KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Mark Micallef

Il-knisja ta’ San Silvestru, Papa
~ Mosta ~

Inti u dieħel fil-Mosta, fi Vjal Idipendenza, hemm knisja żgħira f’nofs it-triq prinċipalio li hi ddedikata lil San Silvestru I Papa.  Din il-kappella kienet tinsab fi Triq San Silvestru, imsemmija għalih, liema triq tinsab f'nofs Vjal Indipendenza, biswit il-knisja u fuq ix-xellug tagħha.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


San Silvestru I, Papa

San Silvestru twieled fil-Belt ta’ Ruma.  Missieru kien jismu Rufinus u ommu Justa.  Billi f’dak iż-żmien il-knisja ma kenitx taħt persekuzzjoni, dan il-Papa kkonċentra l-ħidma tiegħu fuq il-bini ta’ knejjes u bażiliċi, fosthom dik ta’ San Giovanni l-Lateran, is-sedja tal-Papa taħt it-titolu ta’ Isqof ta’ Ruma, dik ta’ San Pietru, dik ta’ San Pawl u dik tas-Salib Imqaddes f’Ġerusalemm. Hu ħa ħsieb imexxi l-Liturġija tal-Knisja ‘l quddiem, ifformola l-Martirologu (lista uffiċjali tal-Martri tal-Knisja) kif ukoll waqqaf skola tal-kant f’Ruma.  Bena wkoll knisja fuq iċ-ċimiterju ta’ Prixilla ġo Via Salaria – liema knisja ġġib ismu u f’liema knisja ndifen meta miet fis-sena 334.

Silvestru-Roma-San-Marco-s12-INIl-Papa San Silvestru ġġieled l-ereżija, partikolarment dik ta’ Arjanu u għal dan l-għan nieda l-ewwel Konċilju Ekumeniku, jiġifieri dak li sar fil-belt ta’ Nicea fl-Asja Minuri.  Hu m’attendiex għal dan il-Konċilju iżda bagħat lir-rapreżentanti tiegħu Vitus u Vincentius.  Fl-aħħar tal-Konċilju hu stess approva d-deċiżjonijiet li kienu ħarġu minnu.  F’dan il-Konċilju ħadu sehem tlett mitt Isqof u ddefinixa, fost l-oħrajn, il-Madonna bħala “Omm Alla” (“Theotokos”) kif ukoll ifformola sintesi tat-twemmin tal-knisja f’dak li llum ngħidulu “il-Kredu”.

Fost ħwejjeġ oħra li l-Papa San Silvertru baqa’ magħruf għalihom kienu l-magħmudija tal-Imperatur Kostantinu kif ukoll għax iddikjara l-jum tal-Ħadd bħala jum qaddis u dan kien ġie magħruf anke mill-istat.  Il-Papa Silvestru kien l-ewwel Papa li libes kuruna fuq rasu li llum ħadet forma tal-mitra li jilbsu l-papiet, kardinali u isqfijiet.  San Silvestru hu meqjum kemm fil-Knisja tal-Lvant kif ukoll f’dik tal-Punent.  Il-festa liturġika tiegħu taqa’ fil-31 ta’ Diċembru fil-kalendarju tal-knisja tal-Punent u fit-2 ta’ Jannar fil-kalendarju tal-knisja tal-Lvant.

Kien hemm tlett papiet li ġabu l-isem Silvestru kif ukoll kien hemm antipapa.  San Silvestru li qed nitkellmu fuqu hu San Silvestru I.  F’Malta ma jidhirx li kien hawn xi kult speċjali ta’ dan il-qaddis peress li din hi l-unika kappella msemmija għalih kif ukoll it-triq li semmejna biswit il-knisja hi wkoll l-unika triq imsemmija għal dan il-Papa qaddis.  Jidher għalhekk li din il-kappella li tfakkarna f’dan il-qaddis inbniet għall-qaddis li ta l-isem lill-Kavallier benefattur li bnieha.

Oriġini

Il-kappella ddedikata lil San Silvestru hija kappella antika b’rabta diretta mal-ordni ta’ San Ġwann.  Xhieda ta’ din ir-rabta hija kitba li tinsab fil-faċċata tal-kappella, eżattament fuq il-bieb tan-nofs.  Fil-fatt taħt l-arma tal-Kavallier Fiteni, imqiegħda fuq is-Salib tal-Ordni ta’ San Ġwann, insibu l-kitba: FITENI SULVESTER EQUES, SULVESTRIBUS AGRIS, DIVO SVLVESTRO DAT DICAT, IPSE DOMVM 1664

Ritratt - Noel Ciantar


Kif hemm miktub f’din il-lapida, il-kappella inbniet mill-Kavallier Silvestru Fiteni li kien membru tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1664.  Din il-kappella kellha t-titlu ta’ “commenda” skont kif tniżżel fl-atti tan-nutar M. Ralli fl-24 ta’ Ottubru tal-1657.  Għalhekk baqgħet ġuspatronat tal-Gvern ta’ Malta meta l-Ordni telqet minn Malta.

Il-knisja minn barra

Il-faċċata ta’ din il-kappella hija magħmula minn par pilastri ta’ stil Doriku, wieħed f’kull kantuniera.  Minn tarf għall-ieħor ta’ kull pilastru jgħaddi gwarniċun u fuq il-gwarniċun jitla’ l-frontispizju b’kampnar f’nofsu. 


Ritratt - Noel Ciantar


Fil-faċċata, qrib il-pilastri, naraw żewġ niċeċ li fihom fis-sena 2002 tqiegħdu żewġ statwi, waħda ta’ San Pietru, l-ewwel Papa, u l-oħra ta’ San Silvestru, il-qaddis patrun ta’ din il-kappella.  Dawn tqiegħdu hemm nhar it-30 ta’ Lulju 2002 u huma xogħol l-iskultur Savio Deguara u saru fi żmien ir-rettorat ta’ dun Salv Magro.  Bejn dawn iż-żewġ niċeċ, fuq l-arma tal-kavallier Fiteni, hemm tieqa ta’ għamla baxxa u tawwalija.

Jidher li l-kavallier Fiteni kien iħobb sew l-inħawi tal-Mosta u nassumu li kien iżur dawn l-inħawi ta’ spiss tant li maġenb il-kappella ħaseb ukoll biex jibni remissa għall-karrozzella u ż-żwiemel tiegħu.  Fuq din ir-remissa, li kienet għadha wieqfa sas-snin sittin tas-seklu għoxrin, kont tara wkoll l-arma ta’ dan il-kavallier Fiteni.

Il-knisja minn ġewwa

Il-kavallier Fiteni ħallilna wkoll ħjiel ta’ ħajtu u dak li għadda minnu.  Dan ħallieh imnaqqax fuq irħama li tpoġġiet f’post aktar ‘l fuq mill-kwadru titulari ta’ din il-kappella.  L-iskrizzjoni hija miktuba bil-Latin, li bil-Malti tgħid hekk: “IN-NOBBLI SILVESTRU FITENI, MALTI, BARUNI TA’ BUDAPEST, WARA LI LAĦAQ ĦAKEM U MAĦLUL MIŻ-ŻWIEĠ FL-IMGĦODDI MAS-SINJURA GENOVEFFA D. TASSALOCANNA, IMDAĦĦAL FL-IMQADDES ORDNI MILITARI TA’ SAN ĠWANN TA’ ĠERUSALEMM, FIL-GRAD TA’ KAVALLIER TA’ KASTELLANJA EMPOSTA, MILL-ĠID TA’ PATRIMONJU AKKWISTAT FI ŻMIEN IŻ-ŻWIEĠ, HUWA WAQQAF IL-KOMMENDA TAĦT L-ISEM TA’ SAN SILVESTRU (TAL-FAMILJA) FITENI, GĦALIH U GĦALL-KAVALLIERI (TAL-IMSEMMIJA) KASTELLANIJA; GĦAMEL LI TIĠI MWERRQA B’PERMESS APPOSTOLIKU, TAL-24 TA’ DIĊEMBRU 1657. GĦALHEKK BENA DAN IL-LOK MIX-xagħri TAĦT IL-PATROĊINJU TA’ SAN SILVESTRU FIS-SENA 1664.”
 

Ritratt - Noel Ciantar


Fiteni ddedika din il-kappella lil San Silvestru Papa, il-qaddis ta’ ismu stess.  Il-kappella għandha altar tal-ġebel u fuqu hemm kwadru titulari tal-qaddis attribwit lil Stefano Erardi.  Hu kwadru mill-isbaħ u jirrapreżenta lill-qaddis liebes il-kappa u għarkopptejh fuq is-sħab, imsieħeb minn erba’ anġli żgħar in-naħa ta’ riġlejn il-qaddis.  Fuq kull naħa tal-qaddis hemm żewġ anġli kbar. Wieħed mill-anġli qiegħed iżomm it-tarf tal-kappa u l-ieħor qiegħed iżomm it-trerenju.  Din il-pittura ġiet restawrata xi snin ilu.  In-naħa t’isfel tal-kwadru terġa’ tidher l-arma tal-kavallier Fiteni u hemm skroll b’dawn il-kelmiet bil-Latin, li bil-Malti tgħid hekk: “LIL SAN SILVESTRU PROTETTUR TAL-(FAMILJA) FITENI, IL-KAVALLIER KOMMENDATUR FRA SILVESTRU FITENI, MALTI NOBBLI, FUNDATUR B’QIMA RELIĠJUŻA GĦAMEL FIS-SENA TAS-SAĦĦA 1665, ID-9 SENA TAL-KOMMENDA, IS-67 SENA TA’ ĦAJTU.”

Din il-kappella minn ġewwa hija waħda mis-sbieħ u mgħammra b’kollox.  Insibu statwa ħelwa ta' Santa Rita li saret fl-1963 minn Ġlormu Dingli.  Wieħed ukoll jista’ jammira, speċjalment fi żmien il-festa titulari, sett gandlieri tal-injam indurat, kanopew u ventaltar irrakmati u sett ta’ sitt statwetti tal-injam indurat li jirrapreżentaw diversi Papiet, xogħol l-iskultur Renzo Gauci.

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Mark Micallef
Ritratt - Mark Micallef

Ritratt - Mark Micallef          2006_02395

Ritratt - Mark Micallef          2006_02396

Ritratt - Mark Micallef          2006_02397

Ritratt - Mark Micallef          2006_02398

Ritratt - Mark Micallef          2006_02399

Ritratt - Mark Micallef          2006_023894

Is-saqaf ta’ din il-kappella kien kollu mżejjen bi stilel u bi slaleb ta’ tmien ponot tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ħasra li llum m’għadniex ingawdu din d-dekorazzjoni fis-saqaf tal-kappella.

L-ambjent ta’ madwar din il-kappella kien ftit differenti minn dak li naraw illum.  Din il-kappella kienet tinsab fi trejqa li issa nfetħet u hekk saret tagħmel parti minn Vjal Indipendenza.  Permezz ta’ dan l-iżvilupp li sar din il-kappella sabet postha fin-nofs ta’ triq traffikuża ħafna.  Ir-remissa li kellha magħha twaqqgħet għal kollox wara l-1964 biex jinħoloq spazju għat-triq il-ġdida tal-lum.

Attivitą pastorali

Dwar il-ħidma pastorali li kienet issir f’din il-kappella fl-ewwel żminijiet minn meta twaqqfet, insibu rapport miktub b’riżultat taż-żjara tal-isqof Buenos fil-Mosta fl-1668.  Tajjeb li nsemmu li għalkemm din il-kappella kienet tal-Ordni, xorta kienet isservi għall-bżonnijiet reliġjużi ta’ kuljum għan-nies tal-madwar.  Il-kappillan, dun Karlu Schembri, xehed li għadd ta’ nies kienu jmorru f’din il-kappella għall-qrar u t-tqarbin.  Dan is-servizz baqa’ jingħata u hekk kien għadu jsir almenu sal-aħħar tas-sena 2007.  Illum il-quddies issir biss kull nhar ta’ Ħadd u fil-Festi Kmandati.

Ta’ kull sena, f’din il-kappella, issir il-festa tal-qaddis patrun li tiġi ċċelebrata bis-sollennitą kollha nhar il-31 ta’ Diċembru, jum il-festa liturġika tal-qaddis.  Dan kollu juri kemm din il-knisja għad għandha post speċjali fi qlub il-Mostin.

Kitba ta’ Mark Micallef
Ritratti ta’ Mark Micallef, Casroline Busuttil u Noel Ciantar

Ritratt - Mark Micallef
BlueScroll05
Ritratt - Mark Micallef

 

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017