KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-Madonna tal-Virtł
~ Rabat ~

Waħda mill-aktar knejjes antiki li hawn f’Malta bla dubju hi dik iddedikata lill-Madonna tal-Virtł li nsibu ftit 'il bogħod mis-Seminarju Arciveskovili fir-Rabat. Ta’ min jgħid li l-inħawi magħrufa tal-Virtł ħadu l-isem wara din il-kappella.  Din il-kappella tidher, tista' tgħid, minn diversi nħawi f’Malta u tiddomina l-panorama fuq l-għolja tal-Virtł. Sa ftit snin ilu kienet tispikka fiha konsentura kbira u siġra li kienet tikber fil-koppla tagħha, imma llum dawn it-tnejn m’għadhomx jidhru għax il-kappella ġiet restawrata.

Ta’ min jgħid ukoll li din il-knisja hija mibnija f’post espost għaċ-ċaqlieq u t-tregħid tal-art u għalhekk kif, ser naraw, ġarrbet ħsarat f’diversi okkażżjonijiet.
 

Ritratt - Caroline Busuttil

 
Sit arkeoloġiku importanti ħafna

Il-post fejn hi mibnija din il-knisja huwa wieħed mis-siti arkeoloġiċi mill-aktar importanti f’Malta. Taħtha hemm fdalijiet ta’ ċimiterju b’oqbra minn żmien Puniku, Feniċ u Ruman tardiv. Aktar fil-fond hemm ipoġew paleo-kristjan li kienu kitbu dwaru l-istoriċi Ġan Franġisk Abela u Caruana. Skont id-deskrizzjoni li ħallewlna dawn l-istoriċi nafu li l-antekamra ta’ dawn il-katakombi inbidlet fi kripta fiż-żmien medjevali, u għaliha ġiet skolpita daħla Gotika b’disinn ta’ weraq.

Il-kripta

Illum wieħed għadu jista' jara l-kripta billi jinżel taraġ li jwasslek lejn din li fl-antik kienet knisja trogloditika. Ta’ min jgħid li l-knejjes imħaffra fil-blat (trogloditiċi) kienu komuni ħafna fl-inħawi tar-Rabat. Skont il-Professur Mario Buhagiar fl-artiklu tiegħu “The Crypt and the Church of S. Maria tal-Virtł at Rabat” jidher li stilistikament din il-kripta hi tas-seklu ħmistax. Jidher ukoll li saret meta ngħaqdu diversi oqbra li kienu jiffurmaw oqbra li diġą semmejna. Il-kripta kellha forma ta’ Salib Latin bi tlett apside kif ukoll xi altari.

Din il-kripta tissemma’ f’ħafna rapporti ta' viżti pastorali li saru lilha fosthom dik ta’ monsinjur Pietro Dusina li fl-1575 irrimarka li din kienet kappella devota u semma’ li kellha diversi altari. Fl-1647 Ġan Franġisk Abela isemmi li kellha altar wieħed. Fl-1722 fl-altar kien hemm kwadru antik fl-injam li wara ġie mibdul ma' statwa tal-alabastru li nġiebet minn Trapani fi Sqallija. F’din iż-żjara tal-1722 li saret mill-isqof Gaspare Gori Mancini jissemma’ li din il-kripta kienet devota ħafna man-nies tar-Rabat u l-Imdina.

Tinbena knisja fuq il-kripta

Jidher li l-ewwel knisja li nbniet fil-post kienet fl-1438 jew xi snin qabel. Fit-testment tiegħu tat-28 ta’ Mejju tal-1438 quddiem in-nutar Luca de Sillato, Antonio di Bigliera ħalla biċċa art magħrufa “ta’ Formag” li d-dħul minnha kellhu jmur għal din il-knisja.  Aktar tard Bartolomeo de Bordino fit-testment tiegħu tas-6 ta’ Diċembru tal-1454 quddiem in-nutar Angelo de Manuele ħalla art viċin Ħaż-Żebbuġ biex l-introjti tagħha jmorru għal din il-knisja. Jidher li l-familji Falzon u Caxari kienu ukoll beneffaturi ta’ din il-knisja.

Il-knisja seta' kellha forma rettangolari f’apside li kien iħares lejn il-Lvant. Is-saqaf kien ċatt tax-xorok li kienu jżommuh seba’ arkati bħalma naraw fi knejjes oħra medjevali simili li għadhom jeżistu.  Fuq il-faċċata kien hemm tieqa tonda jew oculus u kampnar li fih kellu arkata tal-bronż.  Kien hemm ukoll l-emblemi tal-familji Falzon u Caxari li kif diġą semmejna kienu beneffaturi ta’ din il-knisja.  Jista' jkun li fuq ġewwa kien hemm riliev fl-art li kien jimmarka l-post fejn kien midfun il-benefattur Bartolomeo de Bordino. Jidher li l-knisja għal xi żmien kellha żewġ bibien, wieħed iħares lejn il-punent u l-ieħor lejn nofs in-nhar skont ma jissemma’ fil-viżti li saru fl-1667 (isqof Luca Buenos) u l-1671 (isqof Lorenzo Astiria) u xi drabi jissemma’ bieb wieħed biss li jħares lejn il-punent fiż-żjarat li saru fl-1615 (isqof Balthasar Calgiares) u dik tal-1722 (isqof Gori Mancini).

Iktar informazzjoni fuq din il-knisja medjevali nsibuha fl-atti ta’ diversi żjarat pastorali fosthom f’dik ta’ monsinjur Pietro Dusina tal-1575. Hu kien sabha f’kundizzjoni tajba u kellha altar wieħed li fuqu kien hemm pittura li kienet mgħottija minn biċċa drapp ta’ kulur isfar. Iktar tard fl-1615 jidher li dan il-kwadru nbidel ma' ieħor li ġie deskritt li kien ta’ pittur ta’ ħila u li kien juri lil Madonna u l-Bambin. Dan il-kwadru seta' kien ta’ Vincenzo Baiata li pittru fl-1610. Baiata kien jaħdem fuq l-istil ta' Filippo Paladini li kien jaħdem f’Malta lejn l-aħħar tas-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax. Dan il-kwadru hu attribwut lil Paladini minn xi wħud. Hawnhekk terġa' tissemma biċċa drapp oħra, din id-darba ta’ kulur vjola, biex tipproteġi l-kwadru mit-trab. Minn dawn id-dettalji flimkien ma' oħrajn li nsibu fl-atti taż-żjarat pastorali jidher li din il-knisja kienet devota ħafna għax kienet imżejna ħafna u għal ħafna żmien ma kien jonqosha xejn.

Il-kappella taqa' f'idejn il-Patrijiet Agostinjani

F'nofs is-seklu sbatax bdew jiġru x-xniegħat li l-Arab kienu ser jerġgħu jattakkaw 'l Malta. Il-Gran Mastru ta' dak iż-żmien, Fra Martino de Redin kien qed jikkonsidra li jsaħħaħ id-difiża ta' Malta billi, fost ħwejjeġ oħrajn, ikabbar il-konfini tal-Imdina. Dan kien ifisser li l-ħitan il-ġodda kellhom jgħaddu minn ġol-kunvent ta' San Mark, barra l-Imdina tal-lum, u li kien tal-Patrijiet Agostinjani.

Il-Kapitlu Agostinjan għalhekk iddeċieda li jikteb lill-isqof ta' Malta Mikiel Balaguer biex jinagħta permess biex ikun jista' jibni kappella u kunvent ġdid barra mill-konfini l-ġodda tal-Imdina kif kienu qed jiġu proposti minflok dak li kien ser jitwaqqa'.  It-talba marret Ruma u waslet għand il-Papa, li kien Alessandru VII. Dan Alessandru VII kien jaf sew 'il Malta għax kien serva bħala l-Inkwiżitur Fabio Chigi bejn is-snin 1634 u 1639. Il-Papa ordna lill-isqof Balaguer, b'digriet maħruġ fis-16 ta' Settembru tal-1658, sabiex jagħti l-kappella ta' Santa Marija tal-Virtł, li kienet xi mil 'l bogħod mill-Imdina, lill-Agostinjani, li kellhom jeħduha bil-piżijiet u l-privileġġi kollha marbutin magħha.

Il-kappella għaddiet uffiċjalment għand l-Agostinjani fl-4 ta' Diċembru tal-1659 u tlett ijiem wara, fis-7 ta' Diċembru tal-1659, saret iċ-ċerimonja uffiċjali fil-preżenza ta' Giuliano Felici, in-nutar tal-Kurja.

Iċ-cerimonja ikkonsistiet fl-għoti taċ-ċwievet tal-bibien tal-kappella, il-bews tal-altar u d-daqq tal-qniepen. Inagħlqu u infetħu l-bibien biex simbolikament juru l-passaġġ tal-kappella għal għand is-sidien il-ġodda tagħha il-Patrijiet Agostinjani. Ix-xhieda fiċ-ċerimonja kienu Ġużeppi Borg u Pietru Zahra.

Iżda bilkemm kienu għadhom għaddew xahrejn li, fis-6 ta' Frar tal-1660, il-Gran Mastru Martinu De Redin ma mietx.  Miegħu mietu wkoll il-pjani għat-tkabbir tal-konfini tal-Imdina u kawża ta' dan il-kunvent u l-knisja ta' San Mark tal-Agostinjani ftit 'il barra mill-Imdina għadna ngawduhom sal-lum. Mhux magħruf kemm l-Agostinjani attwalment baqgħu jgħixu f'Tal-Virtł.

Il-bini tar-Rotunda

Kif diġą semmejna qabel din il-knisja tinsab mibnija f’żona esposta ħafna għal terrimoti. Jidher li fit-terrimot tal-1693, din ġarrbet ħafna ħsara tant li Mro. Lorenzo Grima flimkien ma' ibnu Francesco, Gratio Vella, Lorenzo Vella u Tommaso Gauci ħadmu ħafna biex jirranġaw il-ħsarat li ġarrbet.

Meta il-kanonku Dun Antonio Castelletti laħaq prokuratur ta’ din il-knisja fit-8 ta’ Mejju tal-1717, xtaq li minflok il-knisja preżenti tinbena waħda “moderna b’arkitettura eleganti”. Il-ġbir beda mill-ewwel imma sfortunatament kaxxa bid-donazzjonijiet insterqet mill-knisja nhar it-2 ta’ Diċembru 1718. Għall-ewwel il-ġbir beda miexi bil-mod imma dan irranka meta daħlu nies nobbli biex jgħinu. Fost dawn jissemmew il-Barunijiet Inguanez u Castelletti, kif ukoll il-Gran Mastru Vilhena. Bejn l-1717 u l-1743 inġabru iktar minn 1,954 skud.

Il-knisja l-ġdida forma ta’ rotunda saret fuq il-mudell tal-knisja ta’ Sarria tal-Floriana. Ix-xogħol biex tinbena il-knisja tista' tgħid li beda f’Mejju tal-1717 fejn xi bennejja kienu marru jaqtgħu xi ġebel minn barriera fil-viċin. Ix-xogħol tal-bini kien taħt id-direzzjoni ta’ Petruzzo Debono. Fl-1731 Benedetto Saliba għamel l-iskultura tal-altar prinċipali tal-knisja. Fl-istess żmien Antonio Fabri kompla xi xogħol ta’ skultura tal-altar. Dawn kienu jinkludu l-kapitelli tal-pilastri u l-gwarniċi tal-pitturi tal-ġnub. Il-mastrudaxxa Lorenzo Magri għamel ħafna mix-xogħol tal-injam li kien hemm fil-knisja.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Fil-viżta tiegħu f’din il-knisja l-isqof Alpheran de Bussan fl-1744 jagħtina deskrizzjoni ddettaljata ta’ din il-knisja u jgħid li kienet proporzjonata ħafna u li meta nbniet ingħatat attenzjoni kbira għas-simetrija tagħha. Isemmi l-altar sabiħ ħafna b’reredos mill-isbaħ u fih tispikka il-cartouche bil-kitba tat-talba sabiħa lil Madonna “Magna nobis Virtłte succure”. Isemmi li apparti l-altar maġġur li juri lil Madonna bil-bambin Ġesł fil-knisja kien hemm 4 pitturi oħra ta’ Enrico Reno li jirraprezentaw l-Assunta, San Ġużepp, Santa Tereża u l-Konverzjoni ta’ San Pawl.

Jingħad ukoll li tant kien hemm devozzjoni għal din il-knisja li l-ħitan tagħha, speċjalment l-altar maġġur, kienu miksijin bi kwadri ex-voto. Fl-1784 il-kuruni ta’ fuq ras il-Madonna u l-bambin Ġesł fil-kwadru titulari ġew imnaddfa u miksijin bil-fidda. Fl-istess żmien kienet saret ukoll purtiera ta’ lewn ikħal għal quddiem il-kwadru.  Fl-1886 l-prokuratur dun Paolo Debono rċeva kuruna tal-fidda u ġiżirana tad-deheb għall-Madonna mingħand il-prokuratur ta’ qabel il-kanonku Giovanni Battista Micallef.

Kull tieni Ħadd tal-Għid kienet issir purċissjoni mill-Katidral u fi tmiemha l-Arċipriet tar-Rabat kien ibierek l-erbat irjieħ u din kienet magħrufha bħala l-“festa tal-ward u ż-żahar”. Spiss kienu jsiru pellegrinaġġi nazzjonali u djoċesani lejha speċjalment wara xi diżastru, bħalma ngħidu aħna wara xi terremot jew fi żmien ta’ nixfa.

Titqiegħed statwa ta’ Ġesł Redentur fuq il-koppla

Il-popolaritą u d-devozzjoni lejn din il-knisja kompliet tikber meta fis-sena 1900 il-Papa Ljun XIII kien iddedika is-seklu għoxrin lil Ġesł Redentur. Biex jitfakkar dan kien ġie deċiż li tinħadem statwa kbira ta’ Kristu bis-salb f’idu u din titpoġġa fuq il-koppla ta’ din il-knisja. L-inizjattiva kienet ittieħdet min-nutar Pietro Bartoli li kien għamel appell biex kull familja Maltija tagħti sold biex issir din l-istatwa. L-istatwa kienet ġiet ikkumissjonata lill-kumpanija Rosa Zanzio Co. Ltd. ta’ Ruma u kellha tkun twila 4.57m. L-istatwa waslet Malta fl-20 t’Awwissu tal-1901 u ttellgħet fuq il-koppla tal-knisja u ġiet inawgurata nhar it-22 ta’ Settmebru tal-1901. L-isqof Pietro Pace bierek l-istatwa quddiem folla ta' 9000 ruh li attendew għal din l-okkażżjoni.

Ta’ min isemmi li għal din l-okkażżjoni kienu nqraw poeżiji bit-Taljan minn diversi poeti Maltin fosthom il-qassis Carmelo Psaila, li iktar tard kellu jsir il-poeta nazzjonali (Dun Karm). Kienu twaħħlu wkoll xi lapidi biex ifakkru din l-okkażżjoni.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tar-Redentur bdiet issir kull sena f’din il-knisja. Fil-knisja kienet saret statwa żgħira tar-Redentur u l-knisja kien sarilha xi xogħol ta’ tisbieħ fosthom bankijiet ġodda, erbatax-il kwadru tal-Via Sagra u damask ġdid fost l-oħrajn.

L-istatwa tikkawża ħsara strutturali lill-knisja

Ritratt - Nikol Ciantar - SalvaturTal-VirtuKif ġie aċċennat iktar 'il fuq din il-knisja qegħda f’post fejn hi esposta ħafna għaċ-ċaqliq tal-art. Jissemmew diversi terrimoti li għamlu ħsara lil knisja fosthom dak tal-1743 fejn kellu jsir xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq ir-rotunda.

Għalhekk meta ttellgħet din l-istatwa kbira tkompla jidgħajjef is-saqaf tal-koppla. Fit-18 ta’ Settembru tal-1923 terrimot ieħor għeżżeż lil din il-knisja u dan kompla jiggrava s-sitwazzjoni tant li feġġew konsenturi kbar fil-koppla. Ix-xogħol ta’ restawr beda mill-ewwel imma kien għalxejn għax il-knisja ġiet iddikjarata fil-periklu li tiġġarraf tant li l-isqof Mauro Caruana għalaqha. Fl-1935 l-istatwa tniżżlet għax it-toqol tagħha kien qed iżid il-ħsara, u tpoġġiet fuq pedestall fil-qrib. Waqt maltempata s-salib li kellu f’idejh Kristu, tar u ma reġax sar. U l-post, li darba kien qalba tal-fidi, intelaq.

Il-knisja taqa' f’abbandun kbir

Maż-żmien il-knisja nbidlet f’lok fejn tingħata forma oħra ta’ qima... mażunerija u sataniżmu.  Saret ħafna ħsara fil-bini permezz ta’ vandaliżmu u tpinġijiet għoxxeni. Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex fl-1986 l-istatwa ta' Kristu tneħħiet minn hemm u, wara restawr estensiv fit-Tarzna, tpoġġiet fis-Seminarju fejn għadha tinsab sal-lum. Is-salib li kien tar, reġa’ nħadem. Darba l-istatwa ntużat għal fuq is-santa ta’ Jum il-Vokazzjonijiet, u llum issebbaħ anke l-website tas-Seminarju.

Stejjer li jingħadu dwar din il-knisja....

Jingħad li f’dil-knisja kien iqaddes wieħed dun Bernard, magħruf ħafna għal qdusitu. Darba, ftit żmien wara li dan il-qassis miet, wieħed bidwi kien sejjer ir-Rabat jisma' l-quddiesa tal-erbgħa ta’ filgħodu u meta tela’ t-telgħa sab qassis u qallu biex jisma’ l-quddiesa hemm. Dak obdieh, u wara l-quddiesa l-qassis qallu li dakinhar kien se jmur il-ġenna jitlob għalih.

Storja oħra tgħid li bidwi ieħor kien sejjer għall-quddies, sab il-knisja miftuħa u daħal hemm. Kien hemm saċerdot iqaddes, li talbu joqgħod abbati. Dak żamm il-missal, daqq il-qanpiena u ħasillu jdejh. Meta mar bl-ilma twerwer għax ra li s-saċerdot ma kellux laħam fuq idejh – kien hemm biss għadam. Baqa’ hemm sakemm spiċċat il-quddiesa, u mbagħad ħarab. Fil-bieb ittawwal u lis-saċerdot ma raħx. Meta qal lil xi nies oħra x’ġara, ma emmnuhx, peress li kienet ilha ma ssir quddies hemm. Imma marru jaraw, u sabu l-affarijiet tal-quddies għadhom fuq l-altar!

Matul il-gwerra, wieħed suldat li kien għassa (rieqed!) fl-inħawi tal-knisja, safa mqajjem minn qassis bl-idejn skeletali li talbu jgħin il-quddies. Wara l-quddies dan daħal ġo bieb imsakkar u sparixxa ...

angel_and_womanLeġġenda xi ftit differenti tgħid li oħt Melchiorre u Lorenzo Gafą kienet spiss tmur titlob f’din il-knisja. Wara mewtha, il-patrijiet Dumnikani (li għalihom Melchiorre kien ħadem l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju) rawha miexja mal-anġlu kustodju tagħha lejn din il-knisja ... Dan rawh mit-twieqi ta’ wara tal-kunvent, li dak iż-żmien ma kellhom xejn mibni warajhom. It-triq li minnha rawha miexja hija l-istess triq li fiha hemm mibni s-Seminarju ...

Naturalment stejjer bħal dawn nsibuhom marbutin ma' ħafna nħawi oħra ta’ gżiritna u għalhekk wieħed irid joqgħod attent dwar l-awtentiċitą tagħhom. Iżda peress li dawn l-istejjer partikolari huma marbutin ma' din il-knisja u ssibhom f’kull kitba fuqha deherilna li għandna nsemmuhom.

Il-kappella tiġi rrestawrata

F’Marzu 1988 sar xogħol ta’ tindif u rinovazzjoni fil-knisja, minn fejn tneħħew il-qżiżijiet li kienu tħallew hemm matul is-snin. Minn dak iż-żmien il-knisja u l-palazz ta’ ma ġenbha għaddew minn sid għall-ieħor. Iill-palazz reġa’ nbena, imma l-knisja ma kellhiex tgawdi l-istess xorti!

Ftit snin ilu l-kappella u l-palazz inxtraw minn kuntrattur Malti Charles Mangion li għamel ħafna xogħol siewi ta’ restawr u rinovar. Il-kappella ġiet restawrata b’mod tajjeb ħafna.  Saħansitra fuq il-koppla ttellgħet kopja fidila tal-monument tar-Redentur magħmula mill-fibre biex ma jagħmilx ħsara lill-koppla u hekk terġa' tieħu s-sura li kellha mitt sena ilu.

Ritratt - Fr Jonathan Farrugia


Il-kappella minn ġewwa ġiet rinovata billi saru bankijiet tal-injam addatati ħafna mas-sura tagħha. Fuq l-altar tpoġġa ritratt fuq tila tal-pittura oriġinali li kienet tinsab f’din il-kappella. Ta’ min jgħid li t-titular oriġinali jinsab fil-Mużew Wignacourt fir-Rabat. Inħadem ukoll damask ġdid għall-pilastri li hemm fil-knisja. Dan l-aħħar tpoġġiet ukoll statwa tal-Madonna fil-knisja.

Ta’ min jgħid ukoll li apparti l-kappella ġiet rinovata wkoll is-sagristija li tinsab wara l-knisja fejn fiha saru ukoll faċiltajiet sanitarji. Kulma fadal isir hu li jitkompla t-tikħil tal-faċċata tar-rotunda biex b’hekk ir-restawr ikun tlesta għall-kollox.

Illum il-kappella tal-Virtł reġgħet akkwistat is-sura li kellha meta kienet nbniet ħafna snin ilu. Bħalissa il-kappella qed tkun miftuħa f’ċerti ġranet biex fiha isir talb mill-Legion of Mary.

 

Kitba ta’ Roderick Busuttil minn kitbiet ta’ Dr. Mario Buhagiar u Rev. Jonathan Farrugia. Il-parti dwar l-Agostinjani ttieħdet minn kitba ta' Fr.Mark Cauchi OSA li dehret fil-ġurnal The Malta Independent nhar it-18 ta' Novembru 2009
Ritratti ta’ Caroline Busuttil, Fr. Jonathan Farrugia, Nikol Ciantar, Tony Bonello u mill-Internet

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia
Ritratt - Tony Bonello    1977
Ritratt antik tal-kappella tal-Virtu
Ritratt - Caroline Busuttil

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017