Meta wieħed jitlaq mil-Victoria u jmur lejn il-Munxar, f'nofs triq li hi msemmija għal Santa Dminka, jintaqa' ma’ binja sabiħa u imponenti. Din hija d-Dar tal-Irtiri ddedikata lill-Madonna ta' Manresa u San Injazju ta' Loyola. Din inbniet mill-isqof Ferdinando Mattei bejn is-snin 1810 u 1822 biex fiha jkunu jistgħu jsiru l-irtiri għall-kleru u kif ukoll għal-lajċi.
Din il-binja kienet iddisinjata mill-kanonku Salvatore Bondi'. F'dan il-bini tinsab kappella mill-isbaħ li hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa. Fl-1953 din id-dar għaddiet taħt it-tmexxija tal-Ġiżwiti u llum hi post ta' paċi, talb u riflessjoni mfittex ħafna minn dawk li jkunu jridu jqattgħu ftit jiem ta' irtir spiritwali.
![Ritratt - Anthony M. Brincat Manresa facade Ritratt - Anthony M. Brincat Manresa facade](../../../Il-Kappelli/Sett13/VCT_Manresa/Ritratt---Anthony-M_93.jpg) |
Għaliex Manresa
Id-dar u l-kappella jġibu dan l-isem għaliex San Injazju il-kiteb l-Eżerċizzi Spiritwali waqt li għal ħdax-il xahar fis-sena 1522 hu kien qed jgħix f'għar barra l-belt ta' Manresa fi Spanja. Hu kien iqatta' ħafna ħin f'dan l-għar qrib ix-xmara Cardoner. Tradizzjoni tgħid li kienet il-Madonna stess li ddettat l-Eżerċizzi lil San Injazju. Għalhekk kważi kull dar tal-irtiri li għandhom il-Ġiżwiti hi ddedikata lill-Madonna ta' Manresa.
Qabel l-1810
F'dan il-post qabel l-1810 kien hemm kappella oħra li kienet iddedikata lil San Martin ta' Tours. Din kienet inbniet min-neguzjant Giovanni Cumbo fil-bidu tas-seklu sbatax minflok oħra li kien hemm qabel. Il-kappella kienet ukoll magħrufa bħala ta' Santa Dminka (Domenica) għax fiha kien hemm statwa tal-ġebel ta' din il-qaddisa martri. Din kienet ittieħdet hemm minn kappella troglodita li kien hemm qrib ix-Xlendi, u li kienet ipprofanata mill-isqof Balaguer fl-1657. Fil-kappella ta' San Martin għal xi żmien kien hemm ukoll devozzjoni kbira lejn il-Madonna tal-Ħerba, u infatti fid-Dar wieħed għad jista' jara żewġ kwadri ex-voto tal-Madonna taħt dan it-titlu.
Il-kappella
Il-kappella ta' Manresa tbierket mill-Vigarju Ġenerali, il-Monsinjur Emmanuel Rossignaud fl-20 ta' Lulju 1833 u l-isqof Mikiel Gonzi, li dak iż-żmien kien l-Isqof ta’ Għawdex, ikkonsagraha fil-15 t'Ottubru 1931. Il-kappella tinsab fuq ġewwa tad-Dar u wieħed jidħol għaliha minn żewġ bibien li hemm fil-faċċata tad-Dar. Dari kien hemm dħul mill-bieb li kien hemm fin-nofs, iżda dan llum hu magħluq. Il-kappella, waħda mill-isbaħ fil-gżira Għawdxija, hi mibnija fuq pjanta ottagonali, bi tmien pilastri Doriċi għoljin li jerfgħu erba' arkuni u erba' pendentivi. Fuq dawn jitla' ċ-ċirku tal-koppla, li iżda qatt ma nbniet u li hi magħluqa minn saqaf ċatt tal-konkrit. Bejn il-pilastri nsibu erba' bibien, li tnejn minnhom għandhom niċċa warajhom.
![Ritratt - Anthony M. Brincat Manresa int 1 Ritratt - Anthony M. Brincat Manresa int 1](../../../Il-Kappelli/Sett13/VCT_Manresa/Ritratt---Anthony-M_94.jpg) |
Fil-kappella barra l-altar prinċipali hemm żewġ altari oħra ddedikati lil San Ġilormu u lil San Pawl Eremita. L-altar prinċipali jinsab f'kor naqra fond li fuqu hemm saqaf troll b'żewġ twieqi fil-ġenb u arzella. Fil-kappella nsibu ħafna skultura fil-ġebla Maltija, bħal dik li hemm madwar it-titular, fuq il-bibien u fil-kapitelli tal-pilastri. Fuq il-faċċata tad-Dar hemm kampnar b'qanpiena waħda, taħtu l-arma tal-isqof Mattei. Fuq il-bieb (llum magħluq) hemm irħama li tfakkar il-bini tad-dar.
|