KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Madonna
ta’ Lourdes
 ~ Għajnsielem, Għawdex ~

Ritratt - Joe Brincat

Kull min qatt xi darba mar Għawdex, ma setgħax ma nnutax dik il-kappella ta' stil Neogotiku li hemm fuq l-għolja li tiddomina l-port tal-Imġarr.  Din hi l-kappella ta' Lourdes, li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.
 

Ritratt - Joe Brincat


Nota Editorjali dwar il-kitba

Madwar 50 sena ilu, Patri Lett. Accursio Xerri, Franġiskan (1915-1968), kiteb artiklu dwar l-istorja ta' din il-kappella.  Aħna ġibnieħ kważi eżatt kif inkiteb 50 sena ilu, għajr għal xi notamenti ħfief minn sorsi oħrajn [dawk fi brackets kwadri], deskrizzjoni arkitettonika ħafifa u xi żieda riċenti tal-istorja ta' Dar Ġużeppa Bugeja li hemm biswit il-kappella.  Għaldaqstant wieħed irid jaqra u japprezza din il-kitba fid-dawl taż-żmien li nkiteb fih.

Waħda mir-raġunijiet għalfejn l-artiklu ħallejnieħ kif kien, apparti minn xi korrezzjonijiet fl-ortografija, kienet għaliex għandu stil letterarju li llum qajla għadu jintuża.  Fih għadd ta' sentenzi twal li kultant jagħmlu paragrafu sħiħ mingħajr qtugħ.  Fih ukoll għadd ta' metafori xi ftit jew wisq bombastiċi u anke xi kliem arkajiku li attwalment ma jżidu xejn informazzjoni dwar is-Santwarju.  Iżda mill-banda l-oħra jagħtina stampa ta' Għawdex madwar ħamsin sena ilu, l-aktar bħal meta jissemma’ l-M.V. Princess Melita li dak iż-żmien kien jintuża biex jaqsam bejn Malta u Għawdex u l-indikazzjoni ta' kemm kienu popolari l-pellegrinaġġi snin ilu.  Minkejja l-istil tiegħu, il-kitba hi ta' min jaqraha u jippreservaha bħala parti mill-istorja ta' dan is-Santwarju f'Għawdex.

Il-kitba ta' patri Accursio Xerri

Id-Djoċesi t'Għawdex kienet minn tal-ewwel li laqgħet il-messaġġ ta' Lourdes u li ħeġġet fost il-kleru u l-fidili tagħha d-devozzjoni lejn is-Sinjura l-Bajda tal-Pirinej.   U Għawdex kien tassew ixxortjat li kellu jkollu l-grazzja li jkun l-ewwel fost iż-żewġ Gżejjer Maltin li jibni kappella l-iżjed ħelwa lill-Immakulata miqjuma bl-isem ta' fejn dehret liċ-ċkejkna Bernardetta.

Inti u ġej bil-vapur lejn Għawdex bilkemm tilħaq taqsam il-fliegu tal-Marfa li b’ħarstek ma tintlaqatx minn kampnar tawwali fuq daqsxejn ta' knisja Gotika. U meta tibda toqrob lejn il-qala tal-Imġarr inti tilmaħ fuq ġemb il-għolja, għar kbir, imħaffer miż-żmien u mxebblek minn kull naħa bil-weraq il-liedna. F'dan il-Għar tfeġġ tbajjad l-istatwa kbira tal-Madonna ta' Lourdes.
 
Il-ħsieb tas-Santwarju

Minn żrnien qadim ħafna, f'dan l-għar kien hemm xbieha tal-Madonna, taħt it-titlu ta' Kewkba tal-Baħar, xbieha li llum tinsab f'niċċa fil-Pjazza ta' Għajnsielem, kantuniera ma' triq Għajnsielem.

Jingħad li mar-rabgħa mlaqqam ta' Kortin, fejn illum jinsab is-santwarju ta' Lourdes, kellu l-maqjel tal-bhejjem it-twajjeb Anġlu Grech, raġel devot kbir tal-Madonna, li skont it-tradizzjoni darba dehrietlu [il-Madonna] waqt li kien jisqi l-bhejjem fil-għajn ta' Għajnsielem u qaltlu biex iwaqqfilha statwa fil-qalba tar-raħal taħt it-titlu ta' Loretu.

Kif dehret il-Madonna f'Lourdes u l-Isqof ta' Tarbes flimkien mal-lsqfijiet l-oħra ta' Franza approvaw dawn id-dehriet, mid-dinja kollha bdew jitilqu pellegrinaġġi għall-Grotta ta' Massabielle. Bosta kienu dawk li mill-Gżejjer tagħna kienu jieħdu sehem fil-pellegrinaġġi Taljani jew li jitilqu weħidhom. Fost dawn insibu lill-isqof t'Għawdex monsinjur Pietru Pace, li kif reġa' lura mqanqal minn dak li ra b'għajnejh, mhux biss fittex dejjem iżjed iħeġġeġ id-devozjoni lejn il-Madonna ta' Lourdes ġa mxerrda ġmielha mill-Isqof ta' qablu il-monsinjur Antonio Grech Delicata.  Beda jaħseb ukoll fejn isib l-aħjar post biex jibnilha Santwarju li jkun jista' jiġbed il-qlub tal-Għawdxin kollha.

Ħabat li wieħed sinjur Għawdxi, li kien miegħu fil-pellegrinaġġ, kif kien tiela’ darba mix-Xatt ġie milqut mis-sies ta' taħt ir-rabgħa tal-Kortin u dlonk ħaseb biex itarraf xi ħaġa lil monsinjur Isqof.

Monsinjur Pietru Pace ħatafha l-idea għaliex ra li tassew is-sies tal-Kortin kien jixbaħ ferm lil dak ta' Massabiellie, l-aktar imħabba l-għar li kien hemm ġo fih. Imbgħad il-ġmiel naturali tal-post bil-baħar u l-għelieqi mifruxa madwaru u s-swar għolja ta' Chambrai imżersqin għal warajħ, kompla aktar isaħħaħ il-fehma tiegħu li jibni hemm fuq is-Santwarju tal-Madonna ta' Lourdes.

Jingħad li fil-qedem kien hemm il-ħsieb li l-Belt t'Għawdex tinbena fl-inħawi ta' Chambrai. Għalkemm dan il-ħsieb ma seħħx l-isqof Pietru Pace, wieħed mill-aqwa nies li ħarġu mill-gżira Għawdxija u li dejjem żamm fuq il-quċċata ta' qalbu l-ġieħ tagħha, dejjem emmen bis-sħiħ li l-Imġarr huwa l-arterja ewlenija għall-ħajja ta' pajjiżu. Għalhekk ħabrek bis-sħieħ biex ikun hemm vapur li jżomm servizz regulari bejn Malta u Għawdex. U kien hu wkoll li ħadem kemm felaħ biex iġigħel l-awtoritą ċivili tiftaħ it-triq il-ġdida mix-Xatt għar-Rabat, li hija aktarx l-aqwa biċċa xogħol li saret f’Għawdex qabel ma kellna l-Kostituzzjoni. U issa ma kellux ħlief xewqa waħda: dik li jgħolli fuq is-sies tal-Kortin santwarju lill-Madonna ta' Lourdes, sabiex minn hemm fuq, il-Verġni Immakulata tħares il-port tal-gżira Għawdxija, il-bieb ewlieni li minnu jidħol kull ġid u deni fil-maħbuba art twelidna.

Hekk Għawdex jidher li mħares minn żewġ fortizzi; minn Forti Chambrai li jixhed il-qawwa tal-bniedem, li kbira kemm hi kbira dejjem tista' tintgħeleb minn qawwiet akbar minnha; u mis-Santwarju ta' Lourdes li jixhed il-qawwa t'Alla li qatt ma tista' tintrebaħ. Għalhekk forsi llum Forti Chambrai ġie mneżża mill-kanuni tiegħu, għaliex għall-ħarsien tagħna hija biżżejjed is-setgħa divina tax-Xbejba Lhudija maħtura sa minn dejjem biex tibqa' għal dejjem tisħaq ir-ras tas-serpent infernali.

U dan, l-isqof dun Piet kif kien magħruf fostna, kien jafu sewwa. Għalhekk ma tilefx żmien, bagħat malajr għall-perit Malti, il-kavallier Manweli Galizja u talbu jagħmillu pjanta fuq l-ewwel bażilika ta' Lourdes li hija mibnija fi stil Gotiku.

Mingħajr ma qagħad jistenna li jibda jitla' l-bini tas-Santwarju, biex jiġbed lin-nies lejn il-post maħtur minnu u hekk iqanqalhom iżjed biex  jagħtu xi ħaġa għall-bini, fil-25 ta' Mejju 1879 [sorsi oħrajn jagħtu d-data bħala l-25 ta' Marzu, 1879] qiegħed statwa kbira tal-ġebel li tirrapreżenta lill-Madonna ta' Lourdes fl-għar ta' taħt is-sies, statwa li ġiet imbierka minnu sollennement erba' snin wara, jiġifieri fit-3 ta' Ġunju 1883, quddiem kotra kbira ta' nies li ġew f'pellegrinaġġ minn Għawdex kollu. [L-istatwa ġiet imbierka mill-istess isqof, assisitit minn żewġ kanonċi kapitulari].

Bidu u tmiem tal-bini

Meta nġabret somma flus biex jista' jibda l-bini, fost il-ferħ tal-poplu Għawdxi ġiet imqiegħda minnu [Mons. Pietru Pace] l-ewwel ġebla. Dan kien fl-10 ta' Ġunju 1888. Nistgħu ngħidu li mat-tqegħid tal-ewwel ġebla, l-qlub tal-Għawdxin issaħħru lejn dan il post li ġa beda jiġi mlaqqam minn kulħadd bl-isem ħelu "Ta' Lourdes". U l-bini, immexxi mill-imgħallem Għawdxi Wiġi Vella [Nota: miż-Żebbuġ], magħruf maż-żewġ gżejjer għas-sengħa tiegħu fil-bini tal-knejjes, beda tiela' ġmielu. [Nota: Il-kuntratt tal-art kien sar fit-12 ta' Novembru, 1883.  L-art kien fiha medda ta' 68 qasba u nxtrat għas-somma ta' ħdax-il lira u sitt skudi.  It-tberik tal-ewwel ġebla sar mill-isqof Pietru Pace, mgħejjun mill-kappillan t'Għajnsielem dun Pietru Pawl Galea.  Din l-ewwel ġebla kienet inġarret simbolikament minn Dr. Fortunato Mizzi u mis-Sur Evaristu Castaldi.]

lżda bil-kemm kienet għaddiet sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla, li l-isqof Pietru Pace ma ġiex imlaħħaq Arċisqof ta' Malta. Għalkemm din l-aħbar ferħet minn banda lill-Għawdxin għaliex raw lil kompajżan tagħhom javvanza dejjem fis-sejħa saċerdotali tiegħu, mill-banda l-oħra qalbhom ma setgħetx ma tingħafasx bin-niket tal-firda.

Iżda l-isqof dun Piet, f'ittra Pastorali li ġġib id-data tal-1 ta' Frar 1881, fettex jagħmlilhom il-qalb u jwegħdhom li huwa qatt ma kien sejjer jinfatam minn pajjiżu. U l-istorja tad-Djoċesi t'Għawdex tixhed kemm tassew żamm kelmtu.

Biex ma nitbegħdux mis-suġġett tagħna aħna ngħidu biss li l-arċisqof Pietru Pace minn Malta baqa' jinteressa ruħu mill-bini tas-Santwarju ta' Lourdes li ġie mitmum fis-6 ta' Mejju 1893 [Nota: Sorsi oħrajn jagħtu d-data tas-6 ta' Frar, 1892 – l-aħħar ġebla li tqiegħdet tkun dik fil-kampnar] u mbierek b'sollennitą kbira fis-27 t'Awissu tal-istess sena mill-isqof il-ġdid Għawdxi il-Monsinjur Fra Giovanni Maria Camilleri.  [Nota: Ħafna mill-flus kienu inġabru mill-poplu iżda l-Markiża Anna Bugeja ħarġet is-somma ta' £170.  Nhar it-tberik tal-kappella l-ġida kienet ħadet sehem il-banda La Stella.]

L-ewwel pellegrinaġġ Malti

Dan is-Santwaiju, bil-kampnar twil u l-ħafna gulji żgħar madwaru, ħoloq panorama ġdid fix-xenarju mżewwaq tal-pajsaġġ Għawdxi. Jekk is-sies tal-Kortin kien jixbah lil dak ta' Massabielle, issa l-Għawdxin setgħu jgħidu li għandhom Lourdes fiċ-ċokon f'dik ir-rokna ħelwa ta' pajjiżhom. Imma kien jonqos l-aqwa.  Għalkemm it-tron kien imħejji fil-ġmiel tiegħu, kien jonqos ir-Reġina. Iżda l-arċisqof dun Piet ma kienx jaf jagħmel il-ħwejjeġ bin-nofs. Kien ġa beda jaħseb fuq min sejjer jaqa' meta marret għandu s-sinjura Karolina Mamo Bruno u offriet ruħha biex tagħmel bi spejjes tagħha l-istatwa tal-Madonna ta' Lourdes.

U fis-17 ta' Settembru 1893 l-Imġarr u l-għolja tal-Kortin kienu kollha mżejnin bil-bnadar. L-Għawdxin niżlu bi ħġarhom ix-Xatt meta għal xi l-4 p.m. instemgħu idoqqu ferħana il-qniepen tal-parroċċa ta' Għajnsielem, kif fuq ix-xefaq, bejn Kemmuna u Ras il-Qala tfaċċa l-vapur “Gleneagles". Aktar ma beda joqrob il-vapur, aktar beda jinstema' t-tqassid tar-Rużarju u l-kant ħlejju ta' innijiet lill-Verġni Marija. U issa fuq il-pruwa tal-vapur dehret l-istatwa sabiħa tal-Madonna ta' Lourdes, maħduma mill-magħruf statwarju Malti Karlu Darmanin [l-istatwa li kienet ħalset għaliha is-Sinjura Carolina Mamo Bruno].

Dak kien l-ewwel pellegrinaġġ Malti, organizzat u mmexxi mill-arċisqof Pace innifsu, biex iwassal fl-għammara tagħha lir-Reġina tal-art u tas-sema.

Kif il-vapur daħal fil-port l-Għawdxin infexxew iċapċpu u jgħajtu: "Evviva l-Madonna ta' Lourdes!" Il-vapur beda jsaffar kemm jiflaħ u minn fuq it-Torri u mill-Għolja tat-Tafal bdew iwieġbu wieħed f'wieħed it-tiri tal-maskli, hekk kif l-istatwa ġiet imniżżla mill-pruwa u mqiegħda f'waħda mill-loġoġ li dak iż-żmien kienu jżejnu lix-Xatt tagħna. Wara ftit bdiet il-purċissjoni li ġiet miftuħa minn 18-il tifla liebsin l-abjad b'faxxa kaħla ma’ qaddhom.  Madwar l-istatwa kien hemm erbat itfal bl-ispellizza u sitt sinjuri bit-torċa f’idejhom.  Wara l-istatwa mexa l-arċisqof monsinjur Pietru Pace, imbgħad il-pellegrini b'24 abbati quddiemhom igħidu r-Rużarju. Kienet tassew dehra li ssaħħrek; ma kontx tisma' nifs ħlief dak tax-xofftejn tal-pellegrini fit-tqassid tar-Rużarju.

Kif il-Pellegrinaġġ wasal taħt il-grotta, il-Majjistru Caruana tad-Dumnikani għamel diskors li ħeġġeġ u qanqal lil kulħadd. Imbgħad il-pellegrinaġġ, wara l-bandalora ta' ħarir mill-ifjen, baqa' tiela' lejn is-Santwarju fejn tqegħdet l-istatwa tal-Madonna li għadna nivveneraw sal-lum.

Dan kien l-ewwel pellegrinaġġ kbir li wasal minn Malta fis-Santwarju ġdid tal-Madonna ta' Lourdes: l-ewwel wieħed fil-Gżejjer tagħna.

Pellegrinaġġi oħra

Iżda  ma  kienx tal-aħħar għaliex barra tliet pellegrinaġġi oħra mmexxija mill-istess arċisqof monsinjur Pace, ir-reġistri tas Santwarju  jirreġistraw pellegrinaġġi kotrana li waslu minn Bormla, mill-Birgu, mill-Kalkara, mir-Rabat [ta’ Malta], mill-Ħamrun, minn Birżebbuġa, mill-Imġarr u minn Ħaż-Żabbar, barra mill-pellegrinaġġi kbar li jiġu jżuru lill-Madonna ta' Pinu, u li   ġeneralment ilkoll igħaddu mis-Santwarju ta' Lourdes.

Fit-22 ta' Novembru 1899 waslu f'Għawdex il-Patirijiet Minuri u dawn għażlu biex jibnu l-kunvent tagħhom fil-parroċċa ta' Għajnsielem, fit-triq li mill-Imġarr tieħu għan-Nadur.  Il-Franġiskani, li għandhom dejjem għal qalbhom dak kollu li jmiss mal-Immaknlata, bdew u baqgħu jorganizzaw pellegrinaġġi minn Malta għas-Santwarju ta' Lourdes. Fost dawn insemmu bħala organizzaturi lill-Wisq Reverendu patri Tonin Bajada, lill-Wisq Reverendu patri Bernardo Tabone, lill-patri Djonisju Butiġieġ u lill-patri Alessjo Galea. Patri Bernardo mbagħad tħabat kemm felaħ biex isib benefatturi ħalli jitwaqqfu d-devozjonijiet tad Dehriet.

Dan għal dak li għandu x'jaqsam mal-pellegrinaġġi minn Malta, għaliex minn Għawdex il-pellegrinaġġi ma jaqtgħu qatt. Kienet saret drawwa tat-tfal ta' xi skejjel tal-Gvern li jiġu fid-Dehriet iżuru lill-Madonna flimkien mal-għalliema tagħhom. Xi ngħidu mbgħad għall-kotra ta' qassisin u patrijiet li fid-Dehriet jiġu b’devozzjoni jqaddsu f'dan is-Santwarju. Fost dawn is-saċerdoti jintgħaddu l-isqfijiet ta' Malta u Għawdex, oħrajn barranin, bħall-isqof Sanna għal ħabta tal-ewwel Kungress Ewkaristiku Djoċesan li sar fil-gżira maħbuba tagħna.

Iżda jekk huwa minnu li dan is-Santwarju ta' Lourdes sar kalamita li bdiet tiġbed lejha il-qlub ta' Malta u Għawdex, ma nkunux nitqarqu jekk ngħidu li fil-ħeġġa tad-devozzjoni lejn dan is-Santwarju minn tal-ewwel jiġu l-kleru u n-nies ta' Għajnsielem, li bir-raġun meta nafu kif il-Madonna riedet li dan is-Santwarju jinbena fil-parroċċa tagħhom.

Għajnsielem u s-Santwarju ta' Lourdes

U billi din il-knisja nbniet fil-limiti tal-parroċċa ta' Għajnsielem, kellha skont il-liġjiet tal-Knisja, taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kappillan ta' dan ir-raħal. U aħna naraw kemm il-Kappillani u l-Kleru ta' Għajnsielem kellhom għal qalbhom dan is-Santwarju għażiż tal-Madonna. Is-Santwarju beda jinbena fi żmien il-kappillan il-Wisq Reverendu dun Pietru Pawl Galea, minn Nadur u ġie mitmum sewwa sew f'għeluq il-25 sena li kien ilu ragħaj ta' dan ir-raħal.  Kien dan il-Kappillan li fl-10 ta' Settembru 1883 xtara minn għand il-Gvern 68 qasba raba' bis-somma ta' £11 [Liri Sterlini, li kienu jintużaw f’dak iż-żmien f’Malta] biex fuqu tinbena l-kappella, u ndaħal li jagħmel bi spejjes tiegħu mogħdija li tieħu għall-istess kappella, kif insibu fir-reġistru tal-Public Works Victoria, taħt id-data 10 ta' Settembru 1883.

Tant dan kif ukoll dawk ta' warajh insibuhom jagħmlu minn kollox biex iżommu mħeġġa d-devozzjoni, u għalkemm kif ngħidu 'l quddiem, kellu jgħaddi ż-żmien sakemm naraw id-dehriet u funzjonijiet oħra regolarment imwaqqfa.  Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta' Lourdes fis-Santwarju tagħha dejjem imxiet 'il quddiem, b'mod speċjali meta bdew jiġu maħtura mill-Isqof u mill-Kappillan, saċerdoti mill-parroċċa ta' Għajnsielem biex jagħmluha ta' Retturi ta' dan is-Santwarju.

Nistgħu ngħidu li kienet għadha tinbena l-kappella meta l-kappillan dun Pietru Pawl reħa l-ħsieb tal-bini f’idejn iż-żelanti saċerdot dun Franġisk   Cassar, li baqa' jieħu ħsieb il-knisja sakemm miet. Fl-1906 meta kien Kappillan dun Anton Aquilina, mir-Rabat, ġie msejjaħ biex jagħmilha ta' Rettur il-Wisq Reverendu dun Ġużepp Xuereb, li billi kien joqgħod ix-Xatt, ta' spiss kien iqaddes f'din il-kappella u kien iżomm id-Dehriet bl-aqwa devozzjoni. Fi żmien dan ir-Rettur saret ukoll il-qanpiena l-kbira, li ħareġ il-flus għaliha l-benefattur is-sur Salv Debono, minn Għajnsielem, u li ġiet imbierka   mill-imsemmi kappillan Aquilina.

Kien ukoll f'dan iż-żmien, sewvva sew fis-sena 1916 li saret l-ewwel purċissjoni bis-Sagrament u l-Barka tal-baħar, b'tifkira tal-Kungress Ewkaristiku Internazjonali li sar f’Malta. F'din l-istess sena, jiġifieri fl-1916, ġiet irregalata minn Pellegrinaġġ kbir li ġie minn Bormla, Via Crucis sabieħa, li mbgħad ġiet imwaqqfa mir-reverendu patri Mikiel Theuma, O.F.M.  Maż-żmien din il-Via Crucis ġiet imneħħija għaliex hemm il-ħsieb li ssir waħda mat-triq, li tieħu għas-Santwarju, bħal dik ta' Lourdes.

Wara l-mewt ta' dun Ġużepp Xuereb li ġrat fis-sena 1924, il-kappillan dun Franġisk Mizzi, bil-konferma tal-Isqof, ħatar bħala Rettur lill-Wisq Reverendu is-saċerdot dun Ġużepp Galea Rapa, li ntefa' bil-ħeġġa kollha ta' żogħżitu biex iżejjen dejjem iżjed is-Santwarju tal-Madonna u jkabbar id-devozzjoni billi jorganizza l-funzjonijiet tad-Dehriet u festi oħra kif nafuhom illum.
 

Ritratt - Joe Brincat


Ir-rettur tal-lum [1958, meta nkiteb l-artiklu] u l-ħajja ġdida tas-Santwarju

Mela r-Rettur tal-lum [1958] ġa ilu 34 sena jieħu ħsieb is-Santwarju ta' Lourdes. U l-opri li twettqu matul din il-medda ta' snin jagħtu xhieda mill-isbaħ taż-żelu u tal-inizjativa tiegħu.

Beda biex dawwar b'reċint u kanċell tal-ħadid il-grotta t'isfel u bena altar tal-ġebel quddiemha biex ikun jista' jsir quddies fil-beraħ fl-okkażjoni ta' xi pellegrinaġġi kbar. Ħawwel siġar u mixtliet tal-fjuri biex aktar tikber u tisbieħ il-prospettiva tal-grotta. Qata' l-blat u fetaħ iż-żewġ torġien li jduru mal-għolja tal-Kortin u jeħduk għas-Santwarju. Fuq l-istess stil tal-knisja bena s-sagristija li tkun tista' tilqa' s-saċerdoti. Is-Santwarju żebgħu u  ddekorah mill-ġdid; sgraftja bid-deheb l-istatwa tal-Madonna; ġieb statwa ħelwa ħafna ta' Santa Bernardetta; għamel altar ġdid tal-irħam b'ħafna dekorazzjonijiet tal-bronż li huwa l-ġmiel tiegħu; ġieb tagħmira gandlieri u lampier tal-metall maħduma fuq l-istil gotiku tal-knisja; għamel apparat ġdid tal-lama mill-iżjed fina; ġieb armonju kbir biex fuqu jiġi akkompanjat il-kant tal-pellegrini u l-funzjonijiet l-oħra; biex jaqta' l-ħsejjes żejda tas-siġġijiet ordna bankijiet kbar u komdi għall-fidili; ħaseb għall-istallazzjoni tal-luċelettrika u ta' kull sena fittex idur il-knisja minn barra biex ma jħallix l-arkitettura tittiekel mill-melħ tal-baħar.

Dawn l-opri li semmejna f'ġabra ħafifa mingħajr ma qagħdna nieqfu fuq il-valur tagħhom huma biżżejjed biex jagħtu xhieda tat-tħabrik u tal-bżulija ta' dun Ġużepp Galea Rapa. Iżda aħna nqisu li l-aqwa ħidma ta' dun Ġużepp tinġabar fl-organizzazjoni li biha saħħaħ u kabbar id-devozzjonijiet u l-funzjonijiet tas-Santwarju.

Nibdew biex insemmu id-Dehriet. Fi żmienu, barra minn Quddiesa Kantata u l-quddies tal-ħin bi tqarbina ġenerali, bdiet issir funzjoni u priedka fil-għaxija, li għaliha jattendu bosta pellegrini minn Għawdex kollu. Fil-11 ta' Frar imbgħad, li taħbat l-evvwel Dehra, barra l-Quddiesa Kantata minn Monsinjur tal-Katidral u li fiha jservu s-Seminaristi, barra l-quddies tal-ħin bis-supplika fl-aħħar quddiesa, iqaddes Quddiesa bi tqarbina ġenerali l-Eċċellenza Tiegħu monsinjur Isqof.  Issir ukoll ġurnata espożizjoni li tingħalaq fil-għaxija bil-Benedizjoni Sagramentali mill-istess Eċċellenza Tiegħu.

Kulħadd jaf li l-missjoni tal-Madonna ta' Lourdes kienet u għada li tlaqqa' lill-erwieħ ma' Binha Ġesł moħbi fl-Ewkaristija. Iċ-ċentru tal-ħajja devozjonali ta' Lourdes hija l-Ewkaristija. U dun Ġużepp, biex madwar is-Santwarju tagħna joħloq din l-atmosfera Ewkaristika, bħala tifkira tal-aħħar Dehra jorganizza ta' kull sena f'wieħed mill-Ħdud ta' Lulju purċissjoni bis-Sagrament li tinżel mis-Santwarju għall-grotta u terġa' lura sabiex minn tribuna mħejjija apposta quddiem il-knisja tingħata l-benedizzjoni tal-baħar. Din il-funzjoni, li tkun immexxija minn monsinjur Isqof, hija suġġestiva ħafna, għaliex barra mill-priedka li issir fil-beraħ, jieħdu sehem fiha bosta saċerdoti bil-pjaneti, u tiġbed folol kbar ta' nies minn Għawdex kollu.

Barra id-Dehriet bdiet issir ukoll il-festa ta' Santa Bernardetta u fis-6 ta' Frar 1931 waqqaf id-devozzjoni tal-Medalja Mirakoluża.

Ta' kull filgħodu mbagħad, kif il-vapur tal-Marfa jibda' riesaq lejn il-qala tal-Imġarr, il-leħen ħlejju ta' qanpiena ċkejkna jinstema' jidwi fuq il-mewġ kaħlani biex ifakkar lil kull min jasal minn Malta li s-Sinjura l-Bajda tal-Pirinej qed tistennieħ fis-Santwarju tagħha biex tlaqqgħu ma' Binha Ġesł fis-Sagrifiċċju tal-Quddies.

U dawn l-opri u dawn l-inizjativi devozjonali nafuhom kollha lir-Rettur preżenti [1958] dun Ġużepp Galea Rapa, li għalkemm għandu fuq spallejħ ir-responsabiltą xejn ħafifa tal-Istitut ta' San Ġużepp bħala Direttur tiegħu, għalkemm b'ħidma iebsa, flimkien ma' sħabu tal-Istitut, irnexxilu jagħti lid-Djoċesi waħda mill-isbaħ opri bil-bini kolossali tal-Istitut il-ġdid, għadu dejjem jippjana f'moħħu opri ġodda u devozzjonijiet ġodda għas-Santwarju għażiż tal-Madonna ta' Lourdes.

Bosta l-għotjiet u l-ex-voto li ġew mogħtija lill-Madonna ta' Lourdes, huma meqjuma f'dan is-Santwarju. Barra l-bosta xama' iffjorit li bihom kienu jkunu miksija l-ħitan tal-knisja, insibu ħafna oġġetti tad-deheb u tal-fidda, ngħidu aħna ġiżirani, brazzuletti, ċriket u msielet li ġew mibjugħa bil-permess ta' Ruma, biex setgħu jsiru xi opri fil-kappella. Fost ħwejjeġ oħra ta' valur, fil-knisja hemm pissidi għani, mogħti mill-ewwel Pellegrinaġġ Malti u kalċi tal-fidda miġbur minn fuq il-m.v. Princess Melita.

Dejjem 'l quddiem

Issa dħalna fil-Festi Ċentinarji tad-Dehriet. U jekk wara l-appell tal-Papa, id-dinja kollha tinsab imħejjija biex tiċċelebrahom kif jixraq f'unjoni spiritwali mal-Belt tal-Madonna, Lourdes, dun Ġużepp ma baqax lura, imma ġa għandu f’moħħu u f'qalbu programm sħiħ ta' Festi, li bil-għajnuna tal-Madonna u bil-kollaborazzjoni ta' xi ftit ħbieb li jifhmuh beħsiebu jwettaq matul din is-sena Marjana.

Il-Kappillan preżenti [1958] tal-Parroċċa ta' Għajnsielem, il-Wisq Reverendu kanonku dun Spedit Tabone, sa mill-ewwel jum tal-pussess qallhom lill-parruċċani tiegħu li l-ewwel ħaġa fil-programm tal-ministeru bħala Ragħaj tagħhom kellu ż-żjara jekk jista' jkun ta' kuljum lis-Santwarju ta' Lourdes. U ma setax jonqos għaliex dun Spedit sa minn ċkunitu kellu devozzjoni speċjali lejn dan is-Santwarju.

Meta ngħaqdu din id-devozzjoni mal-enerġija u l-inizjativa tiegħu ma nistgħux ma nbassrux li l-festi Ċentinarji fis-Santwarju tagħna ikunu tassew suċċess għall-akbar glorja tal-lmmakulata u għall-ġid tal-erwieħ.

Aħna ġa fil-ġranet li għaddew rajna l-ftuħ ta' dawn il-Festi bi tħejjija fil-parroċċa ta' Għajnsielem u bil-funzjonijiet sbieħ tal-ewwel Dehra fis-Santwarju. Fil-pellegrinaġġi bl-istatwa ta' Lourdes mis-Santwarju għall-knisja parrokjali, u mill-knisja parrokkjali lura għas-Santwarju rajna kif in-nies ta' Għajnsielem huma qaqoċċa mar-Rgħajja tagħhom spiritwali; u l-ħeġġa tar-Rettur flimkien ma' dik tal-Kappillan tatna garanzija ta' ħajja ġdida mimlija b'opri u inizzjvtivi ġodda għas-Santwarju tagħna li, bħalma ktibna darba, bil-ħeffa u l-bizzilla tal-istil gotiku tiegħu jgħola 'l fuq bħal talba mġebbla li ma' nifs ir-ruħ tintilef fis-sema, hemm fejn il-Fidi u t-Tama jiddewbu biex weħidha, tibqa' tixgħel l-Imħabba.

Għawdxin, kif ħeġġiġna l-maħbub Isqof tagħna l-monsinjur Ġużeppi Pace, li 9 snin ilu, sewwa sew fid-19 ta' Frar 1949 kellu x-xorti jikkonsagra s-Santwarju ta' Lourdes mibni 56 sena qabel mill-qatt minsi zijuħ l-isqof Pietru Pace u li jaħtaf kull okkażjoni biex iżur u jiffunzjona f'dan is-Santwarju hekk għażiż u għal qalbu, infittxu, b'mod speċjali din is-sena li nżuruh f'pellegrinaġġi ta' ħajr u mħabba, u nitolbuha lil Madonna ta' Lourdes li mliet id-dinja bil-għeġubijiet tagħha.

Deskrizzjoni arkitettonika

Il-kappella nbniet fuq pjanta tal-perit kavallier Manweli Galizia fuq stil neogotiku. Dan il-perit kien magħruf għal dan l-istil u fost l-aqwa xogħolijiet tiegħu bi stil neogotiku nsibu ċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-knisja tal-Karmelitani fil-Balluta.  Bħala rikonoxximent għax-xogħol fuq din il-kappella ta’ Lourdes, il-Papa Ljuni XIII taħ it-titlu ta' Kavallier ta' San Gregorju l-Kbir.

Din il-kappella nbniet bil-ġebla tal-franka u fiha ħafna lavur fuq barra.  Għandha kampnar wieħed li qiegħed fuq in-naħa ta' wara tal-kappella.  Il-qniepen jikkonsistu f'sett ta' ħamsa magħmulin mill-bronż u nħadmu l-Olanda.  Dan is-sett idoqq in-noti tal-Ave Maria ta' Lourdes.  L-arloġġ tal-kampnar fih erba' kwadranti u l-minutieri huma ndurati bid-deheb ta' sbatax-il karat.

Minn ġewwa l-knisja hija anqas elaborata għax fiha twieqi kbar.  Hi maqsuma fi tlett partijiet: dik fejn joqgħodu l-fidili, dik fejn hemm l-altar u dik wara l-altar li tagħti għas-sagristija.  Fiha altar wieħed, maħdum fl-irħam minn Ġużeppi Spampinato Tabone fuq disinn tal-kavallier Vincenzo Bonello.  Dan l-altar tbierek mill-isqof Ġużeppi Pace fis 27 ta' Novembru tal-1947 u sewa madwar £850.

Fil-knisja hemm ukoll statwa ta' Santa Bernardetta li ġiet imbierka nhar l-14 ta' Frar tal-1934.  Din l-istatwa kienet inagħtat mill-Maltin li dawk iż-żminijiet kienu qed jgħixu f'Ruma.

Id-Dar Ġużeppa Debono

L-istorja tad-Dar Ġużeppa Debono, dar għal tfal abbandunati, hija wkoll parzjalment magħquda mal-istorja ta' din il-kappella u għalkemm l-artiklu oriġinali ta' Patri Accursio Xerri ma jsemmi xejn fuqha, ta' min ngħidu xi ħaġa dwarha wkoll.

Il-problema ta' tfal abbandunati kienet kibret f'Għawdex meta fl-1864 inagħlaq l-isptar San Ġiljan, li kien jieħu ħsieb it-tfal abbandunati.  Fl-1935, xebba twajba mir-Rabat, Ġużeppa Debono, bdiet tieħu ħsieb dawn it-tfal hi stess fid-dar tagħha biex b'hekk tat bidu għal dik li llum tissejjaħ id-Dar ta' Lourdes.  Din id-dar serviet sew fiż-żmien ta' qabel l-aħħar gwerra [it Tieni Gwerra Dinjija] biex tieħu ħsieb trabi abbandunati li kieku kienu jmutu.  Wara l-gwerra, it-talbiet biex jitqiegħdu tfal f'din id-dar kibru, iżda Ġużeppa ma setgħetx tibqa' ġġor il-piż ta' dawn it-trabi abbandunati weħidha hi.   Il-monsinjur Ġużeppi Pace, l-isqof t'Għawdex ta' dak iż-żmien offra l-għajnuna tiegħu sabiex din l-opra tal-ħniena ma tiqafx ħesrem.

L-isqof Pace bena dar ġdida biswit is-Santwarju ta' Lourdes fuq il-post tal-Imġarr.  Din id-Dar infetħet mill-isqof Pace innifsu nhar l-24 t'Awwissu tal-1947.  U minn dak iż-żmien 'l hawn, id-Dar kienet dejjem tinżamm u tittejjeb mid-djoċesi t'Għawdex.

Sal-1956, Ġużeppa kienet xjaħet wisq biex tkompli tamministra d-dar hi u għalhekk l-Isqof iddeċieda li jgħaddi l-amministrazzjoni tagħha lis-sorijiet Dumnikani f'Malta.  Dan kien fi żmien meta l-ekonomija ta' Malta kienet għaddeja minn taqlib sħiħ biex toħroġ mit-tbatija ta' wara gwerra u s-sorijiet Dumnikani ġieli anke għaddew minn problemi finanzjari kbar sabiex ikunu jistgħu anke jitimgħu dawk it-trabi li kienu qiegħdin jieħdu ħsiebhom.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, madwar 100 soru Dumnikana servew f'din id-Dar.  Fl-1968 id-Dar tkabbret sabiex tkun tista' tilqa' aktar talbiet biex jitqiegħdu tfal fiha.  Ġeneralment kien ikun hemm madwar 30 tfal fid-dar u hu stmat li mill-anqas 300 tfal għaddew minn din id-Dar taħt idejn Ġużeppa u aktar tard is-sorijiet Dumnikani mill-1935 'l hawn.

Sfortunatament fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin din id-Dar kienet fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena.  Fl-1999 bdew joħorġu xi allegazzjonijiet ta' mġieba ħażina fid-Dar fis-snin 70 u 80 tas-seklu għoxrin.  Meta il-monsinjur Mario Grech sar l-isqof il-ġdid ta' Għawdex fl-2006, fetaħ inkjesta dwar il-każ.  Ir-rapport tal-inkjesta tlesta fis-sena 2008 u l-pubblikazzjoniji tiegħu ikkonfermat dak li kien qed jiġi allegat.

Il-Ministeru tal-Politika Soċjali immedjatament ċaqlaq lit-tfal li kien għad hemm ġo fih f'istituzzjonijiet oħrajn f'Malta.  Għal xi żmien, x'kien ser jiġri mid-Dar ma kienx deċiż.  Kien hemm min qed jgħid li għandha ssir dar għall-anzjani filwaqt li oħrajn kienu qed jgħidu li għandha terġa' ssir dar għat-tfal abbandunati iżda bi tmexxija ġdida professjonali peress li m'hemmx dar bħal din f'Għawdex.

Dar Ġużeppa Debono llum

Illum, Dar Ġużeppa Debono ittrasformat ruhha f’entitą tal-Knisja u organizzazzjoni mhux governattiva li tipprovdi għajnuna għall-ommijiet u l-missirijiet waħedhom, u li tippromwovi l-valuri tal-ħajja sa mill-konċepiment u l-importanzata' relazzjonijiet b'saħħithom fil-ħajja kollha.

Immexxija mill-voluntiera, Dar Ġużeppa Debono tipprovdi residenza, appoġġ u għajnuna professjonali f'kollaborazzjoni ma' aġenziji oħrajn  għal ommijiet waħedhom, missirijiet u l-familji rispettivi tagħhom. Jorganizzaw ukoll seminars favur il-ħajja fl-iskejjel u fil-parroċċi.

Dan isir sabiex jagħtu appoġġ lill-ommijiet waħedhom li ġeneralment huma taħt xokk bl-aħbar ta' tqala mhux mistennija, u jedukaw żgħażagħ u adulti biex jitgħallmu jirrispettaw lilhom infushom u l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

Dar Ġużeppa Debono joffru wkoll servizz residenzjali lill-ommijiet adolexxenti li jixtiequ li jkollhom residenza alternattiva barra d-dar tagħhom. L-għan ewlieni huwa li tingħata l-privatezza meħtieġa lill-omm adolexxenti biex hekk tiġi meħlusa mill-pressjonijiet soċjali li jista' ikun hemm. Din ir-residenza alternattiva tgħin lil ommijiet adolexxenti billi toffrilhom ambjent kwiet u sigur fejn jistgħu joqogħdu.

Huma jorganizzaw laqgħat biex jagħtu appoġġ lill-koppji li jkollhom jew qed jistennew tarbija barra ż-żwieġ. Matul dawn il-laqgħat il-koppji jiġu mgħallma dwar il-fażijiet varji fir-relazzjoni tagħhom u jiġu megħjuna jidentifikaw liema fażi bħalissa huma qegħdin fiha. Il-koppji huma megħjuna jadattaw ruħhom għall-bidla kbira f'daqqa li tarbija ġġib magħha. Dawn huma mgħallma l-modi differenti ta' kif jittrattaw mal-kunflitt u kif jistgħu jaffaċċjaw il-ħafna sitwazzjonijiet li jistgħu jsibu ruħhom fijhom. Il-valuri tal-koppja huma diskussi wkoll.

Kitba ta’ Patri Lett. Accursio Xerri OFM.  Xi informazzjoni oħra ttieħdet minn ġurnali nazzjonali u minn artiklu tas-sur Justin Luke Buttigieg li deher fil-programm tal-festa t'Għajnsielem tal-Banda ta' San Ġużepp fis-sena 2008.
Ritratti ta’ Joe Brincat, Nikol Ciantar u mill-Internet

Ritratt - Nikol Ciantar
Ritratt - Nikol Ciantar

Accursio Xerri OFM

Ritratt - Joe Brincat
Isqof Pietru Pace
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat
Ritratt - Joe Brincat

Perit Emanuel Galizia

Dar_Guzeppa_Debono_logo
Ritratt - Joe Brincat
GleneaglesAndMVPrincessMelita
Ghajnsielem - ta' Loreto
Ritratt - Joe Brincat

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017