KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Caroline Busuttil

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu
~ Żejtun ~

Fil-belt taż-Żejtun insibu ammont ġmielu ta’ kappelli u knejjes żgħar. Waħda minn dawn tinsab fit-triq ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina. Din il-knisja hija ddedikata lill-Ispirtu s-Santu, dedika mhux tant komuni f’pajjiżna.

Oriġini

Il-knisja tal-Ispirtu s-Santu kif, sa ċertu punt biss, teżisti llum, kienet ġiet mibnija fl-1688, skont il-pjanta tal-arkitett magħruf Lorenzo Gafą. Dan ifssser li din il-knisja fil-qalba taż-Żejtun inbniet erba' snin qabel tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali tal-lum fl-1692. Kien l-istess Lorenzo Gafą li għamel il-pjanta tal-knisja parrokkjali. Għidna kif teżisti llum "biss sa ċertu punt", għaliex mitt sena wara l-bini tagħha kien sar tibdil importanti fl-istruttura ta’ din il-knisja tal-Ispirtu  s-Santu, kif se naraw aktar ‘il quddiem.

 

Ritratt: Caroline Busuttil


It-Testment ta' Giovanni Cassar

Sebgħin sena qabel ma nbniet, jiġifieri fil-21 ta' Novembru 1618, ċertu Giovanni Cassar kien ħalla fit-testment tiegħu biċċa art biex tinbena knisja tal-Ispirtu s-Santu. Dan Cassar kien ħalla wkoll il-fundazzjonijiet li kellhom isiru f’din il-knisja, flimkien ma' legat taż-żwieġ.  Ħalla li kull sena f’din il-knisja ssir festa ta' Għid il-Ħamsin bil-kant tal-Primi u Secondi Vespri, quddiesa kantata u żewġ quddisiet letti. L-istess ħalla għall-festa tas-Santissima Trinitą u għall-ġimgħa tal-mejtin kollha f’Novembru ta' kull sena. Barra minn hekk ried li kull nhar ta' Ħamis matul is-sena kollha ssir quddiesa letta f’din il-knisja.

Cassar ukoll ftakar fix-xbejbiet foqra, għaliex ħalla legat ta' 45 skud biex dawn jingħataw kull sentejn lill-aktar xebba fqira Żejtunija nhar iż-żwieġ tagħha. Din ix-xebba kellha tinagħżel mill-membri tal-Fratellanza tal-Beata Verġni tal-Karitą mwaqqfa fil-knisja parrokkjaii taż-Żejtun. Ma rridux ninsew illi fl-1618 il-knisja parrokkjali ma kenitx dik li nużaw illum, iżda dik li llum insibuha bħala l-knisja "ta' San Girgor".

Il-Pjanta ta' Lorenzo Gafą

Lorenzo Gafą għamel pjanta ta' knisja ċentralizzata, b'tali mod li fiha erba' navati eżattament kollha l-istess, madwar ċentru li fuqu titla' l-koppla.  L-arkitettura tal-knisja, fuq stil barokk, hi tassew mill-isbaħ. Is-soqfa tal-erba' navi huma nofs tond ("troll"), filwaqt li l-koppla ċkejkna u ħelwa, hija sħiħa u mhix maqsuma fi flieli.   Mhux l-ewwel darba li Gafą bena koppli b'dan il-mod. Hekk, bħala eżempju ieħor, nistgħu nsemmu l-koppla tal-knisja parrokkjali tal-Birgu.

Iżda fl-1688, Triq Santa Katarina kienet għadha ma teżistix, filwaqt li t-triq li llum insejħulha Triq San Luċjan, mhux biss kienet miftuħa, iżda wkoll kellha mportanza kbira, għaliex kienet it-triq li tgħaqqad l-inħawi tal-Gwiedi ma' dawk ta' Bisqallin. Fil-fatt fl-imgħoddi kont issib li xi wħud mill-aħjar familji Żwieten, bħall-familja Abela Agius, magħrufa bħala "Ta' Glawdin" u benefatturi kbar tal-knisja kienu joqogħdu f’din it-triq.

Il-Knisja tal-1688

Għalhekk, il-knisja tal-1688 ma kenitx tħares lejn Triq Santa Katarina bħal dik tal-lum, iżda kellha l-faċċata tagħha fi Triq San Luċjan, biswit il-post fejn ħafna snin wara nbniet l-iskola Primarja (“tal-kolonni”). L-istess bħall-knisja parrokkjali, din il-knisja tal-Ispirtu s-Santu ġiet mibnija fuq kripta (li ġieli nsejħulha wkoll kannierja) imħaffra fil-blat. Fil-fatt l-ebda knisja oħra fiż-Żejtun, lanqas dik ta' San Girgor, m'għandha kripta. Is-saqaf ta' din il-kripta hu mibni fuq numru ta' ħnejjiet, li allura fuqhom imbagħad hi mibnija l-art tal-knisja. Din il-knisja kellha wkoll zuntier quddiemha fejn kien isir id-dfin. Fil-fatt fil-purċissjoni li sa ftit snin ilu kienet issir nhar l-Għid tal-imwiet sal-knisja tal-Ispirtu s-Santu, kien dejjem isir it-tberik tal-mejtin. Allura fil-qedem din il-knisja kellha quddiemha wesgħa ġmielha.

Tibdil f’din il-knisja (1788 - 1798)

Bejn is-sena 1788 u s-sena 1798 sar tibdil kbir fil-knisja, fi żmien meta l-prokuratur tagħha kien il-famuż arkitett militari Mikiel Cachia, mexxej taż-Żwieten fil-qawmien kontra l-Franċiżi. Kienet diġą  nfetħet, eżattament mill-wesgħa fejn hemm is-salib (quddiem il-“gate” tal-Iskola Primarja tal-lum) li dari kienet tissejjaħ Piazza Santa Croce, direttament għal quddiem il-knisja parrokkjali preżenti, it-triq ii llum tissejjaħ Triq Santa Katarina. Fil-fatt f’din it-triq il-Gran Mastru Ramon Perellos, li miet fl-1720, kien ilu li bena Casa Perellos biex minnha jkun jista' jara l-Purċissjoni ta' San Girgor.  Għalhekk raw kif għamlu biex il-knisja tal-Ispirtu s-Santu jġibuha tħares bil-maqlub ta' qabel.

Fetħu bieb kbir għal barra, fin-naħa fejn qabel kien hemm l-altar maġġur u lill-knisja bnewlha faċċata sabiħa, fuq stil Barokk, fi Triq Santa Katarina. Fuq dan il-bieb min-naħa ta' ġewwa għamlu l-gallarija tal-orgni u n-naħa l-oħra, fejn dari kien il-bieb ta' barra, qegħdu l-altar maġġur. Ix-xogħol sar b'sengħa kbira, tant li diffiċli ferm biex tinduna bit-tibdii li sar. Ix-xogħol imbagħad waqaf ħesrem f’Mejju tal-1798, wisq probabbli minħabba l-qawmien kontra i-Franċiżi, iżda tkompla wara, u jidher li dam sejjer ġmielu. Hekk l-imgħallem Franġisku Carabott għamel xogħol fil-faċċata tal-knisja fl-1835, meta wkoll l-iskultur Xandru Farrugia ħadem il-kapitelli tal-faċċata.

Fuq in-naħa fejn dari kien hemm iz-zuntier, bnew post li aktar tard beda jissejjaħ Istituto San Giuseppe u li llum qed jintuża mis-Sorijiet "Ulied il-Qalb ta' Ġesł". Fl-1819 dan il-post beda jintuża bħala l-ewwel skola li qatt kien hawn għat-tfal Żwieten. Kien il-Kappillan Dun Bartilmew Sant li ta din id-dar lill-qassis Żejtuni Dun Alwiġ Camilleri biex hu jiftaħ din l-iskola.   F'dan ix-xogħol ta' siwi kbir għall-edukazzjoni tat-tfal, Dun Alwiġ kien megħjun mill-Isqof ta' Malta Ferdinando Mattei u mill-Konslu Spanjol Alberto Megino.

Il-Knisja minn barra

Din il-knisja nbniet fuq pjanta tal-magħruf Lorenzo Gafa' u bdiet tinbena fl-1688. Qabel din is-sena il-faċċata tal-knisja kienet fuq in-naħa l-oħra tat-triq.

L-istil ta' din il-faċċata attwli huwa l-Barokk tipiku ta' Gafa'. Fuq kull naħa tal-bieb jidhru pilastri ggruppati ta' stil Kompost li Gafa' kien iħobb idaħħal fil-faċċati tal-knejjes li ddisinja. Fuqhom hemm entablatura sħiħa u fuq din jidhru żewġ nofsijiet ta' pediment segmentali, li f'nofshom hemm kampnar eleganti ħafna li fih qanpiena waħda.

Iżda forsi l-isbaħ parti ta' din il-faċċata huwa l-bieb li hu mżejjen bi gwarniċa maħduma bil-lavur. Fl-entablatura tiegħu hemm 'cartouche' u żewġ saljaturi jerfgġu arkitrav ukoll maħdum bil-lavur. 'L fuq mill-bieb insibu tieqa ovali mimduda. Ħasra li din il-faċċata tinsab fi triq dejqa, għax il-koppla tal-knisja ma tidhirx minnha.

Knisja tal-Ispirtu s-Santu: Sketch ta' Guzeppi Theuma



Il-Knisja minn ġewwa

Nagħtu issa ħarsa lejn din il-knisja tal-Ispirtu  s-Santu minn ġewwa. L-altar il-maġġur hu ddedikat lill-Miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u l-kwadru prinċipali jidher li hu xogħol tas-seklu 17 jew 18. Juri l-Appostli miġburin jitolbu fiċ-Ċenaklu madwar il-Madonna li qiegħda fin-nofs, filwaqt li nieżel l-Ispirtu  s-Santu fuqhom ilkoll, taħt forma ta' ilsna tan-nar. Fil-għoli fuq il-kwadru tidher ħamiema skolpita fil-ġebeli b'raġġi ħerġin minnha - simbolu tal-Ispirtu s-Santu - u l-kelmiet "Repleti sunt omnes Spiritu Sancto", jiġifieri "Imtlew ilkoll bl-Ispirtu  s-Santu", kwotazzjoni mill-Atti tal-Appostli.

Mal-ġenb tal-kwadru prinċipali jidhru żewġ kwadri żgħar laterali. Wieħed minnhom jirrapreżenta lill-Arkanġlu San Rafel flimkien ma' Tobija.  Tidher ukoll il-ħuta fin-naħa t'isfel tal-kwadru. Fuq in-naħa l-oħra tal-kwadru prinċipali, hemm il-kwadru laterali tal-Appostlu San Ġuda Taddew, li probabilment hu xogħol tal-pittur Rokku Buhagiar.

Fl-1850 ċertu Vincenzo Debattista waqqaf fundazzjoni f’din il-knisja f'ġieħ l-Arkanġlu San Rafel biex issir il-festa tiegħu skont l-Atti tan-Nutar Tommaso Carmelo Scicluna.

 

 

L-altar tal-Madonna tal-Pilar

Il-knisja fiha żewġ altari oħra. Dak tal-lemin hu ddedikat lill-Madonna tal-Pilar. Ma fihx pittura, iżda skultura sabiħa fil-ġebla li tirrapreżenta lill-Madonna fuq il-kolonna (pilar). Hu xogħoi attribwit lill-magħruf skultur Marjamu Gerada (1770 - 1823). Ħaġa tal-iskantament kemm tinħass hawn l-influenza Spanjola. Gerada qatta' żmien twil fi Spanja, fejn saħansitra kien l-iskultur tar-Re.  Diġą tkellimna dwar il-Kavallier Alberto Megino, Konslu ta' Spanja.  Il-Gran Mastru Ramon Perellos, li bena fil-viċin il-palazz tiegħu, kien ukoll Spanjol.  Għalhekk mhux ta' b'xejn dan l-altar lill-Madonna tal-Pilar, li hu titlu tal-Madonna l-aktar imxerred fi Spanja.  Niftakru li kienu l-Kavallieri Spanjoli tal-Ordni ta' San Ġwann li daħħlu din id-devozzjoni f'Malta.

Fl-1887 ċerta Reġina Carnilleri waqqfet għand in-Nutar Lorenzo Cassar il-fundazzjoni tal-Madonna tal-Pilar f’din il-knisja. Il-gwarniċ tal-ġebel tas-sotto-kwadru ma fih l-ebda kwadru ċkejken u ma nafux x'qaddis jew qaddisa fl-antik kien hemm fih.  Iżda quddiemu hemm statwa ċkejkna ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesł. Kien Dun Nazzarenu Curmi, iben is-Sindku taż-Żejtun Dr. Paolo Curmi, li daħħal id-devozzjoni lejn din il-qaddisa fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Hu kien jorganizza festa mill-isbaħ lil din il-qaddisa u jistieden diversi saċerdoti minn barra l-parroċċa. Statwa tal-istess qaddisa tidher fuq barra, kantuniera bejn Triq Santa Katarina u Triq l-Ispirtu s-Santu. Kitba fuq irħama taħt din l-istatwa tgħid: "Din il-vara ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesł ġiet imbierka mill-Arċisqof Mons. G. Godfrey, Delegat Appostoliku fl-Ingilterra. Dun Mauro Caruana, Isqof ta' Malta, jagħti 100 jum indulġenza lil min jgħid: ‘Santa Tereżja itlob għalina u ħarisna' 17 - V- 1940".

L-Altar tad-Duluri

Biswit l-altar tal-Madonna tal-Pilar, viċin is-sagristija preżenti, hemm l-altar tad-Duluri. Il-kwadru sar mill-pittur Żejtuni Toussaints Busuttil fi-1945. Kemm il-firma tal-pittur, kif ukoll id-data, jidhru fil-kwadru. Bħala sotto-kwadru hemm San Franġisk de Paola, fejn tidher ukoll kitba rqiqa, il-kelma Charitas, li hi karatteristika ta' dan il-qaddis. Statwa fil-ġebel ta’ dan il-qaddis,   li llum qiegħda fil-ġnien tal-knisja tal-Madonna tal-Ħniena f’Bir id-Deħeb, fl-antik kienet fit-taraġ li minn ħdejn is-sagristija tal-knisja tal-Ispirtu  s-Santu, jagħti għas-sular ta' fuq.  Fl-imgħoddi kienet teżisti f’Malta devozzjoni kbira lejn dan il-qaddis.

Is-Sagristija l-Qadima

L-altar tad-Duluri jinsab bejn is-sagristija tal-lum u kamra li fiha naraw statwa tal-Madonna ta' Fatima, li tagħha Mons. Salvatore Grima kien ħafna devot.   Garigor minn din  il-kamra,  li  wisq  probabbli  kienet is-sagristija meta dari l-altar maġġur kien fejn illum tinsab l-antiporta, jagħti għal xi kmamar fuq, għall-gallarija tal-orgni u għal fuq il-bejt tal-knisja. F'waħda minn dawn il-kmamar għamel żmien jorqod Wistin Cassar meta kien jieħu ħsieb din il-knisja.

Fuq in-naħa l-oħra tal-antiporta naraw f’niċċa statwa ta' Ġesu inkurunat bix-Xewk (Ecce Homo).  Din fl-imgħoddi kienet parti mis-sett qadim tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Fuq il-bejt hemm żewġ qniepen żgħar. L-iżgħar mit-tnejn saret minn Ferdinando Leotta fl-1819. Qamet 34 skud, iżda l-prokuratur ta lill-bronżar qanpiena oħra mġenġla minflok ħlas. L-oħra li qiegħda fil-kampnar ċkejken saret fil-belt ta' Firenze minn Carlo Moreni fl-1862, kif tgħid kitba fuqha stess.  Fiha wkoll ħamiema bir-raġġi u żewġ anġli, kif ukoll il-kelmiet Spiritus Sanctus - Zejtun.

Il-knisja llum

Il-knisja tal-Ispirtu  s-Santu mhux biss kellha sehem kbir fl-lstorja mqallba taż-Żejtun, iżda wkoll serviet bħala ċentru minn fejn il-Mulej għoġbu jagħti bosta grazzji liż-Żwieten li kienu jinġabru fiha biex jitolbuH l-għajnuna siewja Tiegħu. J'Alla l-Ispirtu  Qaddis Tiegħu jkompli jdawwal kemm lir-religjużi, kif ukoll lil-lajċi, fil-ħidma tagħhom ta' mħabba, għajnuna soċjali u edukattiva.

Il-Knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa regolarment minnħabba li hi kappella tal-adorazzjoni perpetwa.



Kitba ta’ Kan. Joe Abela (użata bil-permess)
Deskrizzjoni arkitettonika tal-faċċata ta’ Anthony M. Brincat
Ritrati: Caroline Busuttil; Wikipaedia
Il-pjanta u l-isketch tal-knisja huma mehudin mill-artiklu oriġinali tal-Kan. Joe Abela.



Nota Editorjali:

L-artiklu oriġinali tal-Kan. Joe Abela kien fih xi nformazzjoni aktar iddettaljata fuq l-ewwel skola taż-Żejtun kif ukoll fuq il-kunvent tas-Sorijiet tal-Qalb ta’ Ġesł.  Minħabba raġuniijiet ta’ spazju, għażilna li ma ninkuduhomx f’dan l-artiklu iżda jekk xi ħadd ikun jixtieq l-artiklu oriġinali sħih, jikkuntatjana u nibgħatuhulu.

Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Lorenzo Gafa - Minn Wikipaedia
Ritratt: Caroline Busuttil
Il-gallerija tal-orgniRitratt: Caroline Busuttil
Ritratt: Caroline Busuttil
Statwa SantaTeresa  - Mill-Internet
L-altar tal-Pilar - Ritratt: Caroline Busuttil
L-altar tal-Pilar - dettall - Ritratt: Caroline Busuttil
L-altar tad-Duluri - Ritratt: Caroline Busuttil
Il-koppla minn-gewwa - Ritratt: Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017