KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Anthony Grech

Santa Marta tal-Għonq
~ Victoria, Għawdex ~

Fit-tarf tar-Rabat Għawdex, fl-akwati msejħin “tal-Għonq” ħdejn l-Isptar Ġenerali, hemm kappella ħelwa li hija ddedikata lil Santa Marta, oħt Lazzru. Din qegħda fit-triq prinċipali li tagħti għall-parkeġġ prinċipali ta’ din il-belt.

Faċċata ta’ din il-knisja hemm ċimiterju li jagħmel ma’ din il-knisja. Dan iċ-ċimiterju huwa l-post fejn ġew midfuna dawk li mietu bil-kolera fl-1865. Iktar tard f’dan iċ-ċimiterju bdew jiġu midfuna n-nies tar-Rabat sakemm inbena iċ-ċimiterju prinċipali ta’ Għawdex li hemm fix-Xewkija. 
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Oriġini

Fl-1865 faqqgħet il-kolera f’Mekka fost il-pellegrini Musulmani. Din kienet marda kiefra. Nofs ta’ dawk il-każijiet serji kienu jmutu. In-nies, dak iż-żmien, kienu jibżgħu ħafna minn din il-marda, u ħafna kienu jinqaflu fi djarhom sakemm tgħaddi l-epidemija, għax kienu jemmnu li jekk huma ma jkollhomx kuntatt ma’ nies oħra, kienu jistgħu jeħilsu minn din il-marda.

F’kemm ili ngħidlek, minn Mekka il-kolera nxterdet sa Lixandra fl-Egittu u iktar tard daħlet ukoll f’Malta. Dak iż-żmien il-professuri u tobba Maltin kienu qegħdin jistudjaw u jaħdmu fuq l-epidemoloġija tagħha. Għalhekk meta daħlet f’Malta iktar tard dik is-sena, r-rakomandazzjonijiet li ngħataw mis-‘Societa Medica d’Incorraggiamento’ ġew immedjatament implimentati.

Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet kien hemm li l-iġsma tan-nies mejta kellhom jiġu midfuna mill-aktar fis possibli, f’post li jkun ‘il bogħod mill-abitat.  L-ilma tax-xorb kellu jiġi mgħolli – prekawzjoni li forsi kienet effettiva aktar minn miżuri oħrajn, issa li nafu sew kif tixtered il-marda. Dawn ir-regoli kien ħariġhom it-Tabib A. Ghio li kien it-Tabib Prinċipali tal-Puluzija f’Malta u li kien jemmen ħafna fil-prevenzjoni tal-mard. Dr. Paul Cassar, l-istudjuż tal-istorja medika f’Malta, jisħaq li dawn kienu regoli innovattivi tassew l-aktar meta wieħed jiftakar li dan kien 20 sena qabel ma’ Robert Koch skopra l-mikrobu tal-kolera innifsu.  Iżda minkejja l-prekawzjonijiet kollha li ttieħdu, din il-marda inxterdet ma’ Malta kollha u daħlet ukoll ġewwa Għawdex permezz ta’ baħri Għawdxi mix-Xewkija fil-21 ta’ Lulju tal-istess sena.  Fi ftit żmien infirxet ukoll ma’ Għawdex kollu.

Ċertu Feliċ Attard, negozzjant mir-Rabat Għawdex u martu Rose, kienu tant imbeżża’ li jistgħu jieħdu din l-infezzjoni, illi iżolaw ruħhom fid-dar tagħhom u qatgħu kull kuntatt ma’ barra. Huma kienu nies reliġjużi ħafna, u kienu jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom jitolbu lill-Verġni Imbierka biex tipproteġihom u wegħdu lill-Santa Marta li jekk huma ma jiġux infettati b’din il-marda kiefra, jibnu kappella għad unur tagħha.

Dak iż-żmien il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex, kienet ta’ madwar 134,000. F’din l-epidemija 3,106 persuni ġew infettati, u minn dawn mietu aktar minn nofshom. Imma s-sinjur u s-sinjura Attard għaddewha b’wiċċ il-ġid, u wara xi sena li għaddiet il-pesta, bdew jagħmlu l-pjanijiet tagħhom, biex iwettqu l-wegħda li għamlu.  Bdew jibnu dik il-kappella fil-post imsejjaħ tal-Għonq, fejn ġew midfuna dawk l-imsejkna li mietu b’din il-marda qerrieda.

Il-knisja nbniet fl-1866, u l-Vigarju Ġenerali il-monsinjur Pietru Pace qiegħed l-ewwel ġebla. Il-bini tlesta fil-11 ta’ Novembru 1866.  In-nepputi tal-koppja Attard, Dun Frans Grech sar l-ewwel rettur ta’ din il-kappella.  Kienet saret statwa tal-ġebel li turi ‘l Madonna tal-Grazzji fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja li imbgħad tneħħiet fl-1893 biex tqiegħdet fil-konservatorju ta’ San Pietru u San Pawl.  Il-pedestall iżda, li juri l-erwieħ tal-purgatorju f’basso-riljew, għadu jeżisti fil-post sal-lum.

Il-kappella

Din il-kappella, li hija żgħira ħafna (kważi ħdax-il metru kwadru), hija miżmuma tajjeb u arjuża. Din il-knisja hija msaqqfa b’koppla ta’ għamla hexagonali li għandha lanterna fuqha.  Il-lantarna fiha salib fil-quċċata tagħha.


Ritratt - Anthony Grech


Il-faċċata hija maqsuma b’erba pilastri ta’ stil Doriku bil-parti tan-nofs maħruġa ftit ‘il barra.  Il-faċċata hija mdawwra minn entablatura li fuqha tjistrieħ pediment triangolari.  Fuq il-bieb prinċipali, li hu rettangolari, hemm typmpanum segmentali.  Is-saqaf tal-kappella nnifisha huwa ċatt.

Din il-knisja għandha kampnar wieħed li qiegħed fuq il-lemin tagħha. Dan il-kampnar għandu żewġ iqniepen li saru mill-funderija ta’ Salvu Cauchi u ħutu fl-1864 u fl-1867. Wieħed jista’ jitla’ ħdejn dawn il-qniepen permezz ta’ garigor dejjaq.  Tmiss ma’ din il-kappella hemm is-sagristija li għandha bieb għal barra mal–faċċata ta’ dan it-tempju. Din il-knisja għandha wkoll zuntier żgħir.

Fuq ġewwa, il-kappella hija sempliċi ħafna. Għandha altar wieħed u fuq l-altar hemm il-kwadru titulari li huwa antik u li jmur lura għas-sena 1867. Fih naraw lill-Madonna b’Ġesù Bambin. Fuq ix-xellug jidher anġlu bit-trumbetta li jirrapreżenta l-qawmien mill-mewt u fuq il-lemin tidher Santa Marta, bil-purgatorju fin-nofs. Santa Marta tidher qed tinterċjedi mal-Madonna f’isem l-erwieħ fil-purgatorju.  Dan il-kwadru huwa attribwit lill-pittur Pawlu Cuschieri. Il-kwadru titulari ta’ Santa Marta tal-Għonq ġie restawrat fil-bidu tal-2017 mir-restawratur Pierre Bugeja, liema restawr sewa madwar €3,000..

Fuq l-apside ta’ fuq l-altar, hemm pittura sabiħa ħafna, miżjuda riċentement. Fiha naraw lill Ġesù  jqajjem lil Lażru mill-mewt. Jidrhu wkoll Marija u Marta, ħut Lazzru, li qegħdin jaraw jitwettaq, dan il-miraklu kbir. Dan huwa xogħol mill-isbaħ tal-pittur Għawdxi Joe Cutajar. Fl-1938 sar paviment ġdid tal-mużajk f’din il-kappella.

Fuq ix-xellug ta’ din il-knisja nsibu niċċa li fiha hemm statwa ħelwa ta’ Santa Marta oħt Lażżru. Din l-istatwa li saret f’nofs it-tmeninijiet tas-seklu għoxrin u nħadmet mill-istatwarju Albert Micallef u swiet Lm150.  Ġiet imbierka mill-Isqof t’Għawdex Nikol Cauchi fil-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri fir-Rabat, mgħejun mill-kanonku Joseph Borg fis-27 ta’ Lulju 1988. Il-buzzett tal-istatwa hu kbir madwar 12-il pulzier u hu propjetà tal-kanonku Borg, li kien ir-rettur tal-kappella meta saret din l-istatwa.  Xi kotba jagħtu l-isem tal-artist li għamel din il-vara bħala l-Għawdxi Camilleri Cauchi, iżda dan evidentament mhux korrett, kif jidher fir-ritratt tal-artist li qed jaħdem fuq il-vara.  Il-festa ta’ Santa Marta tiġi ċċelebrata fid-29 ta’ Lulju.

PriestLeġġendi

Marbuta ma’ din il-kappella insibu ukoll xi leġġendi. Waħda minn dawn il-leġġendi tgħid li s-sagristan ta’ din il-kappella darba fost l-oħrajn, sema’ l-qanpiena ddoqq għal-quddiesa. Meta mar jagħti titwila l-arloġġ, sab li kienu diġà  l-ħamsa ta’ filgħodu.  Għalhekk malajr libes il-ħwejjeġ, u telaq jgħaġġel kemm jiflaħ lejn din il-knisja.

Meta daħal fis-sagristija, huwa sab qassis li qatt ma kien raħ b’għajneħ, li kien qiegħed jipprepara biex iqaddes il-quddiesa. Kif spiċċat il-quddiesa, dan il-qassis sparixxa.

Imkexkex u mħawwad huwa telaq lura lejn daru. Meta wasal f’daru reġa’ mar jittawwal lejn l-arloġġ li issa kien qed jimmarka is-2.00 ta’ filgħodu. Ħadd ma jaf meta din il-ġrajja ġrat, u min kien is-sagristan.

Leġġenda oħra popolari tgħid li ċertu Toni Caruana, skarpan mir-Rabat, kien jiġbor xi flus biex isiru quddies għall-mejtin li ġew midfuna fiċ-Ċimiterju f’tal-Għonq fejn kien imur jixgħel xi xemgħat fix-xhur ta’ Novembru.

Aktar minn darba huwa jsostni li ra xi nies mejtin, mexjin fiċ-ċimiterju, forma ta’ purċissjoni, u hu rnexxielu jagħraf xi wħud minnhom.

Naturalment dawn iż-żewġ stejjer kienu jgħiduhom missirijietna fl-imgħoddi u huma biss leġġendi.

Għeluq

Din il-kappella għadha s’issa tagħti servizz reliġjuż lin-nies Rabtin, billi kull nhar ta’ Ħadd filgħodu tiġi mqaddsa il-quddiesa fit-8.30 am u wara tibqa’ miftuħa fuq il-grada. Fil-għaxija ssir quddiesa oħra fis-7.30 pm. Il-kappella tkun miftuħa fuq il-grada t-Tlieta filgħodu, biex imbagħad filgħaxija ssir quddiesa fis-7.30 pm. Il-festa ta’ Santa Marta f’din il-kappella tiġi ċċelebrata fix-xahar ta’ Lulju.

Fix-xahar ta’ Novembru jsiru pellegrinaġġi lejn din il-kappella biex isir talb għall-erwieħ tal-purgatorju.

Kitba ta’ Joe Brincat
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fr. Jesmond Gauci, Anthony Grech u mill-Internet
Pittura ta’ Maris Zammit 

Ritratt - Anthony Grech
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr Jesmond Gauci
Ritratt - Anthony Grech

Ritratt - Albert Micallef

L-abbozz (12”)

Ritratt - Albert Micallef

Il-vara

Ritratt - Albert Micallef

l-iskultur waqt il-ħidma

Albert Micallef L-Istatwarju

L-iskultur Albert Micallef

Painting - Maris Zammit       Santa Marta Chapel in Gozo

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017