KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Vitorja
~ Naxxar ~

Madwar Malta u Għawdex hawn għadd ta’ kappelli mxerrdin ma’ kullimkien. Dan minnu n-nifsu mhux stramb meta tara li għandna 2000 sena ta’ tradizzjoni Nisranija miksura biss bis-snin tal-ħakma Għarbija fi żmien il-Medju Evu bikri. Li hu ftit stramb iżda huwa l-għadd ta’ kappelli li f’xi lokalitajiet imissu ma’ xulxin. Wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li l-ħtieġa primarja għal bini ta’ kappelli ħdejn xulxin ma kinitx il-ħtieġa prattika tal-bżonn li jkun hemm lok fejn isir il-quddies f’dak il-lokal għax f’dak il-każ, knisja waħda kienet tkun biżżejjed. X’aktarx, il-ħtieġa kienet tkun aktar waħda ta’ bżonn ta’ espressjoni ta’ kult partikolari fl-inħawi.


Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

Il-kappella tal-Vitorja fin-Naxxar hija waħda minn dawk il-kappelli tewmin. Hija tmiss mal-kappella ta’ Santa Luċija (fuq ix-xellug tagħha) u tinsab fi Triq Santa Luċija li hija msemmija għall-istess kappella.  Mhux minn dejjem kienet iddedikata għat-Twelid tal-Madonna (il-“Vitorja”). Fil-fatt monsinjur Dusina, fir-rapport tiegħu tal-knejjes tan-Naxxar fl-1575, jikteb li kienet iddedikata lill-Assunta, jiġifieri t-Tlugħ fis-Sema tal-Madonna. Iżda sal-1588 jidher li kienet inbidlet id-dedika għal dik tat-Twelid tal-Madonna, il-Vitorja.

Dusina kien sab din il-knisja nieqsa minn kollox għajr għall-altar u l-paviment. Huwa kien ordna li jekk ma jsirulhiex il-bibien tal-injam, ma kellu jsir l-ebda quddies fiha anke jekk il-Kappillan tan-Naxxar kien iqaddes fiha nhar il-festa tagħha. Ftit snin wara, fil-viżta pastorali tal-isqof Gargallo tal-1594 insibu li l-kappella kienet reġgħet ġiet iddedikata, fil-fatt lit-Twelid tal-Madonna.

Fil-bidu tas-seklu sbatax, il-kappella ġiet deskritta bħala ‘oħra antika’, żgħira u li kien hemm bżonn tikber. Għaxar snin wara, l-Isqof Cagliares irrapporta li kienet reġgħet inbniet mill-ġdid. Huwa jikteb ukoll li kellha pittura li kienet turi lill-Madonna ma’ San Ġwann u San Pawl.

Kien hawn min ħaseb li din il-kappella setgħet kienet isservi bħala parroċċa antikament billi jeżisti dokument li jsemmi għalqa mħollija għall-kappella tat-Twelid tal-Madonna. Iżda huwa ċar li dan id-dokument qed jirreferi għall-kappella oħra li kienet twaqqgħet mal-bini tal-knisja l-ġdida fil-bidu tas-seklu sbatax. Huwa veru iżda li fil-festa tat-8 ta’ Settembru kienet issir purċissjoni minn din il-kappella sal-knisja parrokkjali.  Dan għandna nifhmu kien isir qabel ma bdiet issir il-purċissjoni kif nafuha llum. 

Prokuraturi tal-kappella

L-ewwel prokuratur ta’ din il-kappella li niltaqgħu miegħu kien dun Ġwann Dumink Camilleri f’nofs is-seklu tmintax. Dan il-qassis kien ħalla għalqa żgħira magħrufa bħala Ta’ Ħabba Gibbon, li kienet ġo sqaq fi Triq Santa Luċija. Il-kappella kellha żżomm skud fis-sena u li jibqa’ jsir quddies lett għall-intenzjoni tiegħu bi ħlas ta’ tari aktar fuq ir-rata kurrenti. Il-kappella kellha xi kapital ieħor ukoll. Sa mill-1742 Giovanni Debono kien iħallas interessi ta’ skud u tliet tari fuq somma mislufa lilu ta’ 25 skud. Din baqgħet għaddejja sal-1794 meta s-somma tħallset lura. Iżda l-kobta tal-kontijiet juru li ma tantx kien hemm kapital f’dawn is-snin. F’jum il-festa l-ġabra kienet tlaħħaq biss 10 tari. Dħul globali ta’ għaxar snin kien ta’ 52 skud 9 tari.

B’danakollu xorta kienu qed isiru xi affarijiet. Hekk, fl-1761 tħallset is-somma ta’ 28 skud u 8 tari biex jitranġa l-post fejn titqiegħed il-qanpiena fuq il-bejt. Fl-1765 saru sitt gandlieri tal-injam u salib bil-pedestall li qamu 12-il skud. Ma’ dawn kienu nxtraw 18-il vażett għall-fjuri. Wara, il-gandlieri ġew indurati bil-fidda għas-somma ta’ 8 skudi. Fl-1767 tħallsu 4 skudi u 7 tari biex sar armarju fejn kellhom jintrefgħu.


Ritratt - Caroline Busuttil


Wara dun Ġwann Dumink niltaqgħu ma’ dun Salv Sammut bħala prokuratur. Dan serva għal ħafna snin bejn l-1760 u l-1778. Fi żmienu kienu saru l-gandlieri li semmejt qabel. F’dan iż-żmien, fil-festa kien isir għasar u quddiesa letta u mixegħla tal-lampier. Dan kien obbligu, fuq post qrib il-kappella mogħti b’dota lil Paolica, bint Ġużeppi Borg. Maġenb din id-dar kien hemm għalqa żgħira, li kienet f’idejn l-eredi ta’ Ġużeppi Decelis li fuqha kien hemm nofs l-obbligu.

Fl-1778 dun Salv għamel talba biex jitnaqqas il-piż tal-quddies li kien imħolli għall-ekskappillan dun Ġakbu Azzopardi u ħuh dun Dumink f’jum il-Festa u fis-sitt festi tal-Madonna.  Sentejn wara, il-prokuratur dun Eugenio Ciappara jesprimi l-opinjoni li l-kappella kellha bżonn ta’ ventartal u pjaneta.

Is-seklu Dsatax

Ftit li xejn nafu fuq l-ewwel snin tas-seklu dsatax. Nafu biss li fl-1811, 25 skud kienu ġew mislufa lil Simeone Attard Ta’ Ħanuta b’interessi ta’ skud fis-sena. L-ewwel prokuratur li niltaqgħu miegħu f’dan l-ewwel nofs tas-seklu dsatax huwa dun Salv Vella. Dan kien ukoll prokuratur tal-kappella ta’ Santa Luċija. Minn hawn ’il quddiem, iż-żewġ kappelli dejjem kellhom l-istess prokuratur.

Skont kuntratt tan-nutar P. Falzon tas-16 ta’ Awwissu 1852, ċertu dun Ġużepp Cachia ħa b’enfitewsi ġnien żgħir ġewwa Ħ’Attard għal 99 sena bi ħlas ta’ skud u żewġ tari fis-sena. Fis-sena 1865, is-sinjura Grazia Bugeja, mart il-Markiż, tat lill-kappella għalqa magħrufa Ta’ Ciappalta li kienet fi Triq Santa Luċija bl-obbligu ta’ quddiesa kantata, u xema’ u żejt fis-sibtijiet kollha ta’ matul is-sena.

F’dawn is-snin sar xi tibdil ukoll. Fl-1852 l-altar li kien hemm fil-kappella ta’ Santa Luċija nbidel u dan l-antik tpoġġa fil-kappella tal-Vitorja. Dan ix-xogħol kien sar minn mastru Ġużeppi Zammit u mastru Michael Cachia. Kienu tħallsu s-somma ta’ 19-il skud, 5 tari u 15-il gran. Fis-sena 1855 saru sitt toroċ ġodda għas-somma ta’ 8 skudi, 11-il tari u 12-il gran. F’dawn is-snin l-aktar li jidhru ħlasijiet kienu dawk għal quddies lett, aktar minn tletin fis-sena!

Mis-seklu Għoxrin sal-llum

Wara, dun Salv Vella beda jieħu ħsieb il-kappella u dam għal ħafna snin ukoll Giovanni Mangion. Ħadu ħsiebha wkoll Giovanni Mercieca u dun Ġużepp Attard sa ma beda Salvu Cortis fis-sena 1936. F’dawn is-snin kollha ftit li xejn insibu tibdil. Fl-1881 kienu tħallsu 15-il lira sterlina għall-gwarniċ tal-ventartal u sena wara sitt liri, tmien xelini u erba’ soldi għal qanpiena ġdida. Fl-1908 kien inbena l-frontispizju. Il-festa f’dawn is-snin kienet tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Settembru b’quddiesa kantata u għasar.

Kellhom jgħaddu ħafna snin sa ma sar xi tibdil ieħor. Fi żmien Salvu Cortis kien sar il-madum tal-art fl-istess żmien meta sar dak ta’ Santa Luċija. Iżda l-kappella rat tibdil kbir fi snin sittin meta beda jieħu ħsiebha dun Karm Catania.  Bejn l-1967 u l-1973 ittranġat il-faċċata, sar taraġ u opramorta; sar bieb ġdid u taraġ għal fuq il-bejt; ittranġa l-bejt u nbniet kamra żgħira għal toilet u ġie wkoll iddekorat is-soffitt. Dan ix-xogħol kollu kien sewa ’l fuq minn mija u sittin lira Maltin. U ħafna xogħol kien sar bla ħlas! 

Meta kien qed isir dan ix-xogħol inkixfet dekorazzjoni ta’ affresk madwar l-altar. Dan ġie ppreservat kif wieħed seta’ iżda ftit baqa’ jidher minnu. Ta’ min jgħid ukoll li l-inkwatru titulari jista’ jkun dak li kien hemm fil-knisja parrokkjali l-antika. Huwa xogħol ta’ dawk iż-żminijiet. Fil-kappella hemm ukoll inkwatru mill-isbaħ b’pittura tad-Duluri, xogħol tal-artist Giuseppe Calý.

Deskrizzjoni arkitettonika

Il-kappella tat-Twelid tal-Madonna għandha faċċata komuni ma’ dik ta’ ħdejha ta’ Santa Luċija. Fil-fatt hemm kampnar wieħed fin-nofs li jaqdi ż-żewġ kappelli. Iżda l-bibien mhumiex l-istess. Din il-faċċata nbniet fil-bidu tas-seklu għoxrin u l-kampnar sar fl-1907 u fih tliet qniepen li kienu saru Malta u li dak iż-żmien qamu tnax-il lira. Il-kappella tal-Vitorja għandha bieb kwadru bejn żewġ pilastri ta’ stil Toskan, u b’entablatura li fuqha hemm pediment trijangolari maqsum. Aktar ’l fuq naraw gwarniċa rettangolari madwar iskrizzjoni u fuqha tieqa żgħira tonda. Fil-ġenb insibu żewġ niċeċ vojta. Zuntier żgħir imdawwar bil-balavostri jinsab quddiem iż-żewġ kappelli.

Minn ġewwa l-kappella għandha forma rettangolari u hi msaqqfa bi troll maqsum f’ebrgħa, u mżejjen b’kaxxi ndurati u miżbugħa (coffered ceiling). Il-kwadru titolari, kif diġÓ għidna, kien inġieb mill-knisja parrokjali tar-raħal, meta kien sar wieħed ġdid li Keith Sceberras jgħid li tpitter minn Giuseppe D’Arena.  Dan (tal-kappella tal-Vitorja) jinsab imdawwar b’reredos magħmul minn żewġ pilastri Doriċi u qiegħed f’daħla b’arkata li għandha xi skultura. L-arkata ta’ fuqha hi mpittra b’disinji ta’ fjuri u weraq. Fil-ġnub hemm żewġ niċeċ ta’ stil Rinaxximentali li fihom statwi ta’ San Ġwakkin u Sant’ Anna, il-ġenituri tal-Madonna. Fil-kappella hemm kwadru sabiħ tad-Duluri, xogħol ta’ Giuseppe Calý li diġÓ semmejna.

Il-kappella llum

Illum il-kappella tinfetaħ kull meta tinfetaħ dik ta’ Santa Luċija, iżda l-quddies dejjem isir f’din tal-aħħar.

Kitba ta’ Paul Catania.  Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat. Proof Reading: Tony Bonello
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Anthony M. Brincat

Ritratt - Anthony M. Brincat          Nativity Naxxar ptg Cali'
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017