KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Il-knisja tal-Madonna tad-Dawl
~ tal-Bidni, l/o Marsaskala ~

Ritratt - Caroline Busuttil

F’Marsaskala nsibu għadd ta’ kappelli, uħud minnhom imorru lura sa żmien il-Kavallieri.  Fost dawn insibu dik iddedikata lill-Madonna tad-Dawl fuq l-għolja tal-Bidni.

Jidher li fil-post fejn naraw il-kappella llum diġą kienet teżisti oħra ddedikata lil San Ġwann il-Battista.  Imma l-post kemmxejn imwarrab fejn kienet tinsab din il-kappella u minħabba l-attakki kontinwi tat-Torok kien ibeżża' lin-nies milli jgħixu f’dawn l-inħawi. Għalhekk, kif ġara lill-kappelli oħrajn f’dawn l-inħawi, din ġiet mitluqa u abbandunata u meta l-isqof  Balaguer Camarasa żar lil din il-kappella, ipprofanaha. Jidher li dan seħħ lejn nofs is-seklu sbatax, fl-1659 skont il-kanonku Joe Abela u fl-1654 skont il-kitba ta’ il-monsinjur Vincent Borg.


Ritratt - Caroline Busuttil


Id-devozzjoni lejn it-titlu Marjan “tal-Madonna tad-Dawl

Fil-gżejjer Maltin insibu żewġ knejjes oħra bit-titlu "Tal-Madonna tad-Dawl", jiġifieri dik fl-Imdina u dik f'Ħaż-Żebbuġ.   Id-devozzjoni lejn dan it-titlu Marjan daħlet minn Sqallija u jidher li bdiet fl-ewwel deċenju tas-seklu tmintax mill-ġiżwita patri Giovanni Antonio Genovese. Dan il-ġiżwita kien wieħed mill-qassisin li rsista ħafna biex ixerred il-qima lejn dan it-titlu Marjan. Hu kien juża riproduzzjoni ta’ pittura li kienet ġiet ispirata minn viżjoni ta’ Marija bil-wieqfa, iżżomm lil binha Ġesł f’idejha x-xellugija flimkien ma' anġlu li f’idejħ qed iżomm kannestru mimli bi qlub tal-bnedmin u dan jidher li qed jippreżentahom lill-Verġni Marija.  B’idejha x-xellugija l-Madonna tidher qed tiġbed lil tfajjel minn ħalq dragun lest biex jibilgħu. Fin-naħa ta’ fuq ta’ din il-pittura jidhru l-anġli jżommu kuruna ta’ tnax-il stilla fuq ras il-Madonna.  Kopji ta’ din il-pittura saru popolari ħafna u ġrew ma' diversi partijiet ta’ Sqallija.  Fil-fatt insibu knisja ddedikata lill-Madonna tad-Dawl sa qabel nofs is-seklu tmintax f’Palermo.

Il-bini ta’ kappella ġdida fl-inħawi tal-Bidni

L-ewwel kappella ddedikata lejn it-titlu Marjan tal-Madonna tad-Dawl jidher li kienet dik fl-inħawi tal-Bidni li dak iż-żmien kienet tagħmel mal-konfini parrokkjali taż-Żejtun.  Monsinjur Vincent Borg fil-ktieb tiegħu “Marian Devotions in the Island of St. Paul” isemmi li l-kappella ddedikata lil San Ġwann il-Battista reġgħat infetħet fl-1733 fi żmien l-isqof Alpheran de Bussan wara li kienet saret talba mill-kjeriku Giovanni Antonio Mallia flimkien ma' persuni oħra. Il-kappella dak iż-żmien reġgħat infetħet taħt l-istess dedika, jiġifieri dik lil San Ġwann il-Battista.  Meta l-kura tal-kappella waqgħet f’idejn l-ispiżjar Giuseppe Mallia, dan beda jxerred il-qima lejn it-titlu tal-Madonna tad-Dawl.  Fl-1737 hu waħħal kwadru li jirrapreżenta lil dan it-titlu Marjan u biż-żmien saret tissejjaħ bħala l-kappella tal-Madonna tad-Dawl.

Minħabba d-devozzjoni li kien xerred Mallia, ġie deċiż li din il-kappella terġa' tinbena u dan jidher li seħħ bejn l-1754 u l-1758.  Hawnhekk jidher li d-dedika nbidlet lejn dik tal-Madonna tad-Dawl kif għadha sal-lum. Din il-knisja kienet devota ħafna u minkejja l-post kemmxejn imwarrab li kienet tinsab fih kienu jżuruha nies minn Malta u Għawdex kollu. L-ispiżjar Giuseppe Mallia kien jorganizza ħafna quddies biex ixerred id-devozzjoni lejn din il-kappella. Hu miet ftit wara li reġgħat infetħet il-kappella bit-titlu l-ġdid.


Ritratt - Caroline Busuttil


Il-kappella minn barra u minn ġewwa

Il-kappella għandha faċċata sempliċi.  Il-bieb tagħha minn fuq ġej għat-tond u fuqu hemm tieqa ta’ forma ovali li fiha hemm ornament tal-ħadid b’forma ta’ stilla. Fuq kull naħa tal-bieb hemm tieqa, li fl-antik dawn kienu jinżammu miftuha ħalli meta l-kappella kienet tkun magħluqa, il-pellegrini kienu jkunu jistgħu jagħmlu l-viżta tagħhom minn barra. Il-kappella għandha wkoll kampnar b’pediment trijangolari b’salib fuqu. Fil-kampnar għadna naraw qanpiena żgħira. Tmiss mal-kappella hemm is-sagristija. Il-kappella għandha żuntier ċkejken u quddiemu nsibu żewġ sigar kbar li qed jgħattu parti sew mill-faċċata tal-kappella. Ma' ġenb il-bieb ta’ barra għadna naraw il-lapida “Non gode l’immunita ecclesias”, kif insibu wkoll mal-faċċati ta’ ħafna kappelli bħal din.

Minn ġewwa din il-kappella ċkejkna hi verament ħelwa u jiddomina l-altar ewlieni ddedikat lill-Madonna tad-Dawl. Il-pittura turi lill-Madonna bil-bambin f’idejha qegħda ttella' ruh mill-Purgatorju.  Fil-kwadru hemm ukoll San Ġwann il-Battista biex tfakkarna fid-dedika tal-kappella ta’ qabel u lil San Franġisk de Poala, qaddis li kien hawn devozzjoni kbira lejh fl-imgħoddi.  Din il-pittura sabiħa hi attribwita lill-pittur Francesco Zahra. Fuq il-prospettiva li ddawwar il-kwadru nsibu talba bil-Latin li tgħid “Profer Lumen Caecis” li tfisser “Agħti dawl lill-għomja”.  Taħt il-kwadru nsibu l-kelmiet “Mater Sanctissima Luminis” li tfisser “Omm l-aktar qaddisa tad-Dawl”. Fuq kull naħa tal-kwadru nsibu pittura, waħda li turi lill-Madonna bil-Bambin u l-oħra lil San Ġużepp bil-Bambin. Mal-istess ħajt insibu rħama b’indulgenza li tgħid “Indulgentia plenaria in omnibus anni sabitis”. 

Fuq il-bieb minn ġewwa nsibu kitba li tfakkar kif l-Arċipriet taż-Żejtun dun Lawrenz Degabriele, kien sewwa lil din il-kappella wara l-ħsarat li kienu sarulha fil-maltempata kbira li ħakmet l-inħawi fid-9 ta’ Marzu tal-1908.

Jingħad ukoll li din il-kappella baqgħet f’idejn il-kleru taż-Żejtun, għax f’każ urġenti ta’ mewt, kien il-qassis miż-Żejtun li laħaq assista lill-moribond li kien qed imut fil-Bidni.


Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil


Kwadri tal-wegħda

Kif diġą semmejna din il-kappella fl-imgħoddi kellha devozzjoni kbira għalhekk wieħed ma jiskanatx li fiha nsibu diversi kwadri ex voto li saru mid-devoti. Fis-sagristija li tinsab ma' ġenb il-kappella għadna naraw 23 kwadri żgħar li ngħataw bħala rikonexximent lill-Madonna tad-Dawl wara li tkun inqalgħet il-wegħda li jkunu għamlu. Ħafna minn dawn huma ta’ baħħara li ħelsuha mill-għarqa jew minn xi ġlieda mal-għadu. Għalkemm dawn m’għandhomx valur artistiku, jagħtu xhieda tad-devozzjoni tan-nies lejn din il-kappella.

F’kull kwadru nsibu l-ittri V.F.G.A li jfissru “Votum Fecit, Gratiam Accepit”, li bil-Malti tfisser “qlajt il-grazzja wara li għamilt il-wegħda”. L-eqdem kwadru li nsibu hu dak tas-sena 1727. Hemm ukoll ħwejjeġ oħra, ġeneralment marbutin mas-sengħa tal-bahħar, li kienu ngħataw bħala wegħda fosthom biċċiet minn xwieni u ħbula. Naraw ukoll kwadru riċenti tal-1951, fejn ċertu Rafel Attard offra dan il-kwadru lil Sant’Anna (patruna ta’ Marsaskala) talli ħelsitu mill-għarqa f’tempesta fil-Bajja ta’ Biscay meta kien qiegħed ibaħħar fuq it-tanker Janko.

It-tlett islaleb

Int u tiela’ lejn l-għolja tal-Bidni, ftit ‘il bogħod mill-kappella tal-Madonna tad-Dawl, wieħed jiltaqa' ma' monument ta’ Tliet Slaleb bis-simboli tal-passjoni ta’ Ġesł. Ma' dan il-monument hemm marbuta diversi stejjer u leggendi.  Ġuże Muscat Azzopardi jagħti tlett verzjonijiet fuq dawn is-slaleb.

L-ewwel waħda minn dawn l-istejjer tgħid li dawn is-slaleb qegħdin hemm biex ifakkru l-qtil ta’ tlett patrijiet li gew maqtula minn Tork f’dawk l-inħawi. It-tieni leġġenda ssemmi li s-slaleb qegħdin hemm biex jimmarkaw il-post fejn kien ġie midfun miż-Żwieten raġel li kien miet bil-pesta. L-aħħar waħda mill-leggendi hi ukoll forsi l-aktar waħda fantastika.  Hi dwar raġel xwejjaħ eremit li jingħad li nstab mejjet tlett darbiet, u wara li ġie midfun fil-post u kien jerġa' jqum.


Ritratt - Caroline Busuttil


Jekk wiehed iħalli dawn il-leġġendi, il-kanonku dun Joe Abela jgħid li dawn is-slaleb jirrapreżentaw il-konfini tal-limiti ta’ Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, li minnhom ħareġ Wied il-Għajn (Marsaskala) tal-lum. Fil-fatt sal-1615, Ħaż-Żabbar b’Wied il-Għajn miegħu kienu għadu jagħmel parti mal-parroċċa taż-Żejtun. In-nies li kienu joqgħodu f’dawn il-postijiet kienu jgħoddu mas-650 ruh u ġustament xtaqu li Ħaż-Żabbar isir parroċċa għalih u jinqata' miż-Żejtun. Fil-fatt hekk ġara u l-isqof Cagliares waqqaf il-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar u stabilixxa l-limiti tal-paroċċa l-ġdida. Dan ħalla parti sewwa ta’ Wied il-Għajn tal-lum maż-Żejtun, filwaqt il-parti fejn illum inisbu il-knisja parrokkjali ta’ Wied il-Għajn ġabha tagħmel ma’ Ħaż-Żabbar. Allura x’aktarx f’dan iż-żmien twaqqfu t-tlett slaleb biex jimmarkaw il-konfini ta’ dawn il-lokalitajiet.

Il-kappella llum

Illum, il-kappella tal-Madonna tad-Dawl tinsab f’kundizzjoni tajba u tinfetaħ kull l-ewwel Ħadd tax-xahar fid-9.00 għall-quddiesa. Il-kappella bħalissa jieħu ħsiebha ċertu dun Remiġ miż-Żejtun.

Kitba ta’ Roderick Busuttil meħuda mill-kitba tal-Kanonku Joe Abela,  mill-ktieb “Marsaskala  - Wied il-Għajn”.  Użat bil-permess.
Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Lino Spiteri

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Lino Spiteri  -  Marsascala - Madonna tad-DawlTal-Bidni

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017