KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Kappella ta’ Sant Andrija
~ Ħaż-Żabbar ~

Ritratt: Noel Ciantar

Il-kappella ta’ Sant Andrija, f’Ħaż-Żabbar tinsab fi Triq Alessio Erardi, u tmiss mal-kappella l-oħra ta’ Santa Duminka li qiegħda fuq ix-xellug tagħha. Bħal ma ġieli kien jiġri, mhux l-ewwel darba li kappella kienet tinbena qrib jew anke tmiss ma’ oħra – dan għaliex ir-raġuni li kienu jinbnew il-kappelli ma kienx ikun strettament utilitarju bħalma jiġri llum. Għalkemm mhux qadima daqs dik ta’ Santa Duminka, din il-kappella taqsam almenu parti mill-istorja tagħha ma’ din il-kappella għall-fatt li kienet tmiss magħha.

Ritratt: Noel Ciantar


Oriġini

Din il-kappella tissemma l-ewwel darba fl-1600 waqt żjara tal-Isqof Gargallo. Kienet ġa teżisti għax hu jirrapporta li din il-kappella kienet fi stat tajjeb u kellha bieb. Oriġinarjament il-knisja kienet inbniet minn familja li kienet iġġib il-kunjom Farrugia. Din il-knisja kellha magħha żewġt itmiem raba’ bil-bjar fihom. Fl-1615 din l-art kienet f'idejn Lorenzo Burlò mill-Birgu li bħala possessur tagħha kien obbligat jagħmel il-festa tal-qaddis bl-għasar u quddiesa, kif ukoll ikla lill-qassis.

Fl-Atti tan-Nutar Salvatore Ciantar datati 28 ta' Lulju tal-1636, Margerita, armla ta' Lorenzo Burlò għamlet it-testment tagħha u ħalliet l-art imsemmija lil uliedha Leonardo u Giovanni bl-obbligi li l-art kellha fuqha.

Nistgħu ngħidu wkoll li din il-kappella tat il-laqam tal-post peress li sa llum in-nies tal-post għadhom isibuha bħala l-area ta’ Sant Andrija. Anke fir-reġistri tal-imwiet tal-parroċċa nsibu mniżżel li l-lok jissejjaħ ta’ Sant Andrija.

Ritratt: Noel Ciantar


 
Fil-viżta pastorali ta’ Marzu tal-1659 din il-kappella kienet ġiet ipprofonata mill-Isqof Balaguer Camarasa u Giovanni Battista Barbara kien obbliga ruħu li jirranġaha u jipprovdi dak kollu meħtieġ biex din il-knisja żgħira terġa’ tibda’ tiffunzjona, inklużi xi renti. L-istess Isqof laqa' t-talba tiegħu fis-6 ta' Settembru tal-1660. Min-naħa tiegħu Barbara obbliga ruħu li jagħmel il-festa bl-għasar u quddiesa kull nhar ta' Ħadd. Il-festa kienet issir fis-6 ta' Lulju.

Il-kappella kellha pittura fuq l-injam li turi l-qaddis li nbidlet ma’ pittura fuq it-tila li kien fiha ta’ Sant Andrija jsofri l-martirju. Din kienet fi stat ħażin u għalhekk ittieħdet fil-Mużew tas-Santwarju fejn kienet restawrata minn Andrew Zarb.

Il-Baruni Ġanni Galea u ħutu, li kienu jieħdu ħsieb din il-kappella, fl-1801 għamlu talba lill-Isqof Labini peress li minħabba l-ikwiet ta’ żmien il-Franċiżi ma setgħux jaqdu d-dmirijiet tagħhom li jgħamlu 26 quddiesa matul is-sena fil-Ħdud u l-festa bil-kant u l-vespri. Fit-talba Galea u ħutu jsemmu li kienu jieħdu ħsieb l-armar kollu meħtieġ tal-kappella. L-isqof Labini ordna li l-flus ta’ dawn l-obbligi li ma sarux jitqassmu lil foqra.

Storja riċenti

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija din il-kappella messitha x-xorti bħal dik ta’ ħdejha meta ġarrbet ħafna ħsarat. Wara l-gwerra, fl-1959, din kellha tinbena mill-ġdid għalkemm inżamm l-istil oriġinali li kellha. Il-kappella għandha bieb b’arkata fuqu. Fuq il-bieb hemm tieqa żgħira tonda u fuqhom hemm kampnar sempliċi f’forma ta’ arkata li iżda ma hemmx qanpiena. Fuq il-kampnar hemm salib żgħir tal-ġebel.

Fiha nsibu altar wieħed b’ żewġ niċeċ fil-ġnub. Flimkien mal-kappella ta’ Santa Duminka din il-kappella kienet isservi għall-quddies u l-katekiżmu tan-nies tal-inħawi sakemm ingħatat lill-Grupp tal-iScouts ta’ Ħaż-Żabbar għall-użu tagħhom.


Kitba ta’ Michael Buhagiar
Ritratti: Noel Ciantar u Ġużeppi Theuma
Proof Reading: Andrew Hili
Ħajr lil Ġużeppi Theuma u lill-Mużew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar

Ritratt: Noel Ciantar

Il-kappella kellha pittura fuq l-injam li turi l-qaddis li nbidlet ma’ pittura fuq it-tila li kien fiha ta’ Sant Andrija jsofri l-martirju. Din kienet fi stat ħażin u għalhekk ittieħdet fil-Mużew tas-Santwarju fejn kienet restawrata minn Andrew Zarb.

It-Titular - Illum fil-Muzew tas-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, f'Haz-Zabbar - Hajr lil Guzeppi Theuma ghar-ritratt

Nota dwar ir-restawr u bini mill-ġdid tal-Kappelli ta’ Sant Andrija u Santa Duminka f’Ħaż-Żabbar

Wara li spiċċat it-tieni gwerra dinija (1939-1945) il-kappillan Mons. Giuseppi Zarb kien ħa ħsieb li dawn il-kappelli jiġu rranġati. Minn ritratti tal-epoka jidher li dawn iż-żewġ kappelli ma ġġarfux iżda kienu mheżżin bil-blast tal-bombi li waqgħu viċin. Il-kappillan Zarb flimkien mar-riċerkatur Karmenu Bonavia u bl-għajnuna tar-restawratur il-Kav. Rafel Bonnici Calì, kienu ħadu ħsieb li dawn il-kappelli jiġu rranġati b’rispett lejn il-binja oriġinali.

Ħafna mill-binja oriġinali tal-kappelli kien ġie maħtut u reġa nbena mill-ġdid b’ġebel ieħor. Biss, partijiet arkitettoniċi tal-kappelli ġew priservati u saret rikostruzzjoni tagħhom fil-binjiet il-ġodda. Is-soqfa reġgħu inbnew fuq l-istil oriġinali anke bil-ħnejjiet. Għalhekk, wieħed jista’ jgħid li dawn il-kappelli, għalkemm reġgħu inbnew fl-1959, huma rapreżentazzjoni xierqa ta’ dawk li kien hemm qabilhom.

Waqt dan ir-restawr kien instab l-affresk fil-kappella ta’ Santa Duminka. Il-Kav. Rafel Bonnici Calì li kellu esperjenza fuq dan ix-xogħol peress li kien għadu kif ħadem fuq l-affreski tal-palazz, kien trasporta dan l-affresk fuq il-”hard board” biex jiġi esebit fil-mużew. Dan l-affresk instab meta kien qiegħed jinqala’ l-altar preżenti fil-kappella.

Dun Guzepp Zarb  - Ritratt: Guzeppi Theuma

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017