KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-Kappella tal-Qtugħ ir-Ras ta’
San Ġwann il-Battista
~ Siġġiewi ~

Il-Koppla minn gewwa - Ritratt: Caroline Busuttil

Bla dubju ta’ xejn, il-knisja parrokkjali tas-Siġġiewi għandha quddiemha waħda mill-akbar pjazez f’dawn il-gżejjer. Fis-Siġġiewi nsibu tnax-il kappella, kważi kollha miżmuma fi stat tajjeb ħafna. Ħamsa minnhom jinsabu fir-raħal stess u tnejn minnhom fil-pjazza tar-raħal, li hu magħruf ukoll bħala Città Ferdinand għal Gran Mastru Ferdinand von Hompesh (1744 – 1805). Dan ir-raħal huwa wieħed mill-irħula li l-Isqof Senatore de Mello, fis-sena 1436, kien semma’ li kien diġà parroċċa u li kienet ukoll iddedikata lil San Nikola ta' Bari.  F’din il-pjazza, barra l-knisja arċipretali ta’ San Nikola, wieħed jiltaqa’ ma’ żewġ knejjes oħra, dik ta’ Santa Marija magħrufa bħala “Ta’ Ċwerra” u l-oħra ta’ San Ġwann il-Battista b'dedika partikulari għall-mument tal-martirju bil-qtugħ tar-ras tal-qaddis.

Oriġini

Din il-kappella sabiħa tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann tinsab fin-naħa t'isfel tal-pjazza kbira tas-Siġġiewi. Il-kappella li naraw illum inbniet fl-1730 minflok waħda aktar qadima li kienet diġà mibnija fi żmien iż-Żjara Appostolika ta' Mons. Dusina. Dan iżda jikteb li kienet iddedikata lit-Twelid tal-Battista u li kienet tinsab fir-raħal. Hu jikteb ukoll li din il-kappella, għalkemm kellha altar, kienet nieqsa minn bieb tal-injam, rettur, paviment xieraq, u dak kollu li kien meħtieġ għaċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija. Kien jieħu ħsiebha ċertu Joannes Bonellus, li kellu għalqa fil-kontrada msejħa Taslibe (Ta' Saliba) u li mid-dħul tagħha kien jiċċelebra l-festa tal-Qaddis bil-Vespri u l-Quddiesa kantata. Dusina ordnalu biex isewwi s-saqaf li minnu kien iqattar l-ilma tax-xita, il-paviment u jagħmel bieb ġdid. Din l-ordni ngħatat taħt piena ta' ħlas ta' għaxar skudi jekk ma jsirx kollox fi żmien xahar.


Siggiewi - Il-Kappella tal-Qtugh ir-Ras ta' San Gwann - Ritratt: Alex Bugeja


Il-knisja il-ġdida li naraw illum għandha rabta mal-Ordni ta’ San Ġwann u għalhekk ukoll hija ddedikata lil dan il-qaddis.  Fuq il-lanterna tal-koppla u fuq il-frontispizju għalhekk naraw is-salib bit-tmien ponot tal-kavallieri ta’ San Ġwann.  Fra Antonio Cutajar, kappillan tal-Ubbidjenza tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann bena din il-knisja fl-1730. Il-ħsieb oriġinali tiegħu kien li magħha, fuq in-naħa tal-lemin, iwaqqaf sptar immexxi mill-Kapuċċini. Tant hu hekk li l-parti tan-naħa tal-lemin tal-knisja nbniet għal dan l-iskop u ħdejn il-bieb għadna naraw kitba li tfakkar dan l-isptar u s-sena l736. Meta telaq l-Ordni ta' San Ġwann minn Malta, il-kappella saret proprjetà tal-Gvern Malti kif għadha sal-lum.  Matul it-tieni gwerra dinjija, il-kappella kienet isservi bħala kappella għall-patrijiet Kapuċċini refuġjati fis-Siġġiewi.

Il-Knisja minn barra

Ma nafux min kien l-arkitett ta' din il-knisja, iżda hija prodott tal-Barokk Malti. Il-faċċata tagħha, mibnija bejn żewġt idjar simili, għandha dehra mill-isbaħ u bi proporzjonijiet meqjusa. Fil-kantunieri hemm żewġ pilastri ta' stil Toskan li jerfgħu l-entablatura. Il-bieb huwa kwadru u jinsab fi gwarniċa li fuq għandha 'cartouche' li fih hemm l-isem tal-kappella. Aktar 'l fuq naraw pediment triangolari li ġewwa fih għandu pediment ieħor segmentali. Fuq l-entablatura fin-nofs hemm il-kampnar imżejjen b'pediment segmentali baxx u żewġ nofsijiet ta' pediment forma ta' skroll. Dan hu wiesa u fil-parti ta’ fuq tiegħu naraw is-salib bit-tmien ponot tal-kavallieri.  Fil-ġnub tal-kampnar naraw żewġ ġwienaħ ta' stil Vignola li jibqgħu neżlin lejn żewġ balavostri forma ta' galletta. Wara tidher il-koppla eleganti fuq tanbur baxx ottagonali. Din hija mżejna b'kustilji li kemm mat-tanbur u kif ukoll mal-lanterna jispiċċaw fi skrollijiet. Fuq il-lanterna jidher is-salib bi tmien ponot ukoll biex b’hekk dan ifakkarna li din inbniet minn Don Antonio Cutajar membru Malti tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann il-Battista.

Fuq kull naħa tal-faċċata naraw bieb u gallerija tal-ġebel. Dawk tax-xellug jagħtu għas-sagristija, filwaqt li dawk tal-lemin huma parti mill-isptar li kien inbena fl-l736.

Il-Knisja minn ġewwa

Din il-knisja nbniet fl-ewwel nofs tas-seklu tmintax fuq stil Barokk u dan wieħed jista’ jaraħ f’bosta partijiet ta’ din il-knisja. Il-kappella għandha pjanta ottagonali. F'erba' naħat insibu t-tliet altari tal-ġebel u l-bieb ewlieni u fl-erba' naħat l-oħra hemm bibien jew niċeċ. Pilastri ta' stil Toskan jerfgħu arkati li fuqhom tistrieħ il-koppla semi-sferika. L-altar ewlieni warajh għandu perspettiva, jew reredos, oriġinali ħafna li jżejjen il-kwadru titulari b'forma ovali ċatta li juri l-Martirju ta' San Ġwann.


Il-kappella minn gewwa - Ritratt: Caroline Busuttil


Il-Kwadru titulari - Ritratt: Caroline BusuttilIl-kwadru f'xi żmien kien attribwit lil Francesco Zahra, iżda l-Professur Keith Sciberras jattribwieh lil Gian Nikola Buhagiar, għalkemm jgħid li mhuwiex wieħed mill-aħjar xogħolijiet tiegħu.  Għalkemm il-figura prinċipali tibqa’ dik ta’ San Ġwann il-Battista fih naraw ukoll lil Salome u lil ommha Erodiade bil-platt f’idejha lesta biex tilqa’ fih ir-ras tal-Battista.  Ma’ dawn iż-żewġ nisa wieħed jista’ josserva żewġ uffiċjali tas-sultan Erodi li qed jassistu għal dan il-qtil, filwaqt li minn tieqa tan-naħa tal-lemin, jidhru xi ħabsin oħra li qegħdin jaraw dan kollu. Hi pittura sabiħa li fuqha naraw ukoll is-silta mill-Vanġelu ta’ San Mattew li tgħid “Qatgħu ras Ġwanni fil-Ħabs”.

Din il-pittura hi ta’ għamla tonda, u mqegħda f’nofs prospettiva tal-ġebel. Din tikkonsiti f’pavaljun kbir il-wisa' kollha tal-knisja u dan jidher miżmum minn kuruna. F’din il-prospettiva naraw bosta dettalji oħra maħduma fil-ġebel bħal m’hi l-frenża u ż-żigarelli kollox skolpit fil-ġebel. Hi prospettiva ta’ stil uniku.

Iktar pitturi f’din il-Knisja

Fil-kappella b'kollox insibu tnax-il kwadru tal-pittura.  Fuq l-altar tax-xellug naraw pittura kbira tal-Immakulata li hi xogħol ta’ xi pittur Malti tas-seklu tmintax. Fuq dan il-kwadru naraw il-kitba li tfaħħar lil Marija għas-sbuħija tagħha u li twieldet mingħajr id-dnub oriġinali. F’dan il-kwadru naraw bosta anġli jżommu f’idejhom is-simboli tal-litanija tal-Madonna bħal m’hi l-Madonna bħala x-Xemx tal-Ġustizzja, il-Madonna bħala Sultana, il-Madonna bħala Tron tal-Avorju, il-Madonna bħala d-Dar tad-Deheb u l-Madonna bħala Mera tal-Ġustizzja. Mhux xi kwadru ta’ livell artistiku kbir iżda hu kwadru b’sinifikat qawwi u divers.

Il-Bieb ta' Barra - Ritratt: Caroline Busuttil

Il-knisja il-ġdida li naraw illum għandha rabta mal-Ordni ta’ San Ġwann u għalhekk ukoll hija ddedikata lil dan il-qaddis.  Fuq il-lanterna tal-koppla u fuq il-frontispizju għalhekk naraw is-salib bit-tmien ponot tal-kavallieri ta’ San Ġwann.  Fra Antonio Cutajar, kappillan tal-Ubbidjenza tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann bena din il-knisja fl-1730. Il-ħsieb oriġinali tiegħu kien li magħha, fuq in-naħa tal-lemin, iwaqqaf sptar immexxi mill-Kapuċċini.

Il-bieb tal-isptar tal-Kapuccini - Ritratt: Caroline Busuttil
Il-qabar tal-fundatur - Ritratt: Anthony M. Brincat
Predikazzjoni fid-dezert - Ritratt: Anthony M. Brincat

L-Ikla ta' Erodi - Ritratt: Anthony M. Brincat

Thabbira tat-Twelid lil Zakkarija - Ritratt: Anthony M. Brincat

San Gwann fil-habs - Ritratt: Anthony M. Brincat

Xi kwadri fl-knisja

San Gejtanu- Ritratt: Caroline Busuttil
Jittiehed ghall-mewt- Ritratt: Caroline Busuttil
Twelid tal-Qaddis- Ritratt: Caroline Busuttil
Maghmudija ta' Kristu fil-Gordan- Ritratt: Caroline Busuttil
Quddiem Erodi- Ritratt: Caroline Busuttil
L-Immakulata Kuncizzjoni- Ritratt: Caroline Busuttil

Fil-kwadru ta’ fuq in-naħa l-oħra naraw lil Madonna qegħda tagħti lil Binha Ġesù lil San Gejtanu.  Dan jidher għarkobbtejh jilqa’ lill-Bambin u bil-Ġilju u l-ktieb fir-rokna tax-xellug. Fir-rokna ta’ fuq, fin-naħa tal-lemin naraw il-figura ta’ San Ġużepp. Hu kwadru ieħor li hu xogħol Malti tas-seklu tmintax.
 
Fil-faċċata l-oħra fuq il-bieb naraw kitba oħra bil-Latin b’rabta oħra ma’ San Ġwann li tgħid “Ismu jkun Ġwanni” filwaqt li fil-għoli naraw pittura li tirrappreżenta l-viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta. F’din il-pittura naraw ukoll il-figuri ta’ San Ġużepp u ta’ Żakkarija. Fuq fil-għoli naraw żewġ anġli jġorru kitba meħudha mill-ewwel vers tal-Magnificat li tenniet il-Madonna meta żaret lil qaribitha Eliżabeta “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”.
 
Fil-lunetti ta’ taħt il-koppla naraw erba’ pitturi b’rabta mall-ħajja tal-Battista bħal m’hi t-tħabbira tat-twelid tiegħu lil missieru Żakkarija.  Fl-oħra naraw il-predikazzjoni tiegħu fid-deżert, filwaqt li fit-tielet waħda naraw l-ikla ta’ Erodi.  Fl-aħħar waħda naraw lil San Ġwann fil-ħabs wara l-arrest minn Erodi.
 
Taħt dawn l-erba’ lunetti naraw erba’ pitturi oħra b’rabta ma’ dan il-qaddis. FL-ewwel wieħed naraw it-twelid tiegħu lil Santa Eliżabetta. Naraw ukoll fl-oħrajn il-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan minn San Ġwann il-Battista, il-ġrajja ta’ Erodiade u lil San Ġwann fi triqtu lejn il-martirju.

Għalkemm dawn it-tmien pitturi ma’ fihomx xi valur artistiku kbir huma xhieda kemm minn dejjem din il-knisja kienet miżmuma tajjeb u kemm kienet għal qalb in-nies li ħadu ħsiebha.

Ħwejjeg interessanti oħra f’din il-knisja

F’din il-knisja wieħed isib bosta ħwejjeg oħra li huma interessanti bħal m’hu monument żgħir li jfakkar lill-Gran Mastru Ferdinand Hompesch, li b’ismu huwa magħruf ir-raħal tas-Siġġiewi, iċ-Città Ferdinand.
 
Insibu wkoll sett kartelli tal-Glorja bl-arma tal-Gran Mastru Vilhena, kwadru ex-voto ta’ Santa Apollonia, antifonaru qadim u ħwejjeġ oħra li xi darba jew oħra kienu jintużaw f’din il-knisja.
 
F’dawn l-aħħar snin f’din il-knisja saret statwa ġdida ta’ San Ġwann il-Battista maħduma minn Sandro Debono.

Fin-nofs ta’ din il-knisja naraw tliet lapidi tal-irħam fuq tlett oqbra. Dak tan-nofs hu tal-fundatur Antonio Cutajar, u l-oħrajn taż-żewġ retturi Dun Nikol Azzopardo u ta’ Dun Ġwann. Kwadri tal-fundatur u tal-ġenituri tiegħu jinsabu fis-sagristija. F'waħda min-niċeċ hemm statwa ta' San Ġwann.

Il-Knisja tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa kuljum għax fiha jkun espost is-sagrament għal adorazzjoni. Il-festa ssir nhar l-aħħar Ħadd ta’ Awwissu.


Kitba ta’ Tony Terribile b'żiediet dwar aspetti arkitettoniċi u storiċi minn Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Anthony M. Brincat u Alex Bugeja
 

BlueScroll05
Monument lil Hompesh - Ritratt: Caroline Busuttil
Il-Kappella Imzejjna ghall-FestaI - Ritratt: Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017