Id-data eżatta ta’ meta nbniet din il-kappella m’hijiex magħrufa. Għalkemm fil-kitibiet dwar iż-żjara tiegħu f’Ħaż-Żabbar fl-1575, il-Viżitatur Appostoliku Dusina ma jsemmi xejn dwar din il-kappella, viżti mill-isqfijiet Gargallo u Cagliares fl-1600 u fl-1615 rispettivament, juru li din il-kappella flimkien ma’ oħrajn li ma ġewx imsemmija minn Dusina kienu diġą jeżistu. Fil-fatt, wara ż-żjara li għamel f’ Novembru tal-1600, l-isqof Gargallo kiteb li l-kappella kienet għadha kemm inbniet mill-ġdid u tkabbret mid-devoti u bil-ħidma ta’ Gaspare Testaferrata mill-Birgu.
|
Dan ifisser li minflok il-kappella preżenti kien hemm oħra iżgħar u eqdem. Gargallo kompla jgħid li l-kappella “kellha altar wieħed bil-pittura tal-Madonna u kull ma jinħtieġ. Id-devozzjoni lejha kienet tant kbira li ħafna nies kienu jżurha u bl-għotjiet tagħhom, il-lampier quddiem ix-xbieha tal-Madonna kien jinżamm mixgħul kuljum. Lejlet il-festa kien jitkanta l-għasar u nhar il-festa (15 ta’ Awwissu) issir quddiesa u jitqassam ikel lill-foqra”. Achille Ferres kiteb li fl-1627, l-istess Gaspare Testaferrata ħalla xi renti lil din il-kappella.
It-titlu
Din il-kappella hija ddedikata lit-tlugħ ta’ Marija fis-sema (l-Assunzjoni) u l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu. Hija l-uniku kappella f’Malta bit-titlu “Tal-Indirizz”. Dan l-isem jirreferi għall-Madonna bħala dik li tindirizzana (tmexxina) lejn is-salvazzjoni eterna. Fir-rapport tal-isqof Rull (1758-60), din il-kappella hija mniżżla taħt it-titlu “tan-Novizz”.
Il-leġġenda
Bħal diversi kappelli oħra li nsibu madwar Malta u Għawdex, din il-kappella għandha marbuta magħha leġġenda li tisspjega l-oriġini tal-kappella. Jingħad li fejn illum hemm il-kappella kien hemm ħanut tax-xorb u li fih sar delitt. B’dan id-delitt kien akkużat sid il-ħanut, li kien innoċenti. Huwa għamel wegħda mal-Madonna li jekk jinħeles mill-akkuża, jibni kappella ddedikata lilha. Il-grazzja nqalgħet u hu żamm kelmtu. Kilin kiteb li l-kappella li dan bena bħala wegħda hija l-apside tal-kappella tal-lum. Dettal żgħir li fih Kilin ma jaqbilx ma’ din il-verżjoni tal-leġġenda huwa li l-akkużat kien sid ta’ maħżen u mhux ta’ ħanut tax-xorb. Mhix ħaġa rari li f’leġġendi bħal dawn ikun hemm xi varjazzjonijiet, iżda jista’ jkun li din id-varjazzjoni ġejja mill-fatt li l-bini ta’ biswit il-kappella kien jintuża bħala maħżen fiż-żmien li Kilin kiteb il-ktieb tiegħu.
Jingħad darba seħħet ġrajja Li ssemmiet maż-żminijiet Din imxiet minn fomm għall-ieħor Mill-missier għal għand l-ulied.
|
Tistgħu taħsbu dak kif baqa’ Meta bl-akkuża sar jaf Mis-sema talab l-għajnuna Xtaq joħroġ b’ idejh indaf.
|
Ħaż-Żabbar kien għadu ċkejken B’toroq dojoq u sqaqien Ħanut fetaħ fi triq minnhom Qtar il-għenba ibiegħ kien.
|
Għalhekk għamel din il-wegħda Mal-Omm twajba tas-Smewwiet Flok il-ħanut, knisja jibni Jekk teħilsu mill-inkwiet.
|
|
|
Fih kien jaħdem wieħed raġel Jaqla’ ħobżu minn hemm ried Waqt li jferrgħa terz jew pinta Fil-ħanut iżomm il-kwiet.
|
U il-grazzja inqalgħetlu Meta hu instab bla ħtija Il-kappella beda jibni Għal ġieħ Santa Marija.
|
Iżda darba nqalgħet ġlieda Hekk skont kif tkompli l-ġrajja Wieħed minn dawk involuti Spiċċa fl-art, mejjet, bla ħajja.
|
Dil-kappella għadha wieqfa U ssebħet matul iż-żmien Tibqa’ tfakkar f’ din il-ġrajja Fil-preżent u fil-ġejjien.
|
Għall-provi dlonk bdew ifittxu F’ dak il-ħanut tal-inbid Lill-qattiel baqgħu bla sabu, Waħħlu f’ tal-ħanut is-sid.
|
Għalkemm din hija leġġenda Ma nafux jekk ġratx tassew Hi xhieda tad-devozzjoni Ta’ dawk li qabilna ġew.
|
|
Żmien il-Franċiżi
Waqt l-imblokk tal-Franċizi, minħabba l-perikli li kien hemm, il-kappella bdiet tintuża bħala Parroċċa minflok is-Santwarju minħabba li dan kien ġarrab ħafna ħsarat wara li ntlaqat mill-balal li kienu jiġu sparati minn fuq is-swar tal-Kottonera. Din il-kappella kienet aktar ‘il bogħod u mkennija mill-isparar tal-balal. Minbarra li kien isir il-quddies, saru wkoll xi żwiġijiet. Xiehda ta’ dan hi t-talba li saret lill-isqof Labini biex jiġi rreġistrat fil-kotba tal-parroċċa iż-żwieġ li sar bejn Ġużeppi Tabone u martu Rosa għax il-Parroċċa kienet f’periklu kbir. (“perche la Chiesa Parrochiale situate allora impedita dalle balle che si trivano della Cittą contro di essa”)
|
Il-faċċata
Il-faċċata tal-kappella hija waħda sempliċi b’bieb wieħed u tieqa tonda ftit ‘il fuq mill-bieb. Il-kappella għandha frontispizju żgħir. Kilin jgħid li l-bieb tal-faċċata huwa wieħed li ma jaqbilx mal-kumplament tal-faċċata u li oriġinarjament, taħt is-salib Grieg tal-faċċata kien hemm żewġ toqob li llum huma magħluqa bil-ġebel, u li fihom kienu jiddendlu żewġ qniepen żgħar. Il-kappillan dun Ġużepp Zarb, fil-ktieb ‘Żjara lill-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar’ isemmi li kien hemm ‘bħal tliet twieqi bil-kolonni’ li fihom kien hemm il-qniepen, u mhux tnejn. Il-kampnar li hemm illum sar fil-bidu tas-seklu għoxrin. It-tlett qniepen li jinsabu f’dan il-kampnar saru fis sena 1904.
Fuq in-naħa tal-lemin tal-faċċata hemm imnaqqax graffit ta’ tartana (bastiment). Ħdejh hemm ukoll salib li kien graffit popolari f'postijiet ta' pellegrinaġġ.
Minn ġewwa
Is-saqaf ta’ din il-kappella huwa forma ta’ nofs tond (troll) u huwa mibni fuq tmien ħnejjiet. Fuq ġewwa, fejn hemm l-altar tal-ġebel, hemm kappella (apside) fuq l-istess għamla tal-knisja li hija iżgħar u aktar baxxa mill-bqija. Fis-saqaf ta’ din l-apside hemm lanterna u fil-ħajt ta’ wara l-altar hemm tieqa tonda li tinsab kważi totalment moħbija bil-prospettiva tal-injam li hemm madwar il-kwadru titulari. Fuq kull naħa hemm kamra, oriġinarjament mibnija bħala sagristiji u li kont tidħol għalihom minn bieb żgħir.
|
Fuq il-bieb ta’ barra hemm gallarija li wieħed jista’ jitla’ fiha mill-garigor tal-kampnar. F’din il-gallarija kien hemm orgni li tmerer u spiċċa biex inqered fil-bidu tas-snin ħamsin.
|
Tibdil strutturali
Fis-snin tmenin inħass il-bżonn li din il-kappella titkabbar. Għalhekk, infettħu żewġ ħnejjiet, waħda fuq kull naħa tal-altar, biex iniffdu il-kmamar fuq kull ġenb tal-apside, mal-bqija tal-kappella. Aktar riċenti, dawn l-arkati ingħalqu b’bibien tal-injam u l-ħġieġ biex il-kmamar ikunu jistgħu jintużaw bħala klassijiet għall-katekiżmu.
Fl-istess żmien li nfettħu l-arkati, kien hemm ħsieb li jitneħħa l-altar maġġur biex ikun hemm spazju għall-altar mejda. Fortunatament dan il-pjan ġie mmodifikat u l-altar tal-ġebel iċċekken. L-altar mejda tal-injam li naraw illum sar fis-snin tmenin u l-ambone żżanżan fl-2009. Il-faċċata tal-knisja ġiet irrestawrata fl-2013.
It-titular
Għal diversi snin, it-titular ta’ din il-kappella kien juri lil Madonna tal-Grazzja bilqiegħda bil-Bambin fi driegħa u li f’idejh qed iżomm globu. Il-figura tal-Madonna kienet inkurunata b’kuruna tal-fidda. San Pawl kien jidher fuq naħa minnhom u San Anard, qaddis protettur tal-ilsiera, fuq in-naħa l-oħra. Aktar ‘l-isfel kien hemm San Ġwann Battista tfajjel u ktajjen ta' lsir. Fuq wara jidhru żewġ anġli, wieħed idoqq l-arpa u l-ieħor iżomm kuruna ta’ ward.
Oriġinarjament dan il-kwadru kien jinsab fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzja. Meta l-Gran Mastru Verdala rregala titular ġdid, it-titular l-antik tpoġġa fuq altar fil-ġenb tal-istess kappella. Aktar tard ittieħed fil-kappella ta’ Santa Marija (tal-Indirizz). Minħabba li dan il-kwadru kellu ċertu għożża tqiegħed fuq l-altar maġġur. Sar kwadru ieħor ovali li juri l-Assunzjoni ta’ Marija li tpoġġa aktar ‘il fuq minn dak tal-Grazzja.
Fl-1860, prospettiva tal-injam li kienet tinsab fil-kappella l-antika tal-Lunzjata inġiebet fil-kappella ta’ Santa Marija u tpoġġiet madwar il-kwadru titulari. Minħabba f’hekk il-kwadru ovali li juri ‘l-Assunta tneħħa minn postu. Għalhekk, għal aktar minn mitt sena, f’din il-kappella ma kien hemm ebda kwadru fuq l-altar maġġur li jirrapreżeta t-titlu tal-kappella.
Fil-bidu tas-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin, it-titular li juri lill-Madonna tal-Grazzja tneħħa minn din il-kappella u tpoġġa fil-mużew tas-Santwarju. Minfloku iżżanżan titular ġdid li tpitter minn Rafel Bonnici Cali fl-1974. Dan it-titular juri lil Madonna b’libsa bajda u mant ikħal, wieqfa fuq sħaba b’ħarsitha l’fuq, tielgħa s-sema mwieżna minn żewġ anġli. Madwar sider il-Madonna jidhru faxex imkebbin. Fil-parti t’isfel tal-kwadru hemm speċi ta’ għar li fih qabar miftuħ, b’ liżar mitluq fuq naħa waħda. Taħt l-isħaba, anġlu iżgħar mit-tnejn l-oħra, jidher iferrex ward aħmar u isfar.
Statwi u pitturi oħrajn
F’kull ġenb tal-kappella hemm niċċa. Fuq naħa minnhom hemm statwa tad-Duluri b’Ġesł mejjet, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra hemm niċċa iżgħar bi statwa ta’ Sant’ Antnin kif ukoll kaxxa għall-offerti għall-ħobż tal-istess qaddis. Din l-istatwa kienet ċentru ta’ devozzjoni. Filfatt, mad-dawra tan-niċċa hemm post fejn kienu jitwaħħlu diversi ex-voto, li llum ittieħdu fil-mużew tas-Santwarju. Fil-kappella hemm ukoll sett antik tal-istazzjonijiet tal-Via Sagra. Kien hemm ukoll ħames pitturi ta’ artisti mhux magħrufa, li jirrappreżentaw in-Nattivitą, il-Madonna tar-Rużarju, il-Kurċifissjoni, l-Ecce Homo u lil San Pietru, li llum kollha jinsabu fil-mużew tas-Santwarju.
Opra tal-arti oħra li llum tinsab fil-mużew tas-Santwarju u li kienet tinsab fil-kappella ta’ Santa Marija kien pulptu b’pittura ta’ Santa Marija fuqu.
Post għad-dfin
Fil-bidu tas-snin ħamsin, meta kienet qed tinqala’ l-art biex jitqiegħed il-madum, quddiem in-niċċa ta’ Sant Antnin instabu żewġ skeletri midfuna taħt xriek.
Il-festa
Il-festa ta’ din il-kappella tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu. Achille Ferres isemmi li fis-seklu dsatax kien jingħata kolazzjon lil dawk li kienu jattendu għal din il-festa. Illum din il-festa tiġi ċċelebrata b’quddiesa kantata fis-sebgħa ta’ filgħodu, f’nhar Santa Marija. Fil-jiem ta’ qabel issir quddiesa fil-beraħ u attivitą soċjali għall-familji.
Quddies
Għal bosta snin, f’din il-kappella kien isir quddies ta’ kuljum. Fis-snin sittin kienet issir quddiesa kuljum fis-sitta u nofs ta’ filgħodu li kienet titqaddes mill-patrijiet Karmelitani tal-Fgura. Illum, issir quddiesa fis-sebgħa ta’ filgħodu f’kull jum tal-ġimgħa minbarra nhar ta’ Tnejn. Kull tielet Ħadd tax-xahar, il-quddiesa ssir fis-7:00am ta’ filgħodu bħal Ħdud u l-ġranet l-oħra. .
|
Lezzjonijiet tal-katekiżmu
Qabel infetħet fergħa tas-soċjetą tal-MUSEUM f’Misraħ San Ġakbu, din il-kappella kienet tintuża biex fiha isiru lezzjonijiet tat-tagħlim Nisrani. Jidher li meta nfetħet din il-fergħa dawn il-lezzjonijiet twaqqfu. Lejn l-aħħar tas-snin tmenin reġgħu bdew isiru dawn il-lezzjonijiet, kif għadu jsir sal-lum.
Ċentru Pastorali Santa Marija
Illum din il-kappella tifforma parti miċ-Ċentru Pastorali Santa Marija fi ħdan il-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar. L-għan ta’ dan iċ-ċentru huwa li jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali, pastorali u soċjali li jgħixu fiż-żona Santa Marija, billi janima l-quddies li jsir fil-kappella, jikkordina l-lezzjonijiet tal-katekiżmu u jorganizza l-attivitajiet li jseħħu fiż-żminijiet differenti tas-sena.
|