KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - William CamilleriIl - Battisteru

Il-knisja ta’ Sant’Ubaldeska
~ Raħal Ġdid ~

Knisja li nsibu f’Raħal il-Ġdid hija dik iddedikata lil Santa Ubaldeska. Din tinsab fi Triq l-Arkata. Qabel ma nbniet il-Parroċċa ta' Kristu Re, il-knisja ta' Santa Ubaldeska kienet dik il-knisja li mitt sena ilu saret l-ewwel Parroċċa ta' Raħal Ġdid.

Jekk titlaq mill-pjazza prinċipali ta' quddiem il-knisja Parrokjali ta' Kristu Re, quddiemha hemm triq li jisimha Triq l-Arkata li qedha bejn żewġ każini, wieħed tal-Soċjetą Filarmonika De Paule, Banda Kristu Re u każin ieħor politiku. Hekk kif tinżel sa nofs it-triq hemm pjazza bi ġnien fiha li mill-ewwel tara din il-knisja storika ta' Santa Ubaldeska. Dan l-aħħar (2009) din il-knisja beda jsir restawr fiha, speċjalment mal-faċċata tagħha. Sar ukoll tisbieħ tal-ġnien fil-pjazza li hemm quddiem il-knisja.


Ritratt - William CamilleriKnisja - S Ubaldeska


Santa Ubaldeska

Santa Ubaldeska hi fost l-qaddisin li kienu jagħmlu parti mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan jispjega d-devozzjoni li kellhom għaliha diversi kavallieri fosthom il-Gran Mastru Antonie De Paule li waqqaf din il-knisja f’Raħal Ġdid. L-akbar tagħrif dwar din il-qaddisa insubuħ appuntu fil-ktieb "Dell'Istoria della sacra religione" ta' Giacomo Bosio, li kien l-istoriku tal-Ordni.

Ubaldeska twieldet viċin Pisa, fl-Italja fl-1136 u ngħaqdet mal-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm meta kellha biss ħmistax-il sena. Hi ħadmet għal ħamsa w’ħamsin sena f’infermerija fil-monasteru ta' Pisa. Hemmhekk kienet tieħu ħsieb lil dawk li kellhom bżonn il-kura, taħdem bil-qalb għall-imħabba ta' Alla. Mietet fit-28 ta' Mejju tal-1206.
Il-ġenituri tagħha kienu minn familja fqira u umli ta' bdiewa li jaqilgħu l-għixien tagħhom mir-raba li kienu jaħdmu bla waqfien. Kienu Insara eżemplari, iħobbu l'Alla u lill-proxxmu tagħhom.
 
Ubaldeska kienet tfajla li tħobb tgħin ħafna fid-dar tagħha u ukoll kienet tqatta’ ħafna ħin fit-talb titkellem m'Alla. Għalkemm kienet għadha ta' eta żgħira, qatt ma qagħdet lura milli tgħin lil kull min kien ikun fil-bżonn.

Bdiet taħseb kif tista’ b’ħajjitha tagħti glorja l'Alla u togħġbu u għalhekk talbitu biex juriha kif. Fl-eta ta' erbatax-il sena, waqt li kienet qiegħda tagħmel il-ħobż għall-familja tagħha, kellha viżjoni ta' anġlu li qalilha biex tidħol f’kunvent tas-sorijiet tal-Ordni ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm. Hekk għamlet u daħlet bħala soru fil-kunvent ta' San Ġwann ta' Carraia f'Pisa. Hemmhekk hi ħadet il-libsa ta' soru u għexet fil-kunvent, titlob, tagħmel penitenza u tgħix ħajja ta' soru qaddisa fl-umilta', ubbidjenza u tjubija. Hi dejjem kienet turi tbissima ma’ dawk kollha li tiltaqa’ magħhom u ħadd ma kien jimmaġina l-penitenzi li kienet tagħmel. Għal ħafna snin kienet tieħu ħsieb iddewwi l-morda fl-infermerija, kemm lil sorijiet kif ukoll lill-persuni oħra li kienu jkunu foqra u morda. Kienet magħrufa ma’ kulħadd għad-dedikazzjoni tagħha lejn dan ix-xogħol tal-kura lejn l-oħrajn.

Ubaldesca Jingħad li anke kienet tagħmel mirakli waqt li kienet għadha ħajja. Xi kwadri juruha b'ġarra żgħira f'idha. Din hija referenza għall-miraklu li jingħad li wettqet darba ma' xi pellegrini. Darba, kienet qed ittellgħa l-ilma mil-bir meta waslu ħdejha xi pellegrini għajjenin li talbuha ftit ilma biex jixorbu. Ubaldeska bierket l-ilma li kienet għadha kemm tellgħet mill-bir bis-sinjal tas-Salib u tagħthom jixorbu mill-ġarra. Il-pellegrini tomgħew inbid, mhux ilma, u malajr intebħu li kien sar miraklu permezz ta' dik is-soru qaddisa. Fl-ikonografija, din is-soru tidher ukoll b'Palma f'idejha. Il-Palma hu s-sinjal tal-Martirju iżda għalkemm din il-qaddisa qatt ma soffriet il-Martirju kif nifhmu ġeneralment bil-kelma, il-Palma tirrapreżenta l-"martiju" ta' tbatija u sofferenzi li għaddiet minnhom f'din id-dinja.
 
Imma darba waħda meta hi kienet qiegħda tittallab, u qed taqsam il-“pont tax-xewk” waqgħet ġebla minn fuq bini li kien għadu tiela’ u weġġa' serjament lil Ubaldeska f'rasha. Marret tħaffef lejn il-kunvent u meta rawha kollha dmija riedu jdewwuha. Hi ma riditx u qaltilhom li tħalli kollox f'idejn Alla. Il-ġerħa li kellha kompliet tinfetħilha imma hi kompliet tirrifjuta li tiġi kkurata.
 
Fra Doctus de Oculis, membru tal-Ordni ta' San Ġwann u kuratur tal-qabar ta' Kristu, meta ra lil Ubaldeska daqshekk ċerta qal lis-sorijiet sħaba biex jinfurmawh, lejl u nhar dwar il-progress tagħha, imma Ubaldeska indunat b'dak li qal u qaltlu li hu ma kellux ikun hemm fil-ħin meta hi kellha tmut ….. kienet profezija li twettqet.
 
Nhar jum it-Trinitą Qaddisa tas-sena 1206 jew 1207, Ubaldeska ħalliet din id-dinja wara dan l-inċident. Il-ġisem tagħha nżamm għal sebat ijiem.

Darba, Fra Bartolo de Palmieri, Prijur tal-Prijorat tas-San Sepulkru f'Pisa, irċieva favur speċjali mingħand Sant’Ubaldeska u bħala ringrazzjament, nhar il-festa tagħha li taħbat ma' dik tat-Trinitą Qaddisa, poġġa l-fdal tagħha ġo urna aktar elaborata. Beda wkoll jiċċelebra l-ġurnata tagħha kull sena.

Aktar tard, il-Gran Mastru Fra Hughes Loubenx Verdale talab lill-Kavallier Guilio Zanchini, li kien Fjorentin u l-Logutenent tal-Prijur ta' Pisa biex iġib f'Mala parti mill-fdalijiet tal-qaddisa biex jitqiegħdu fil-knisja Konventwali ta' San Ġwann. Dan sar bil-permess tal-Papa Sistu V b'ordni maħruġ fl-20 ta' Settembru tal-1586. L-ordni tal-Papa kienet tgħid ukoll li kull nhar l-20 ta' Mejju ta' kull sena kellha ssir festa f'unur il-qaddisa u li għal din il-festa kellu jintuża l-istess Offiċċju li kien jintuża fil-knisja Metropolitani ta' Pisa. Huwa ta Indulġenza Plenarja perpetwa lil dawk il-Fidili li żaru l-fdalijiet tagħha meta dawn inġabu f'Malta nhar l-20 ta' Mejju tal-1587.

Fl-1808, il-Franċiżi li kienu għadhom taħt l-ispirtu tar-rivoluzzjoni, qerdu l-kunvent u l-fdalijiet ta' Sant'Ubaldeska f'Pisa.
 
Il-Gran Mastru De Paule u l-bini tal-knisja ta’ Santa Ubaldeska

Il-Gran Mastru Fra Antonie De Paule (1622-1635) li hu l-fundatur ta' Casal Paula (Raħal Ġdid) ħa ħsieb biex jibni knisja għall-abitanti ta' dan ir-Raħal Ġdid li kien għadu kif bena, “Per comodo degli abitanti di Casal Nuovo” li bdew jiżdiedu, imma mhux bir-ritmu li xtaq hu. Minkejja li n-nies ma kellhomx bogħod għal knisja ta' Ħal Tarxien, il-Gran Mastru ried jibnilhom knisja sabiex il-Casal Nuovo (Casal Paula) ikollu identitą ċivili u parrokkjali distinta minn dak ta' Ħal Tarxien.
 
Nhar il-Ħadd 25 ta' Awissu, 1630, b'solenitą u pompa kbira, quddiem ħafna kbarat tal-Ordni u kotra kbira ta' nies, il-Gran Mastru qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja. Dan jixhdu l-ittra li Papa Urbanu VIII kiteb fil-31 ta' Lulju tal-1629, li tgħid “Fil-belt imsejħa Paula li qegħda fl-art tal-Ordni u fl-inħawi msejħa Malta.” L-istoriku Achille Ferres igħid li l-pjanti ta' din il-knisja iddisinjhom l-arkitett Vittorio Cassar, bin Ġerolamo. Meta l-knisja ġiet mibnija din inbniet b’tali mod li tkun tista' titkabbar meta l-popolazzjoni ta' Raħal Ġdid tikber.
 
De Paule kien devot kbir ta' Sant'Ubaldeska u għalhekk hu xtaq li din il-knisja l-ġdida tissemma’ għaliha. Barra li bnieha, kien ħasbilha wkoll għaż-żamma u l-ħtiġijiet tagħha flimkien mar-renta tar-Rettur li kellu jkun “un fra-cappellano dell'Ordine.” Dan kellu l-obbligu li fil-jiem ta' festi kmandati jiċċelebra quddiesa. Ħalla wkoll li nhar it-28 ta' Meju, jum iddedikat lil Sant'Ubaldeska, jitkantaw il-vespri.

Il-Pawlisti, isem mogħti lil abbitanti ta' dan ir-Raħal, kienu saru devoti ħafna tal-patruna tal-knisja ċkejkna tagħhom. Il-wisgħa tagħha, minn ġewwa, kien ta' 26 pied u b'fond ta' 27 pied. Għall-ftit nies f'dawk iż-żminijiet kienet biżżejjed. Sa 16-il sena wara li nbniet din il-knisja kien hemm 50 dar li jgħixu fihom 160 ruh.

Maż-żmien, il-festa ta' Sant'Ubaldeska kienet saret il-festa tagħhom, il-festa ta' Raħal Ġdid. Għalkemm bil-mod, in-nies kienu bdew jiżdiedu ukoll xi ftit għalkemm mhux daqs kemm kien mistenni. Fl-1760 kienu żdiedu għal madwar 200. Skont tagħrif ekkleżjastiku, sa madwar 115–il sena wara, f'medda ta' nofs mil kwadru l-għadd tan-nies kien tela' għal 847. B'żieda fil-popolazzjoni ma setax jonqos li ma tiżdiedx ukoll il-ħeġġa għall-festa. Fis-sena 1873, għall-ewwel darba il-festa kienet saret b'liminazjoni u ġiġġifogu ad unur tat-titular Sant'Ubaldeska.

Id-devozzjoni lejn Santa Ubaldeska tkompli tikber

Ta’ min isemmi li aktar ma’ beda jgħaddi ż-żmien id-devozzjoni lejn din il-qaddisa kompliet tikber. Ma' din id-devozzjoni kibret il-festa ad unur tagħha.

Fis-sena 1885 il-festi li saru kienu ħafna aktar mis-soltu. In-nies kollha tar-Raħal kienu nġabru fil-knisja biex jieħdu sehem fid-“divina psalmidie”. Il-knisja kienet armata bid-damask u mżejna sabiħ. Għal ħamest ijiem sħaħ in-nies ma kienu tilfu xejn mill-funzjonijiet fil-knisja. It-tridu f’dik is-sena kien għamlu r-rettur ta' din il-knisja, il-kjeriku kanonku Carmelo M. Bologna. Dan ukoll, biex ikompli jkabbar il-festa, fl-1898, kien waqqaf u organizza il-banda tal-lokal li ġġib l-isem tal-Gran Mastru Fra Antoine De Paule.
 
Statwa titulari ta’ Santa Ubaldeska
 
Fis-sena 1900 kienet saret festa ħafna isbaħ u akbar mis-snin ta' qabel. Din is-sena ġabet magħha il-bidu tas-seklu għoxrin u statwa titulari ġdida ta' Santa Ubaldeska.

Ir-rettur Don Carmelo Bologna kien iħobb u jirsisti ħafna għall-festa. F'din l-okkażjoni ta' din is-sena, minbarra l-festi ta' ġewwa, kienu taw xejra ġdida lil festi ta' barra. Lejliet il-festa u f’nharha saret mixgħela fiż-żewġ pjazez u fit-toroq ewlenin tar-raħal. Kienu mistiedna għadd ta’ baned u sar ukoll xi logħob tan-nar.

L-okkażżjoni speċjali kienet l-istatwa ġdida li ħadimha l-istatwarju magħruf Karlu Darmanin. Ta’ min isemmi li dak iż-żmien dan l-istatwarju kien popolari ferm u f’idejħ ġew fdati diversi statwi titulari fosthom l-istatwi ta’ San Gejtanu tal-Ħamrun u tas-Salvatur ta’ Ħal Lija.

Ħadd qabel il-festa, saret dimostrazzjoni mar-raħal bl-istatwa ġdida ta' Sant'Ubaldeska, li fija pparteċipat il-banda Fra Antoine de Paule.

Il-knisja ta' Santa Ubaldeska titkabbar
 
Fis-sena 1900 wkoll ingħata bidu għat-tkabbir ta' din il-knisja, ħtiega li kienet ilha tinħass. Fil-fatt, sa dak in-nhar, kienet għadha attwalment mhux kompluta. Fl-1883 qalu lil Arcisqof f'kitba sabiex jikkunsidra kif f'dan ir-raħal in-nies tkun moqdija sew fil-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Ir-rettur tal-knisja kien ħabrieki, iżda kien kjeriku u mhux saċerdot. F'din is-sena dan ir-raħal kellu 952 ruh jgħixu fih.

Wara ħafna apppelli u talbiet lill-Gvern, nhar is-17 ta’ Lulju 1910, il-Gvern wella I-knisja ta' Sant'Ubaldeska lill-isqof Pace.  Niftakkru li billi din il-knisja kien bnieha l-Gran Mastru, din kienet tal-Ordni u mhux tal-knisja u għalhekk kienet waqgħet f'idejn l-Awtoritajiet Ċivili metal-Kavallieri tkeċċew minn Malta. Magħha kien ta ukoll 49 pied u 6 pulzieri tul bi 33 pied u 2 pulzieri wisgħa mill-art tal-misraħ ta' quddiema bill-ħsieb li tkun tista' tikber.  Il-patt kien li malli tikber il-knisja din kellha ssir parroċċa.
 
F'inqas minn xaharejn, twaqqaf kumitat ta' 10 min-nies biex jaraw x'kellu jsir għax-xogħol tal-knisja. Saret sejħa għall-fondi, għall-ġebel, materjal tal-bini, self ta' għodod, għall-ġarr ta' ġebel bil-karettuni u xogħol min-nies. Kellhom tama li kuntratturi li kienu qed iħottu s-swar ta' Bormla u oħrajn fil-bini ta' Kordin jgħinuhom bil-għoti tal-ġebel milli jġarrfu. Lill-Kappillan ta' Ħal Tarxien, Dun Franġisk Attard, ħatruh bħala President Onorarju tal-Kumitat. Il-president kien in-Nobli Markiż Giorgio Crispo Barbaro di San Giorgio. Għal din l-opra wieħed sinjur Ingliż offra £100. L-imgħallem bennej, Mastru Piet Dimech, għamel il-pjanta u f'dik is-sena stess inbeda' x-xogħol billi ħattew il-faċċata biex resqet aktar 'l quddiem u ssir oħra isbaħ u akbar bħalma fil-fatt sar.
 
B'ħeġġa kbira, is-Sibt 15 ta' Settembru bdew iħaffru għas-sisien. Ix-xogħol kien tlesta sal-1901. Bl-entużjażjmu kbir li ħakimhom, minkejja l-ġbir u l-ħafna spejjeż li ġab miegħu dan ix-xogħol, il-festa ta' Sant'Ubaldeska, tas-26 t' Awissu tal-1900 ma kienetx inqas mis-soltu. Kellhom baned, luminazzjoni u logħob tan-nar fil-jumejn tal-festa. B'kollox, il-knisja kienet saret tesa' 180 ruħ.

Il-knisja ssir l-ewwel parroċċa ta’ Raħal il-Ġdid
 
Waqt żjara li l-Isqof għamel fil-knisja l-ġdida f'Settembru 1901, ippropona li jagħmel il-kwadru tat-titular imma dan kellu jkun iddedikat lill-Qalb ta' Ġesł. Fid-29 ta' Awissu 1905, l-isqof Pietru Pace ħareġ id-digriet li l-knisja ta' Santa Ubaldeska ġiet imwaqqfa bħala Vici-Parroċċa ta' Ħal Tarxien, bis-setgħa li tista' tamministra s-sagramenti lill-abitanti.

Ħames snin wara, fit-12 ta' Lulju 1910, b'digriet ieħor mill-istess Isqof ħabbar lil Raħal Ġdid bħala parroċċa. F’dan id-digriet imma ġie mgħarraf li d-dedika kellha tinbidel għal dak tal-Qalb ta' Ġesł. L-ewwel kurat (kappillan) tagħha kien Dun Salv Busuttil.

F'din l-okkażjoni storika, il-poplu ta' Raħal Ġdid laqgħu din id-deċiżjoni b'ferh kbir.  Barra t-tiżjin u l-armar tas-soltu, nhar it-18 ta' Settembru 1910, ħarġu għall-aħħar darba l-istatwa ta' Santa Ubaldeska bil-purċissjoni.
 
Bill-ħsieb biex tinxtered u tissaħħaħ aktar id-devozzjoni lejn it-titular il-ġdid mill-ewwel ħasbu għall-kwadru b'pittura tal-Qalb ta' Ġesł għal fuq l-altar maġġur. Il-pittura ġiet maħduma minn pittur magħruf Lazzaro Pisani. Il-pittura li hi meqjusa bħala ġojjel tal-arti f’Malta (“Esso e' davvero un gioiello d'arte”), tirrappreżenta lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesł bil-Madonna fuq naħa u San Pietru fuq l-oħra. San Ġwann l-Appostlu jidher iserraħ rasu fuq spallejn Ġesł. F'riglejħ hemm Santa Marija ta' Magdala mixħuta għarkobbtejha b'devozzjoni. Fuq il-blat tidher nixxiegħa żgħira tfawwar il-grazzji fuq l-umanitą.

Hemm ukoll nies li jirrapreżentaw lil poplu ta' Raħal Ġdid libsin b'ilbies folklorisitiku tal-1911 minn diversi oqsma u etajiet tas-socjeta' Maltija. Dan il-kwadru ġie inawgurat nhar il-festa titulari f'Ġunju tal-1911.
 
Il-knisja fl-Ewwel Gwerra Dinjija

Wara li l-knisja ġiet imwaqfa bħala Vici-Parroċċa fl-1905, kienet bdiet ukoll issir festa tal-Qalb ta' Ġesł. Fil-jiem tal-festa fil-knisja kienu jsiru tħejjijiet kbar u funzjonijiet liturġiċi mill-aqwa, priedki, quddies b'waħda kantata solenni u paniġierku f'jum il-festa. Meta l-knisja saret parroċċa bdiet issir b'solennita' akbar. Kienet tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta' fuq l-Ottava tal-festa liturgika tal-Qalb ta' Ġesł.
 
Fis-sena 1917, kienet it-tielet sena tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-festa ta’ dik is-sena ħabtet fl-1 ta' Lulju. Saru ċ-ċelebrazzjonijiet tas-soltu u mexxa l-funzjonijiet il-kanonku dekan Mousu’, li kien predikatur magħruf ta' dan iż-żmien. Patri Luigi Attard tal-Patrijiet Minuri niseġ il-paniġierku. Monsinjur Angelo Portelli, Dumnikan, isqof ta' Selinune, mexxa l-purċissjoni u ta l-Barka Sagramentali.

F'dawk iż-żminijiet tal-gwerra, f’Raħal il-Ġdid kien hemm għadd ġmielu ta' nies li ġew mill-Kottonera u għalhekk kienu jsiru festi sbieħ lit-tliet patruni titulari ta' dawn it-Tliet Ibliet. Skont it-titular li jkun, kienu jtellgħu l-banda tal-belt tagħhom u magħha kienu jitilgħu ħafna nies mill-inħawi. Uħud minn dawn il-festi ġieli tqiesu bħala “Festa Straordinarja” u kienu jsiru bil-kbir. Nistgħu ngħidu li Raħal Ġdid f'dawk iż-żminijiet kien mimli b’nies mill-Kottonera li kienu marru jistkennu minħabba l-gwerra u għalhekk ġara li nibtet ċertu pika bejniethom min minnhom kien jagħmel l-akbar festa lit-titular tal-belt tiegħu. Wara li l-knisja ta' Santa Ubaldeska ġiet imkabbra, kienu twaqqfu altari u anki statwi għalihom.

Din il-knisja baqgħet tintuża sakemm f'Ħadd il-Palm tal-1936 ġie trasferit is-Sagrament għall-knisja l-ġdida.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Jekk tħares lejn il-knisja minn ġewwa, fuq is-saqaf tinnota li dan hu maqsum f'żewġ partijiet, fuq naħa minnhom hemm id-disinn bic-crieki fil-ġebla u l-parti l-oħra hu lixx, mingħajr l-ebda disinn. Il-parti fejn hemm id-disinn hi l-biċċa antika tal-knisja. Sa l-1900, il-knisja kienet tikkonsisti biss fil-parti fejn fiha llum hemm id-disinn, iżda fl-1901 il-knisja tkabret biex tkun tista’ tkun aktar spazjuza għan-nies li bdew jiżdiedu. L-ewwel ġebla tal-knisja tqegħdet mill-Gran Mastru Antoine De Paule stess u tkabret fl-1901. Innota ukoll is-sena 1901 fuq is-saqaf tal-knisja, liema data, jiġifieri, tindika meta tkabbret.
 

Ritratt - William Camilleri - Dehra Generali

Dehra Ġenerali

Kif diġą għidna, minħabba li ħafna min-nies li ġew joqgħodu Raħal Ġdid kienu ġew mill-Kottonera, magħhom ġabu ukoll id-devozzjoni lejn il-Patrun tagħhom. Għalhekk, ħadu ħsieb li jagħmlu altar lill-Patrun tagħhom f'din il-Parroċċa ta' Raħal Ġdid.

Fil-knisja insibu erba’ altari sbieħ iddedikati lill-Patruni tat-tlett Parroċċi tal-Kottonera, jiġifieri il-Kunċizzjoni, San Lawrenz u l-Bambina. Fuq l-altar tagħhom hemm ukoll tlett pitturi li jirraprezentaw lil dawn il-Patruni.

Il-pittura li hemm fuq l-altar tal-Kunċizzjoni hu xogħol l-artist Taljan Filippo Venuti li jirrapreżenta lill-Madonna fuq is-sħab imdawwra b'erba' anġli bil-fjuri f'idejhom.

Il-kwadru li insibu fuq l-altar ta' San Lawrenz ġie mpitter fl-1910 mill-artist Malti Ġużeppi Duca (1871-1948). F'din il-pittura naraw lil qaddis liebes libsa ta' djaknu, ħamra, ifejjaq lill-morda.

Il-kwadru li hemm fuq l-altar tal-Bambina ġie mpitter minn Ramiro Cali' (1881-1945). Fih naraw lil Sant'Anna b'Marija bħala tarbija f'idejha u warajhom hemm Żakarija, missier il-Madonna, iħares lejhom. Quddiem il-Bambina hemm żewġ anġli iħarsu lejn it-tifla.

Xogħol ieħor mill-isbaħ hu tas-Sagra Familja, xogħol tas-seklu sbatax u li l-awtur tiegħu ma nafux minn kien. Jidher li dan tpitter fi żmien meta il-Gran Mastru Wignacourt (1690-1697) kien il-jaħkem Malta, dan minħabba li hemm l-arma tiegħu tidher fix-xellug fin-naħa ta' fuq tal-kwadru. Fih naraw lill-Madonna qegħda tħaddan f'idha l-leminija lil binha Ġesł u bl-id l-oħra tħares lit-tfajjel Ġwanni l-Battista filwaqt li San Ġużepp qiegħed joffri għanqud għeneb lit-tfajjel Ġesł.

Kwadru ieħor mill-isbaħ u antik ħafna hu dak ta' Sant'Ubaldeska li qabel kien it-titular oriġinali qabel ma sar dak tal-Qalb ta' Ġesł ta' Lazzaro Pisani, meta l-knisja saret Parroċċa.

Ir-Rettur tal-knisja dak iż-żmien meta saret l-estenzjoni tal-knisja kien il-Kjeriku Carmelo Bologna li kien qabbad lil Mastru Piet Dimech li kien bennej-mgħallem li għamel il-pjanta għal dan ix-xogħol.   L-istess bennej ġie mqabbad mir-rettur stess biex jibni kappellun f'din il-knisja biex jitpoġġa altar iddedikat lil Santa Ubaldeska li kienet il-qaddisa tal-Ordni. Insibu pittura tal-Gran Mastru De Paule u Santa Ubaldeska. Din il-pittura saret minn Bartolomeo Gargona (1584-1641).

L-akbar biċċa xogħol tal-arti li insibu f'din il-knisja hi l-pittura titulari tal-Qalb ta' Ġesł, maħduma minn wieħed mill-aqwa pitturi tas-seklu għoxrin, iż-Żebbuġi Lazzaro Pisani (1854-1932). Din il-knisja hi iddedikata lil Qalb ta' Ġesł.  Il-Qalb ta' Ġesł kien il-Patrun ta' Raħal Ġdid qabel ma sar Kristu Re. Din il-pittura iġġib id-data tal-1911. Il-gwarniċ waħdu hi biċċa arti mill-aqwa ebanista, il-mastrudaxxa prim ta' dak iż-żmien Emmanuele Buhagiar.

Jekk iżżur din il-knisja tajjeb ukoll tara l-altar maġġur li hu mżejjen b'figuri tal-irħam tas-simboli tal-erbgħa Evanġelisti u fuq kull ġemb tal-altar hemm żewġ anġli li ukoll huma maħdumin minn irħam abjad. Il-Tabernaklu fuq l-altar maġġur hu magħmul mir-ramm u fih hemm disinn ta' Ġesł fuq is-sħab iżomm is-Salib. Fuqu hemm raffigurata ħammiema li tirrapreżenta l-Ispirtu s-Santu.

Biċċa oħra xogħol sabiħ tal-arti hu l-fonti tal-Magħmudija li hu magħmul minn ġebla tal-franka imdawwar bl-anġli u disinn ieħor. Insibu ukoll il-gallarija tal-orgni li hu xogħol ieħor sabiħ fl-injam.

Il-knisja ta’ Santa Ubaldeska llum

Dan l-aħħar (2009) ġiet restawrata l-faċċata tal-knisja li maż-żmien kienu nfetħu xi konsenturi fiha. Sar monitoraġġ ta’ aktar minn sena biex jaraw jekk ikunx hemm xi effetti ta' aktar ftuħ fil-konsenturi. Il-faċċata ġiet irrestawrata. Reġa’ tpoġġa salib tal-injam mal-faċċata bejn il-kampnari kif kienet oriġinalment.

Din il-knisja għamlet żmien ma tintużax; anzi kienet isservi ta’ maħżen għal armar tal-festa. Kien ikun ħasra li knisja bħal dik kienet tibqa’ ma titgawdiex min-nies, wara li għal ħafna snin kienet tfisser ħafna għal poplu Pawlist minħabba li kienet il-Parroċċa ta' Raħal Ġdid.

Din il-knisja riċentiment qegħda tintuża regolari mill-grupp tal-Kariżmatiċi kull nhar ta' Sibt fejn issir il-quddies fiha u jsiru laqgħat darba fil-ġimgħa. Tintuża ukoll minnhom fis-sahra tal-Għid il-Kbir.

Il-Parroċċa tużaha wkoll nhar Ħadd il-Palm meta tibda’ l-funzjoni hemmhekk. Isir it-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u tal-Palm u jibqgħu sejrin proċesjonalment lejn il-knisja Parrokjali.

Is-sena 2010 ħabtet is-sena Ċentinarja għal Parroċċa ta' Raħal Ġdid. Għalhekk din l-ewwel parroċċa ta’ dan il-lokal ingħatat importanza kbira. Fiha saret it-Translazzjoni Pontifikali, kunċerti u wirja kbira u aktar biex ifakkar din is-sena importanti għal poplu ta' Raħal Ġdid.

Kitba ta’ Roderick Busuttil u William Camilleri
Ritratti ta’ William Camiller m(ill-website tiegħu, użati bil-permess) Charles J Agius

Ritratt - William CamilleriI - -Qanpiena
Ritratt - Charles J Agius - Santa Ubaldeska qabel ir-restawr
Ritratt - Charles J Agius - Santa Ubaldeska qabel ir-restawr
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri    Santa Ubaldeska-1900
Ritratt - William Camiller - iDe Paule u Sant`Ubaldeska 1
Ritratt - William Camilleri - It-Titular
Ritratt - William Camilleri - Altar tal-Bambina
Ritratt - William Camilleri - Altar ta Sant`Ubaldeska
Ritratt - William Camilleri - Altar tas-Sagra Familia
Ritratt - William Camilleri - Altar ta San Lawrenz
Ritratt - Mill-Website ta' William Camilleri
Ritratt - William CamilleriIl - Knisja waqt it-tisbih tal-pjazza
Ritratt - William Camilleri - Dehra Generali 2

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017