KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja ta' Santa Marija
"tar-Rokna"
~ Ħal Tarxien ~

Ritratt - Carmelo Garcia

Fin-naħa ta’ fuq ta’ Ħal Tarxien, fi triq Santa Marija, triq li tieħu għal Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, insibu knisja żgħira imma ferm ħelwa ddedikata lil Santa Marija “Tar-Rokna”. Il-maġistrat Joe Cassar, f'artiklu tal-2008, isejħilha "Santa Marija tar-Rocca". Jgħid li billi l-knisja qiegħda f’daħla, il-kelma ‘rocca’ li tfisser blata u fortizza, iddawret f’tar-"Rokna" jew tar-"Rokon".

 

Ritratt - Carmelo Vella

 

Oriġini

Il-knisja hija antika ħafna. Fil-fatt kienet hemm ħafna qabel ma Ħal Tarxien sar parroċċa fl-1592 fi żmien l-Isqof Gargallo. Fir-rapport taż-żjara tal-Isqof Cagliares tal-1619, insibu li din il-knisja nbniet fil-ħmistax-il seklu, għall-ħabta tal-1415 minn Duminka, armla ta' Gentile Azupard (Azzopardi). Din Duminka Azzopardi, għaniet lil din il-knisja b'xi renti u dan sar fi żmien l-Isqof Antonio di Platamone, Isqof Benedittin ta' Malta imlaħħaq mill-Papa Alessandru V. Wieħed u għoxrin sena wara, Ħal Tarxien beda jagħmel mal-paroċċa ta’ Bir Miftuħ u kien biss fl-1592 li Ħal Tarxien sar parroċċa.

Meta Monsinjur Dusina żar l-Knisja ta’ Santa Marija fit-8 ta’ Frar tal-1575 sab li kienet bla rettur, bla renti u bla ħwejjeġ oħra meħtieġa. Minn ġewwa sabilha bibien u altar tal-għuda. Iżda kien hemm benefattur, ċertu Zano Zuppard mill-Birgu, li kellu xi għelieqi li kellu l-obbligu li jagħmel għasar u quddiesa fil-festa. Hu kien il-fundatur ta' din il-kappella filwaqt li Duminka Azzopardi ħadet ħsieb li tforniha bil-ħtiġijiet tagħha skont kif inhu miktub f'kuntratt li kien sar għand in-nutar Salvatore Canchur fl-1508. Din l-informazzjoni nsibuha fil-Vista Pastorali tal-1771-1774 tal-Isqof Pellerano.

Fl-1601, iżda jingħad li dak li bena din il-knisja kien attwalment dan l-istess Zano Zuppard u li l-propjetą li kienet tagħmel tajjeb għall-festa, kellha wkoll tagħmel tajjeb għal ikla għall-kappillan nhar il-festa stess. Din il-propjetą ta’ Zuppard kienet tikkonsisti f’żewġ għelieqi f’Ħal Ġwann, magħrufin bħala Tal-Bur u Ta’ Dobdieba. Fi żjara pastorali li kienet saret fl-1600, naraw li din il-knisja kellha kull ma kien jeħtieġilha inklużi lampier, qanpiena u bibien tal-injam. Il-kappillan ta’ Ħal Tarxien waqt l-istess żjara ipprotesta, għax l-eredi ta’ Zano Zuppard, uliedu Vincenzo u Domenico Azopard, kienu jinvitaw lill-Kappillani Konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann biex iqaddsu f’din il-knisja fil-festa. Għaldaqstant huma kienu qed jirfsu fuq id-drittijiet tiegħu ta’ Kappillan ta’ Ħal Tarxien billi din il-knisja kienet taqa’ fil-konfini tal-parroċċa tiegħu u għalhekk ukoll taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu. Imkien ma kien jidher li din il-knisja ma kenitx taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Għalhekk, dawn iż-żewġ sinjuri kienu ntalbu jirregolarizzaw ruhhom.

Fi żmien Mons. Dusina, l-isem ta' din il-knisja kien tal-Assunzjoni ta' Santa Marija. Jidher li sas-seklu sbatax il-knisja kienet intelqet u kellha bżonn dawra sew, tant li fis-sena 1668, fi żmien il-kapillan ta’ Ħal Tarxien Dun Gan Maria Barbara, kellha tinbena mill-ġdid (Vista Pastorali tal1685-1687 tal-Isqof Davide Cocco Palmieri). Aktar tard fi żmien il-kappillan Dun Ġakbu Murga, din il-knisja tkabbret. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol inħarġu mill-Isqof Cocco Palmieri u minn ġbir m'għand in-nies tar-raħal. Ċertu Ġwanni Dumink Calleja minn Ħal Tarxien kien ukoll wieħed mill-benefatturi tal-knisja f'dan il-perjodu.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-forma ta’ din il-knisja kif narawha llum hi ħelwa ħafna, b’żewġ kampnari tal-istess qies u bejnithom fin-nofs hemm statwa ta’ Marija tiela' s-sema. Fuq wara hemm speċi ta’ koppla zgħira. Dan ix-xogħol sar bejn l-1729 u l-1737.

 

Ritratt - Reyden Mizzi

 

Sar tibdil ukoll, aktar riċenti fl-1909, fil-faċċata tal- knisja. Dan it-tibdil sar fi żmien Dun Frangisk Penza, li għal xi żmien kien il-prokuratur ta' din il-knisja. L-istatwa ta’ Marija Santissima tiela' s-sema nħadmet ukoll dan iż-żmien minn Francesco Faure’, imlaqqam “il-Franku" jew anke “in-Naxxari”, li iżda kien miż-Żejtun. Jingħad li meta nbniet il-faċċata ta' din il-knisja swiet 86 liri Maltin, għalkemm naturalment wieħed ma jistax iqabbel il-flus ta' meta saret il-faċċata mal-flus tal-lum.

Quddiem il-bieb ewlieni hemm zuntier żgħir u kanċell tal-ħadid. Wieħed mill-kampnari għandu tliet qniepen żgħar.

Il-faċċata hija mibnija fuq erba' pilastri ta' stil Toskan u fuq l-entablatura u l-gwarniċun hemm żewġ kampnari li jixbħu ħafna lil dawk tal-Kolleġġjata ta' San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

Minn ġewwa l-kappella għandha pjanta ottagonali b'koppla fuqha u b'kor naqra fond. Fiha nsibu żewġ altari. Il-maġġur għandu kwadru tal-Assunta magħmul fl-1771 minn Rokku Buhagiar (skont il-Vista Pastorali tal-Isqof Pellerano il-kwadru oriġinali ġie mibdul fl-1774) u mdawwar b’perspettiva skulturata b'ħafna anġli u disinji florejali.

Qabel dan il-kwadru kien hemm ieħor li kien juri l-Inkurunazzjoni tal-Madonna u lil San Pawl u San Ġwann il-Battista fuq in-naħa t'isfel. Id-deskrizzjoni ta’ dan il-kwadru nsibuha fil-Visti Pastorali tal-Isqof Balthassar Calgiares bejn is-snin 1621 u 1631 u l-Isqof Alpheran De Bussan bejn l-1736 u l-1740. Dan il-kwadru l-antik kien sar fl-1590 skont il-Vista Pastorali tal-1758-1760 li kien għamel l-Isqof Bartolomeo Rull iżda llum dan il-kwadru hu mitluf u ħadd ma jaf x'ġara minnu.

Interessanti hu l-fatt li t-tema tal-Inkurunazzjoni ta’ Marija mit-Trinitą Mqaddsa kien żvilupp ta’ ħsieb fil-Knisja Kattoloka li sawruh ħassieba bħal San Bonaventura, San Albertu l-Kbir u aktar tard Thomas Kempis. Il-Papa Pawlu V kien tkellem dwar dan fit-tul fil-Kostituzzjoni tiegħu dwar il-Madonna imsejjah “Immensa”, li ġie ppublikat fl-1615. Dan it-titular antik tal-1590 fil-knisja tal-Madonna tar-Rokna huwa wieħed mill-eqdem drabi li nsibu din it-tema bħala titular fuq altar maġġur f’Malta. Din il-pittura kienet għada teżisti anke meta l-knisja reġgħet inbniet bejn l-1729 u l-1737.

 

Ritratt - Reyden Mizzi

 

L-altar l-ieħor hu tar-Rużarju u għandu kwadru antik ferm devot. Kwadri oħra li nsibu f’din il-knisja huma ta’ San Duminku u Santa Katerina. Dawn jidher li qabel kienu jinsabu fil-knisja parrokkjali tal-Lunzjata. Opra oħra sabiħa li nsibu f’din il-knisja hu kurċifiss sabiħ tal-avorju li kien rigal ta’ Dun Frangisk Penza. Dan qiegħed ġewwa niċċa ċkejkna tal-injam li fuq nett iġġib l-arma ta’ Penza.

F’nofs din il-knisja hemm midfun wieħed mill-benefatturi l-kbar tagħha, Lorenzo Bugeja li miet fid-19 ta’ Marzu, 1800. Dan hu l-unika persuna li hemm midfuna f'din il-knisja.

Kwadri Ex Voto

Bħal ħafna tempji oħra Marjani Maltin din il-knisja ta’ Santa Marija kellha devozzjoni kbira. Il-pellegrini kienu jmorru jitolbu biex jaqilgħu xi grazzji u meta kien jiġri hekk, kien hemm min jagħmel xi kwadru tal-wegħda biex jirregalah lil Knisja bħala ringrazzjament lill-Madonna għall-grazzja li jkun qala. Fil-fatt f'din il-knisja kien hemm bosta kwadri żgħar pittura tal-wegħdi jew kif nafuhom ex voto, xogħlijiet li għalkemm mhux kollha għandhom valur artistiku, juru d-devozzjoni kbira li kellhom missierijietna speċjalment il-baħħara lejn il-Vergni Mbierka Mtella' s-Sema. Fost dawn fadal tnejn biss, għax sfortunatemnet l-oħrajn intilfu. Jidher li peress li dak iż-żmien il-Marsa kienet tagħmel ma' Ħal Tarxien, il-baħħara kellhom devozzjoni speċjali lejn din il-knisja.

Wieħed minn dawn il-kwadri juri ġrajja tas-seklu 18 u juri xebba titlob lill-Madonna biex teħlisha mid-demonju li kien daħal fiha. Il kwadru l-ieħor juri lil raġel f'sodda, f'viżjoni li qed jiġi mtella' s-sema mill-Vegni Marija qalb is-sħab. Dan hu kwadru ddatat 15 t'Ottubru tal-1780.

Il-festa ta’ Santa Marija

B’testment tal-10 ta’ Marzu, 1826, għand in-Nutar Massimiliano Troisi Menvelle, il-miżżewġin Andrea u Tereża Mifsud kienu ħallew fundazzjoni biex kull sena jiġu organizzati żewġ festi, waħda nhar Santa Marija u l-oħra tal-Isem Imqaddes ta’ Marija. Dawn kienu jikkonsistu fi Primi u Sekondi Vespri u Quddiesa Kantata.

Konklużjoni

Wieħed jieħu gost jara li din il-knisja għadha miżmuma tajjeb ħafna u kull nhar Santa Marija tiġi armata tajjeb ħafna għall-funzjoni li ssir.

Kitba ta’ Roderick Busuttil minn tagħrif miġbur mill-ktieb "Ħal Tarxien" ta' Vincent Battistino u mill-kotba tal-Kanonku Vincent Borg “Marian Devotions” u “Melita Sacra II”).
Deskrizzjoni arkittetonika ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta’ Carmelo Garcia, Carmelo Vella, Reyden Mizzi u mill-internet.

Ritratt - Reyden Mizzi
Ritratt - Carmelo Garcia
Isqof Luqa Buenos - Mill-Internet
Ritratt - Carmelo Garcia
Tar-Ruzarju - Ritratt - Carmelo Garcia
Ritratt - Carmelo Garcia
Ritratt - Carmelo Garcia
Ritratt - Carmelo Vella

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com