KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar

Il-Kappella ta’ Santa Duminka
~ Ħaż-Żabbar ~

Il-kappella ta’ Santa Duminka, f’Ħaż-Żabbar tinsab fi Triq Alessio Erardi, u tmiss mal-kappella l-oħra ta’ Sant Andrija li qiegħda fuq il-lemin tagħha. Fit-tmeninijiet f’dawn l-inħawi (fix-Xagħra ta’ Santa Duminka) kienu nstabu xi katakombi. Wieħed minnhom kien investigat mill-Prof. Mario Buhagiar u nstabu xi graffiti. Pjanta tal-katakomi u sketch tal-graffiti magħmula mill-Professur Buhagiar illum jinsabu fil-Mużew tas-Santwarju.

F’dawn l-inħawi fi żmien l-Assedju l-Kbir tal-1565 kien hawn il-kamp tal-Ottomani, għax ftit ‘il bogħod kienu twaqqfu batteriji ta’ kanuni kontra l-Birgu li jinsab madwar mil ‘il bogħod minn hawn. Din il-kappella, li hi ddedikata lill-qaddisa martri tal-ewwel sekli tal-knisja minn Sqallija, hi l-eqdem kappella mit-tnejn li jinsabu fejn xulxin.
 

Ritratt: Caroline Busuttil


Oriġini

L-ewwel referenza lejn il-kappella ta’ Santa Duminka hi dik fil-lista ta’ benefizzji tar-rollo tal-1436 tal-Isqof de Mello. Iżda aktar tard fl-1575 Mons. Dusina ma jsemmihiex. Dan hu probabbli għaliex li, minħabba l-ħsara li ġarrbet matul l-Assedju, hu ma kienx ittieħed biex jaraha. L-Isqof Gargallo fl-1600 isemmi kif din il-kappella kellha r-rettur Dun Anġ Grech li kien ilu jieħu ħsiebha sa mill-1593. Dan jindika li b’xi mod jew ieħor il-kappella kienet reġgħet ġiet riħabilitata f’xi żmien madwar dik is-sena. L-Isqof Cagliares fl-1615 imbagħad iżid jgħid li kellha żewġ bibien, wieħed lejn il-punent u l-ieħor lejn in-nofs in-nhar. Jgħid ukoll li kellha zuntier quddiemha kif ukoll isemmi li kellha pittura tal-Madonna. L-Isqof Balaguer jiddeskrivi li l-pittura kienet tikkonsisti fi xbieha tal-Madonna tal-Grazzja b’Santa Duminka u Santa Katerina. Biss sabha mgħottija minn pittura oħra tal-Madonna tar-Rużarju.

Iżjed wara, il-bieb tal-punent kien ġie nofsu mbarrat u nbidel f’tieqa. Għalhekk illum l-altar tagħha qiegħed faċċata ta’ din it-tieqa u mhux tal-bieb. Wara l-1676 Domenica Grech (il-mara ta’ ċertu Federico Pratt) iddekorat ġewwa tal-kappella u għamlet altar ġdid li għatta dak oriġinali. Fil-ġenb tal-artal hemm żewġ gwarniċi li fihom dan l-aħħar kien hemm kwadru ta’ qaddis mhux identifikat u kurċifiss li jidher li ma kienux magħmulin għal hemm.


Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar

Il-kappella minn ġewwa u minn barra

Dwar l-arkitettura tagħha Hugh Braun jgħid li kienet dik stil “Early Melitan”. Hugh Braun kien perit magħruf Ingliż li fl-1944 kien jifforma parti minn Kummissjoni mwaqqfa mill-Gvernatur Ingliż ta’ dak iż-żmien biex tevalwa l-ħsara li bini storiku kien ġarrab sa dak iż-żmien bil-gwerra (Works of Art in Malta: Losses and Survivals in the War, HMSO, 1948).


Ritratt: Caroline Busuttil

Din il-kappella sofriet ħsara kbira ukoll waqt it-Tieni Gwerra Dinjija meta kienet ġiet mheżża bil-bombi u kellha tinbena mill-ġdid fl-1954. Waqt li din il-kappella kienet qed tinħatt biex terġa’ tinbena kienu nstabu tlett affreski fil-ħajt. Fil-ġnub kien hemm dawk ta’ San Ġilormu u San Franġisk li kienu kważi meqruda peress li xi darba kienu ntmessew b’xi barraxa. Fin-nofs instab l-affresk li kien deskritt fil-viżti pastorali li semmejna. Dan l-affresk, għalkemm kellu xi ħsarat fil-biċċa li turi lil Santa Duminka, kien inqala’ minn postu u ġie rrestawrat minn Rafel Bonnici Calì. Din kienet l-ewwel darba f’Malta li affresk kien ġie trasportat. Instab ukoll li dan l-affresk kien imsaħħaħ bix-xagħar taż-żiemel fil-bażi tiegħu. Importanza wkoll tal-affresk hi li dan jirrapreżenta l-eqdem xbieha tal-Madonna tal-Grazzja u anke ta’ Santa Katerina fil-gżejjer Maltin.

Pittura - Dettall - Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar


Fil-kappella wkoll kien instab skeletru li kien reġa ndifen fl-istess kappella. Skont l-istoriku l-Kommendatur G. A. Ciantar (Malta Illustrata, paġna 339), matul il-Ħdud ta’ żmien il-Għid kienu jattendu diversi devoti f’din il-kappella. Karm Bonavia, storiku Żabbari li fil-gwerra kien jgħix fl-inħawi, jgħid li fi żmien il-gwerra fl-inħawi ta’ fejn illum hemm il-knisja tas-Salib Imqaddes, taħt l-iskart mormi, kienu nħbew ħafna laned tal-‘fuel’ li darba ntlaqtu mill-ajru u kien hemm nirien kbar. Il-kappella fiha altar wieħed bi gwarniċ għall-pittura li kienet saret u żewġ gwarniċi fil-ġenb tiegħu.

Din il-kappella għandha bieb kwadru b’tieqa żgħira kwadra fuqu. Għandha wkoll kampnar żgħir fuq il-bieb iżda ma hemmx qanpiena fih. Fuq in-naħa tax-xellug tal-bieb, fl-għoli tal-bejt, hemm miżieb biex imexxi l-ilmijiet tax-xita ‘l bogħod mill-ħitan.

Storja riċenti

Wara li ssewwiet din il-kappella u dik ta’ ħdejha fl-1954, bdew jintużaw biex fihom issir id-duttrina lit-tfal tal-inħawi u anke għall-quddies. Bejn l-1990 u s-sena 2000, wara li tlestiet il-knisja tas-Salib Imqaddes u bdiet isservi hi ta’ ċentru pastorali għall-inħawi, din il-kappella u dik ta’ ħdejha kienu ġew mgħoddija lill-Grupp tal-iScouts li kien għadu kif twaqqaf f’Ħaż-Żabbar biex iservu ta’ “Headquarters” għalihom. Minnha kien inġieb il-kwadru titulari tagħha mpinġi fuq it-tila li kien juri lil Santa Duminka u kwadru ieħor fuq it-tila li l-qaddis tiegħu mhux identifikat, li tpoġġa wkoll fil-Mużew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. Il-kwadru fih żewġ figuri ta’ mara liebsa bl-għonnella u raġel, li probabilment huma Domenica Grech u Federico Pratt, b’kitba ta’ talba lil Santa Duminka biex tinterċiedi għalihom.


Kitba ta’ Michael Buhagiar
Ritratti: Caroline Busuttil, Noel Ciantar u Ġużeppi Theuma
Proof Reading: Andrew Hili
Ħajr lill-Ġużeppi Theuma u lill-Mużew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar
Ħajr lil Anthony M. Brincat għar-ritratt tal-kappella qabel ir-restawr

Ritratt: Caroline Busuttil
Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar

L-ewwel referenza lejn il-kappella ta’ Santa Duminka hi dik fil-lista ta’ benefizzji tar-rollo tal-1436 tal-Isqof de Mello. Iżda aktar tard fl-1575 Mons. Dusina ma jsemmihiex. Dan hu probabbli għaliex li, minħabba l-ħsara li ġarrbet matul l-Assedju, hu ma kienx ittieħed biex jaraha.

Ritratt: Noel Ciantar
Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar
Ritratt: Noel Ciantar

Nota dwar ir-restawr u bini mill-ġdid tal-Kappelli ta’ Sant Andrija u Santa Duminka f’Ħaż-Żabbar

St Domenica Zabbar old chapel - Ritratt: Hajr lil Anthony M. Brincat
Dun Guzepp Zarb - Hajr: Guzeppi Theuma mill-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f'Haz-Zabbar

Wara li spiċċat it-tieni gwerra dinija (1939-1945) il-kappillan Mons. Giuseppi Zarb kien ħa ħsieb li dawn il-kappelli jiġu rranġati. Minn ritratti tal-epoka jidher li dawn iż-żewġ kappelli ma ġġarfux iżda kienu mheżżin bil-blast tal-bombi li waqgħu viċin. Il-kappillan Zarb flimkien mar-riċerkatur Karmenu Bonavia u bl-għajnuna tar-restawratur il-Kav. Rafel Bonnici Calì, kienu ħadu ħsieb li dawn il-kappelli jiġu rranġati b’rispett lejn il-binja oriġinali.

Ħafna mill-binja oriġinali tal-kappelli kien ġie maħtut u reġa nbena mill-ġdid b’ġebel ieħor. Biss, partijiet arkitettoniċi tal-kappelli ġew priservati u saret rikostruzzjoni tagħhom fil-binjiet il-ġodda. Is-soqfa reġgħu nbnew fuq l-istil oriġinali anke bil-ħnejjiet. Għalhekk, wieħed jista’ jgħid li dawn il-kappelli, għalkemm reġgħu nbnew fl-1959, huma rapreżentazzjoni xierqa ta’ dawk li kien hemm qabilhom.

Waqt dan ir-restawr kien instab l-affresk fil-kappella ta’ Santa Duminka. Il-Kav. Rafel Bonnici Calì li kellu esperjenza fuq dan ix-xogħol peress li kien għadu kif ħadem fuq l-affreski tal-palazz, kien trasporta dan l-affresk fuq il-”hard board” biex jiġi esebit fil-mużew. Dan l-affresk instab meta kien qiegħed jinqala’ l-altar preżenti fil-kappella.

RBonniciCali

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com