F’Ħaż-Żebbuġ hemm għadd ta’ kappelli ddedikati lill-Madonna taħt diversi titoli. Din il-kitba ser tħares aktar mill-qrib lejn dik il-kappella filjali magħrufa bħala “Sidtna Marija Tal-Anġli", li tinsab ftit toroq ‘il bogħod mill-knisja parrokjali ta’ San Filep sewwasew fi triq imsejħa wkoll “L-Anġlu”. Biex tasal għaliha, mill-pjazza ta' quddiem il-Knisja Parrokkjali trid taqbad it-triq li hemm fuq il-lemin mal-ġenb tal-Oratorju u tikser lejn Triq l-Anġlu mill-ġenb tal-Għassa tal-Pulizija. Imbagħad tibqa’ nieżel sakemm tara l-kappella.
Id-Devozzjoni Lejn il-Madonna tal-Anġli
Żgur li meta wieħed jgħid it-talba li hi l-iktar għal qalb il-Madonna, it-talba tar-Rużarju, ser jgħid ukoll il-litanija tal-Madonna. Fiha wieħed isib ħafna titli sbieħ li l-Madonna għandha, fosthom dik ta' Sultana tal-Anġli.
Din id-devozzjoni lejn il-Madonna msejħa "Tal-Anġli" hija marbuta ħafna ma' San Franġisk t’Assisi u l-Ordni tiegħu. F’Assisi hemm il-Bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli magħrufa wkoll bħala “tal-Porzjunkola”. F’din il-Bażilika tinsab dik il-knisja ċkejkna tad-disa’ seklu li kienet id-dar għal San Franġisk innifsu u anke miet fiha.
F’Ruma wkoll hemm Bażilika ddedikata lil Santa Maria taħt it-titlu “Tal-Anġli”. Din hija dik il-bażilika mibnija minn Michelangelo fuq il-fdalijiet tal-Banjijiet ta’ Dijoklezjanu. Għalhekk l-Italja hija waħda mill-postijiet li l-iktar insibu din id-devozzjoni. Il-festa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Anġli tiġi ċċelebrata nhar it-2 t’Awwissu.
U billi l-Italja ma tantx hi ‘l bogħod minn gżiritna, din id-devozzjoni waslet f'Malta wkoll u bdiet tinxtered u titwieled fl-irħula u l-inħawi tista’ tgħid kollha. Fl-1624 din id-devozzjoni twieldet fil-Birgu permezz tal-Kanonku Giovanni Habel. Dan bena knisja żgħira u żejjinha b'kollox u tant kien iħobbha li saħansitra meta miet fl-1642 indifen ġo fiha. Aktar tard din il-knisja żgħira tkabbret u saret il-knisja tal-Oratorju ta’ San Filippu.
Fl-1750 din il-qima Marjana daħlet ukoll f’Ħaż-Żebbuġ permezz ta' Marjanu Buttigieg li bena din il-kappella li qed nitkellmu dwarha.
Oriġini
Dan Marjanu kien tabib u kien devot kbir tal-Madonna. Dan it-tabib kien ħalla l-professjoni tiegħu sabiex isir qassis u għalhekk mar jistudja Ruma. Meta kien f’Ruma ma setax ma jimteliex ukoll hu bl-entużjażmu lejn il-Madonna taħt dan it-titolu, l-aktar meta kien spiss imur jinvista ‘l Madonna fil-Bażilika ta’ Santa Maria Degli Angeli e die Martiri f’Ruma u fil-knisja ta’ Santa Prassede. Saħansitra għamel fehma li xi darba jibni kappella ad unur tal-Madonna taħt dan it-titolu.
B'dan il-ħsieb huwa għamel testment fl-atti tan-nutar Antonio Vincenzo Brignone fejn ħalla kważi ġidu kollu ħalli bih issir il-kappella lil "Sancta Maria libera nosapoenis inferni et Regina sptem Angelorum adstantium Ante thronum Dei" (Santa Marija li teħles mill-pwieni tal-infern u Reġina ta’ Seba’ Anġli jassistu quddiem it-tron t’Alla). Dawn is-Seba’ Anġli jassistu quddiem it-tron t’Alla kienu is-Seba’ Arkannġli li ġew irrivelati lill-Beatu Amadeo, membru tal-Ordni Franġiskan. Hu identifikahom bħala San Mikiel; San Gabriel; San Rafel; San Urjel; San Jehudjel; San Barakjel; u San Seatjel. L-Iskrittura Mqaddsa, iżda, issemmiilna biss lill-Arkanġlu Mikiel, lill-Arkanġlu Gabriel u lill-Arkanġlu Rafel u ma ssemmix lill-erba’ Arkanġli l-oħrajn.
Wara l-mewt ta' Dun Marjanu, l-eżekuturi tiegħu, Patist Caruana u l-markiż Mikiel Apap, ħadu ħsieb biex din il-kappella tinbena kemm jista' jkun skont ix-xewqa tat-testatur u kemm jista' jkun tkun sabiħa. Il-perit Giovanni Andrea Psaila għamel il-pjanta tagħha. Sal-1787, il-knisja kienet lesta u l-Isqof Vincenzo Labini berikha fit-3 ta' Novembru 1787.
Il-Knisja tal-Anġli u l-vara ta’ San Filep
Storja żgħira torbot din il-kappella mal-vara proċessjonali titolari ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ. Ir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ għandu vara proċessjonali unika f’Malta għaliex hija magħmula minn madwar sitta u tletin kilogramm ta’ fidda – u dan mingħajr ma wieħed biss jibda jiddiskuti l-merti artistiċi konsiderevoli ta’ din il-vara. L-istatwa ta’ San Filep waslet f’Malta fid-29 ta’ Lulju 1863. Dakinhar ittellgħet mix-xatt u waqqfu biha għal ftit fil-knisja tal-Kunċizzjoni f’tarf ir-raħal. Minn hemm ittieħdet fil-knisja tal-Anġli fejn damet sat-8 ta’ Mejju 1864 fejn dakinhar saret translazzjoni biha u dħul solenni fil-knisja arċipretali, bi preparazzjoni għall-festa ta’ dik is-sena. Fil-knisja kien tqiegħed plattin quddiem l-istatwa għall-ġbir tal-flus u fl-aħħar ġimgħa, bejn it-2 u t-8 t’Awwissu kienu nġabru mitejn u tlieta u tletin skud, tliet irbajja’ u għaxar ħabbiet.
Tajjeb li wieħed jifhem ukoll għaliex il-vara tqiegħed f’din il-knisja. Ir-raġuni ewlenija kienet għax il-knisja tal-Anġli qiegħda f’nofs it-triq ta’ kważi l-purċissjonijiet kollha li jsiru f’Ħaż-Żebbuġ. Iżda jista’ jkun ukoll li sar hekk fuq ix-xewqa ta’ Dun Salv Trevisan. Dun Salv Trevisan kien il-mexxej ewlieni ta’ dak il-grupp ta’ nies li kienu ħabirku tassew biex iġibu din il-vara unika ta’ San Filep fir-raħal tagħhom. Dun Salv kien joqgħod viċin fi Triq San Ġużepp u kellu devozzjoni kbira lejn din il-knisja u lejn il-Madonna tal-Anġli. Kull meta kien jgħaddi minn quddiemha biex imur ‘il parroċċa, kien jieqaf jinvista u jsellem lill-Madonna bil-kliem “Ave Regina Coelorum” (Sliem għalik Reġina tas-smewwiet).
Ta’ min jgħid ukoll li f'dawk l-akkwati ħdejn il-kappella tal-Anġli kien isir l-isbaħ tiżjin għall-festa ta' San Filep. Din il-kappella dejjem kellha mportanza f'Ħaż-Żebbuġ u fl-antik il-purċissjonijiet kollha mportanti, kienu jagħmlu użu minn din il-kappella.
Il-Knisja minn barra
Dun Salv Ciappara, fil-ktieb tiegħu “Storia del Zebbug e Sua Parrocchia” jgħid li l-faċċata tal-Knisja tal-Madonna tal-Anġli titqies bħala waħda mill-isbaħ tat-tip tagħha fl-Ewropa. Waqt li jista’ jkun li hemm xi ftit entużjażmu żejjed f’din id-deskrizzjoni, wieħed ma jistax ma jaqbilx li l-faċċata hija waħda tassew sabiħa.
|
Meta wieħed iħares lejn din il-faċċata ta' din il-kappella jara numru ta' pilastri Doriċi u tliet bibien. Il-bieb il-maġġur għandu ġwarniċa wiesa' mad-dawra tiegħu. Il-blata sserraħ fuq għamla ta’ żewġ saljaturi skulturati. Fuq il-blata hemm pediment segmentali. Il-fontispizju hu għoli ħafna b'tieqa f'nofsu u fuq kull naħa hemm għamla ta' ġebel maħruġ 'il barra. Mill-istil li fih jidher li sar, kien bil-għan li jiġu skulturati xi armi, probabbli tal-Gran Mastru u tal-Isqof ta' Malta ta' dak iż-żmien iżda dawn baqgħu ma saru qatt. Dan ġieli kien jiġri u eżempju ieħor bħal dan insibuħ fil-kappella ta’ Sant’Anna fil-Qrendi. Il-bieb prinċipali fih żewġ twejqiet żgħar, waħda f’kull bieba, sabiex in-nies setgħet tinvista anke meta l-knisja kienet tkun magħluqa.
Il-koppla hija waħda mill-isbaħ li hemm ġewwa Ħaż-Żebbuġ u din għandha kustilji rettangolari li joħorġu sew ‘l barra minnha. Fit-tarf ta’ kull kustilja hemm piramida dekorattiva tal-ġebel. Il-koppla fiha lanterna b’seba’ twieqi rettangolari fiha biex idawwlu l-knisja minn ġewwa. Skrolli tal-ġebel jiddekoraw il-pilastri li jiffurmaw il-lanterna li għandha ukoll salib żgħir tal-ġebel fil-quċċata tagħha. Hemm ukoll kampnar kwadru b’żewġ qniepen fih fuq in-naħa ta’ wara tal-kappella. Il-qniepen kienu magħmulin minn Giovanni Bozzoli fl-1856 (il-kbira) u minn Ġulju Cauchi fl-1890 (iż-żgħira). Il-kampnar għandu boċċa tal-ġebel dekorattiva fil-quċċata tiegħu.
Fuq kull wieħed mill-biebien tal-ġenb hemm loġġ kwadru b’tieqa kwadra żgħira fuqu. Fil-livell tal-frontispizju nsibu poġġaman tal-ġebel b’seba’ balavostri tal-ġebel kull wieħed. Fit-trufijiet ta’ dawn il-poġġamani hemm boċċi dekorattivi tal-ġebel.
Iz-zuntier żgħir, li fil-parti tan-nofs tiegħu hu f’għamla ta’ nofs tond, hu mgħolli fuq tliet tarġiet u jinfirex fuq il-wesgħa kollha tal-knisja. Billi t-triq mhix invellata, fuq in-naħa tax-xellug iz-zuntier fih erba’ tarġiet minflok tlieta.
Il-Knisja minn ġewwa
Malli wieħed jidħol ġewwa din il-knisja, jibqa' impressjonat għaliex għalkemm mhix kbira xorta għandha opri artistiċi li żgur jogħġbu lil kull min jidħol fiha. Hija ġojjel stil Barokk. Ħadmu fiha diversi nies ta' sengħa u x-xogħol li fiha huwa wieħed preċiż u dettaljat. Dan ix-xogħol kollu wieħed jista' japprezzah fil-gwarniċun li jdawwar din il-kappella kollha.
|
Minn ġewwa l-kappella għandha pjanta kwadra b'kor fond li fih l-altar uniku tal-knisja. Fuq il-bieb prinċipali hemm gallerija żgħira. Tmien pilastri ta' stil Doriku jerfgħu erba' arkuni u erba' arkati li fuqhom tistrieħ il-koppla semi-sferika bil-lanterna. Erba' twieqi, tnejn fl-arkati tal-ġenb u tnejn fis-saqaf troll tal-kor jagħtu d-dawl lil din il-kappella. Żewġ gruppi ta' pilastri Doriċi jidhru fuq kull naħa tal-altar u l-kwadru titolari.
Il-gwarniċa tal-entablatura li ddur mal-kappella kollha tieħu forma ta' arkata fuq il-kwadru titolari. Aktar 'il fuq il-kor jispiċċa f'apside. Żewġ bibien fil-ġenb tal-kor jagħtu għas-sagristiji tal-kappella.
Il-kwadru titulari huwa xogħol il-pittur Malti Rokku Buhagiar u jinsab imqiegħed fi gwarniċun daqsxejn wiegħsa tal-ġebel. Il-kwadru, li l-parti ta’ fuq tiegħu hu f’forma ta’ arkata ddekorata, juri lill-Madonna bil-Bambin imdawwra b'numru sabiħ ta' Anġli u puttini. Fuq ix-xellug tagħha hemm ukoll San Mikiel, il-prinċep tal-Anġli, liebes ta' gwerrier, u fuq in-naħa l-oħra hemm San Gabrijel għarkubbtejh flimkien ma' Anġlu Kustodju b'tarbija għarkobbtejh fuq sħaba.
Barra l-kwadru titolari fil-kappella kien hemm erba' kwadri oħra ta' forma ovali ġo gwarniċi indurati li llum qegħdin fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali. Dawn kienu juru l-Konversjoni ta' San Pawl, in-Nawfraġju tiegħu f'Malta, il-Martirju ta' San Pawl u l-Martirju ta' San Pietru. Dawn l-erba’ kwadri ovali ukoll huma xogħol ta' Rokku Buhagiar.
Fil-kappella hemm ukoll sett ta' stampi tal-Via Crucis li ma għandhom l-ebda valur artistiku kif ukoll lampier ta’ metall abjad. Hemm ukoll fonti tal-ilma mbierek kif ukoll altar-mejda sempliċi tal-injam għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies skont ir-rit ta’ wara l-Konċilju Vatikan II.
Il-Knisja llum
Sa ftit żmien ilu din il-knisja, għalkemm hija opra artistika u prezzjuża għaż-Żebbuġin kollha, ma tantx kienet għadha tintuża. Kienet tintuża bħala maħżen u lejn it-tmeninijiet kienet traskurata ħafna. Iżda bil-mod reġgħet bdiet tieħu r-ruħ u dan l-aħħar il-kappella ġiet irrestawrata minn barra u minn ġewwa u fiha bdiet issir quddiesa bl-Ingliż kull tielet Ħadd tax-xahar. Qed isiru wkoll xi laqgħat ta' gruppi tal-Parroċċa. Għalhekk, wieħed jistenna li din il-kappella terġa’ tieħu r-ruh u terġa’ tikseb interess ġdid fiha li jixirqilha.
Kitba: Odette Cortis b’żiediet żgħar ta’ Anthony M. Brincat dwar il-knisja minn ġewwa u Peter Paul Ciantar dwar il-vara ta’ San Filep. Proof Reading: Andrew Hili Ritratti: Caroline Busuttil, Carmelo Vella, Reyden Mizzi, mill-Internet
|