsa minn kollox.  Ir-raġuni għal dan mhix magħrufa, iżda ladarba kienet mibnija f’nofs ir-raħal hemm probabilta’ għolja li xi ornamenti kellha; jista’ jkun li dawn insterqu fi żmien l-assedju tal-1565.  Kellha altar wieħed b’ikona tal-injam turi lill-Madonna, lil Santa Katarina fuq il-lemin u lil San Pietru fuq ix-xellug. Ma kellhiex rettur, iżda ċertu Marjanu Hagius, li kellu għalqa f’Tal-Ħandaq, kien jixegħlilha lampier u jorganizza festa bl-għasar u quddiesa f’ġieħ il-qaddisa f’narha.

Saż-żmien li fih l-Imqabba saret parroċċa, dik l-għalqa f’Tal-Ħandaq kienet bdiet tissejjaħ il-Bur ta’ Santa Katarina, u l-proprjetarju kien sar Andrea Zammit.  Mill-qliegħ tal-għalqa, tnax-il tari’ kellhom imorru għall-manutenzjoni tal-kappella, sabiex din titgħammar bl-affarijiet kollha meħtieġa, biex il-lampier jinxtegħel nhar ta’ Sibt u biex il-festa tkun tista’ tkompli tiġi ċċelebrata bil-quddiesa u bl-għasar kantat.

Meta l-isqof Tumas Gargallo żar ir-raħal fl-1598 biex jelevah għal-livell ta’ parroċċa, sab il-kappella fi stat tajjeb ħafna.  Kulma kien jonqosha kienu l-gandlieri, u dawn inxtraw malajr minn Andrea Zammit. 

Fl-1634 il-kappella ġiet imbajjda mill-ġdid u milli naraw fil-viżta ta’ Pontremoli, kellha altar tal-ġebel, gandlieri tal-injam miżbugħin, salib u ikona ġdida tirrappreżenta lill-Madonna tal-Karmnu flimkien ma’ Santa Katarina u Sant’Andrija.  Pontremoli ordna li titwessa’ t-tarġa tal-altar, iżda mill-bqija ma kienet nieqsa minn xejn.  Ta’ min isemmi wkoll illi fl-1729 din il-kappella tat 100 skud mir-renti tagħha biex isiru s-sedji fil-knisja parrokkjali.

Madanakollu fl-1759 il-knisja kienet qed thedded li taqa’ minħabba ż-żmien li kellha.  Għaldaqstant ingħataw istruzjonijiet sabiex din titwaqqa’ flimkien mal-knisja ta’ maġenbha ddedikata lil San Pietru, u flokhom kellha tinbena’ kappella waħda ddedikata liż-żewġ qaddisin.

Il-kappella li hemm illum

L-ewwel ġebla tal-kappella l-ġdida tqegħdet u tbierket mill-kappillan Dun Mikiel Giocomo Tortella fl-1764.  Taħtha tpoġġew xi relikwi ta’ San Kandidu, Sant’Anjeże u Santa Kolumba flimkien ma’ medaljun bix-xbiehat ta’ San Pietru u San Pawl.  Inbniet minn Ġanni Schembri u għaxar snin wara, nhar l-Għid il-Kbir tal-1774, l-istess kappillan Tortella berikha u kkonsagraha ad unur Santa Katarina u San Pietru.  Wara ċ-ċelebrazzjoni tkanta t-Te Deum b’ringrazzjament.

Ritratt: Noel Ciantar



Din il-kappella tat l-isem lit-triq prinċipali li kienet titlaq mill-pjazza tal-knisja u tagħti għall-Qrendi u għaż-Żurrieq.  Bħala binja hija differenti mill-knejjes l-oħra li jinsabu fl-Imqabba.  Minn barra tidher kwadra, iżda minn ġewwa hija tonda.  Is-saqaf huwa magħmul minn koppla baxxa ta’ stil barokk sempliċi, b’lanterna grazzjuża ħafna.  Maġenb il-koppla hemm kampnar żgħir ta’ stil differenti li, skont il-Professur Mario Buhagiar, probabilment żdied wara. Għandha bieb wieħed, b’tieqa kbira fuqu u b’żewġ twieqi oħra fil-ħatan tal-ġnub. 

Minn ġewwa fiha xi skultura - l-aktar li tispikka hi dik ta’ mal-gwarniċuni tat-twieqi.  Għandha altar wieħed tal-ġebel miżbuh b’disinn irħamat.  Fuqu hemm pittura tal-1776 ta’ pittur mhux magħruf, iżda li tpaxxi l-għajnejn.  Turi ż-żwieġ mistiku ta’ Santa Katarina.  Apparti l-Madonna, il-Bambin u l-qaddisa jidhru ukoll San Ġwann l-Evanġelista fil-parti t’isfel tal-kwadru u persuna mhux magħrufa titlob wara Santa Katarina.  Fin-naħa ta’ fuq tal-kwadru jidher l-Ispirtu s-Santu jitfa’ d-dawl fuq il-qaddisa.  Għalkemm il-knisja ġiet iddedikata lil San Pietru ukoll, dan ma jidhirx fil-kwadru titulari. Fir-rokna tax-xellug fil-parti inferjuri tal-kwadru naraw arma u d-data 1776, flimkien mal-ittri V.F.G.A. (Votum Fecerunt Gratiam Acceperunt - “Għamlu wegħda u l-grazzja laqugħha”).  Minn dawn l-ittri hu magħruf illi l-pittura saret bħala ex-voto minn xi ħadd li qala’ xi grazzja bl-interċessjoni ta’ Santa Katarina.  Ma nafux minn kienet din il-persuna, iżda jista’ jkun illi l-figura mhux magħrufa li hemm titlob wara l-qaddisa turi proprju liha.  Jista’ jkun ukoll li kien xi ħadd jismu Ġwanni ladarba fil-pittura ġie nkluż San Ġwann, imma jista’ jkun ukoll illi dan il-qaddis żdied biex jitfakkar il-bennej tal-knisja Ġanni Schembri.

Il-kwadru titulari huwa mdawwar bi prospettiva kollha skulturata verament sabiħa.  Jispikkaw fiha l-arma ta’ Santa Katarina u tal-Madonna.
Sakemm faqqgħet it-tieni gwerra dinjija din il-kappella kienet għadha tintuża ta’ spiss.  Nhar l-ewwel tas-sena kienet toħroġ purċissjoni penitenzjali mill-knisja parrokkjali u żżur tliet knejjes, fosthom din ta’ Santa Katarina.  Fiha kienet titkanta l-antifona tal-qaddisa.  F’Corpus Christi kienet tingħata l-barka sagramentali minn hemm. 

Meta fl-1912 ġew ikkonsagrati xi altari fil-knisja parrokjali, iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’purċissjoni li telqet mill-knisja ta’ Santa Katarina.  Barra minn hekk ta’ kull sena kienu baqgħu jiġu ċċelebrati fiha l-festi ta’ Santa Katarina u ta’ San Pietru bil-quddiesa u bl-għasar kantat.  Kienet issir ukoll quddiesa fil-festa ta’ San Ġwann Evanġelista.

B’xorti ħażina minn dan kollu llum ma baqa’ jsir xejn.  Fil-gwerra kien intrefa’ xi armar tal-festi fiha minħabba li l-knisja parrokkjali ġġarrfet, u minn dak iż-żmien ‘l hawn baqgħet tintuża għal hekk.  Tinfetaħ biss biex jarawha xi dilettanti tal-kappelel jew studjużi tal-arkitettura; inkella biex jinġibdu xi xeni ta’ serje televiżivi fiha.   Żewġ każi kienu meta nġibdu xi xeni fl-1989 għat-teleserjal tal-PBS Wirt Artna u għal dokumentarju qasir fuq l-Imqabba li ntwera fil-programm Forċina waqt xandira diretta tal-festa titulari ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awissu 2001.

Ritratt: Noel Ciantar


Il-kappella llum

Illum tintuża l-aktar biex jintrefgħu fiha ż-żewġ bradelli tal-vari prinċipali tal-Imqabba, kif ukoll iż-żewġ anġli li jintramaw mas-sepulkru fil-Ġimgħa Mqaddsa.  Fis-sagristija ta’ din il-kappella hemm merfugħa wkoll il-ġilandra l-antika li kienet tintuża fil-Kwaranturi fil-knisja parrokkjali.  Skont tagħrif mgħoddi mis-sur Joe Gauci din il-ġilandra kienet inħadmet mill-iskultur Sciortino u baqgħet tintuża sakemm saret il-ġilandra li għadha tintuża sal-lum, xogħol Abram Gatt tal-1934.  

Hija verament ħasra li ġawhra bħal ma hija din il-kappella qed tintuża biss bħala maħżen.  L-unika darba li reġgħet saret quddiesa fiha kien nhar l-4 ta’ Lulju 2008 meta jien għażilt li niċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħi fiha peress li kont ġejt mgħammed fil-knisja arċipretali ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq.

Fi żmien il-kappillan Dun Willie Vella kien sar xi xogħol ta’ tiswija minn ġewwa f’din il-kappella, grazzi għat-tħeġġiġ ta’ Patri Karm Zammit o.p.  minħabba li kien hemm il-ħsieb li tibda’ tintuża għal xi laqgħat jew adorazzjonijiet.  Fl-2004 l-Kunsill Lokali daħal fi spiża kbira biex jirrestawraha minn barra.  Grazzi għal dax-xogħol li sar fuq medda ta’ snin għal darb’oħra se nkunu nistgħu ingawdu dil-ġawhra li spiss ma naprezzawhiex.  Tajjeb li kieku tinsab xi soluzzjoni biex dil-kappella terġa’ għal darb’oħra tibda tintuża għall-ħtiġijiet spiritwali tal-Imqabbin, biex b’hekk jinżamm ħaj l-għan li għalih kienu bnewha missirijietna.

Kitba: Dun Jonathan Farrugia
Ritratti: Caroline Busuttil, Ft. Jonathan Farrugia, Kenneth Cauchi u Noel Ciantar
 

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Anglu tas-sepulkru li hu merfugh fil-knisja - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt: Caroline Busuttil
Dettal mit-Titular li juri d-data 1776 - Ritratt: Caroline Busuttil
Dettall tat-titular li juri l-kliem VFGA - Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
It-tabernaklu - Ritratt: Fr. Jonathan Farrugia
Ritratt - Kenneth Cauchi
Ritratt Antik tal-knisja ta Santa Katerina - Imqabba

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017