KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt: Noel Ciantar

Il-knisja tas-Salvatur
~ Kalkara ~

Storiċi bikrin jagħtuna ħjiel li fl-1487 kienet ġiet mibnija l-kappella ddedikata lis-S.S. Salvatur, fl-inħawi magħrufa bħala “la punta sottile della Rinella”, minħabba li tinsab viċin il-bajja tar-Rinella u fil-limiti tal-belt Vittoriosa.

Oriġini

Minn xi viżiti pastorali li saru fi żmien il-ħakma tal-ordni Ġerosolomitana ta’ San Ġwann, jirriżulta li din il-kappella antika ġiet imwaqqa fuq ordni tal-Gran Mastru Jean Parisot de Valette matul l-Assedju l-Kbir tal-1565 biex ma sserviex bħala difiża għall-Armata Turka li f’dik is-sena kienet qiegħda tattakka l-“Borgo” aktar tard magħruf bħala l-belt Vittoriosa.

Ġara li fis-sena 1580, Claudio Abela u Davidde Burlo’ talbu lill-Gran Mastru La Cassiere biex fl-istess post ta’ fejn qabel kien hemm mibnija l-kappella msemijja, tinbena oħra bi ħlashom. Dan talbuħ wara wegħda li huma kienu għamlu waqt l-Assedju l-Kbir. Din il-kappella reġgħet inbniet, iżda sfortunatament, l-informazzjoni storika dwarha hija limitata ħafna.  Nafu, iżda li fl-1676 indifnu f’din il-kappella għadd ta’ barranin, fosthom il-Balii Fra Giovanni Bighi li kien jiġi n-neputi tal-Papa Alessandru VII (Fabio Chigi). Dan tal-aħħar kien Inkwiżitur f’Malta fis-sena 1634 u kien residenti fil-belt Vittoriosa.
 

Ritratt: Noel Ciantar

 

Bighi miet fl-1676 bil-pesta kiefra li kienet laqtet ħesrem il-gżira ta’ Malta.

Sadanittant, din il-kappella reġgħet twaqqfet mill-ġdid fl-1680 fuq disinn ta’ Lorenzo Gafa’. Ħallas għaliha Fra Mario Bighi li waqqaf ukoll monument tal-ġebel fl-istess kappella b’tifkira ta’ zijuh Fra Giovanni Bighi. Il-kwadru titulari tal-altar maġġur ġie mpitter minn Mattia Preti u kien juri t-trasfigurazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din il-pittura ġiet misruqa fl-1798 matul l-invażjoni tal-Franċiżi.

Il-festa titulari tas-Salvatur, kienet tiġi ċċelebrarta fil-jum liturġiku tagħha, jiġifieri fis-6 t’Awissu. Matul dan il-jum kienu jsiru il-primi vespri, quddiesa kantata, u saħansitra tqassim tal-ħobż magħruf bħala “għażżiela”.

Madanakollu, wara rikors li għamel il-benefiċjat u wara sentenza maħruġa mill-Qorti Superjuri tal-Kurja b’digriet tal-21 ta’ Lulju 1812, minflok it-tqassim tal-ħobż kellu jibda jsir is-secondi vespri.

Fil-pesta li laqtet lill-gżira fl-1813, fiż-żona tal-Kalkara kien hemm aktar minn 800 ruħ. Minħabba l-liġi tal-kwarantina, kien diffiċli ħafna li jitwasslu s-sagramenti mill-knisja parrokkjali tal-Birgu għal din il-kappella. Għaldaqstant, fil-bidu ta’  Ġunju, fuq kunsens bejn il-kappillan tal-Birgu, Dun Ġwann Busutil, u l-benefiċjat Dun Lawrenz Lanzon, ġie deċiż li jintbagħat f’din il-kappella Fra Vinċenz Major, patri Karmelitan, bħala viċi parroku tal-Birgu. B’hekk, is-sagramenti daħlu għall-ewwel darba f’din il-kappella, bl-obbligu li jinżamm lampier mixgħul. Villa Bighi ġiet transformata bħala Lazzarett, u għalhekk b’digriet tas-6 ta’ Settembru 1813, iċ-ċwievet ta’ din il-kappella ġew mgħoddija lil Fra Luigi Pisani li kien kappillan ta’ Ordni Mediku Ġerosolomitan.

Fid-9 ta’ Mejju 1815 ġiet imbierka l-Via Crucis ta’ din il-kappella għand il-Gwardjan tal-Minuri Osservanti u ġiet applikata wkoll l-indulġenza rispettiva wara digriet li ħareġ minn idejn l-Isqof Mons. Ferdinando Mattei fis-27 t’Ottubru 1814.  Maż-żmien, din il-kappella saret benefiċjali permezz ta’ diversi għotjiet li sarulha, fosthom fis-27 t’April 1626 fejn parti l-kbira tal-art magħrufa bħala “l-Għolja tas-Salvatur” ġiet imħollija minn Dun Giovanni Franġisk Ciantar.

Il-Kalkara ssir Parroċċa

Kien fit-23 t'Awissu 1884 meta n-neguzjant Fortunato Gulia, li kien minn Bormla, għamel rikors fil-Kurja quddiem l-Isqof Mons. Carmelo Conte Scicluna sabiex parti mill-art li huwa kellu fiż-żona tal-Kalkara tingħata ħalli fuqha tinbena knisja flok dik tas-Salvatur. B'digriet li ħareġ fl-istess jum, l-Isqof iddelega lil Primiċerju Dun Ġużepp Azzopardi, li kien ir-Rettur tal-kappella tas-Salvatur, bħala l-bniedem responsabbli mill-bini ta' din il-Knisja l-ġdida. B'effett ta' dan, id-donazzjoni ġiet milqugħa skont l-att maħruġ min-Nutar Ġużepp Rossi fl-24 t'Awissu 1884.

Aktar kitbiet

Dan li għidna hawn fuq huwa kollu ddokumentat fil-volum relatat mal-Benefiċju tas-S.S. Salvatur li jinsab fl-Arkivju tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. Riċerka dwar dan id-dokument ġiet mgħoddija lilna mis-Sur Duncan Brincat mill-Kalkara.  Iżda dan mhux l-uniku sors primarju li jeżisti dwar din il-kappella. Barra dawn, jeżistu wkoll kitbiet oħrajn, bħal dik ta’ Ferres, li ma jistgħux jitqiesu bħala sors dejjem kredibbli billi ma jindikawx mill-liema dokument iġibu l-informazzjoni u għalhekk dawn jistgħu ikunu wkoll qed jirrepetu żbalji.

Sors primarju importanti hu r-rapport taż-żjara Appostolika ta’ Mons. Dusina fl-1675 li jitkellem dwar “Ecclesia sub vocabulo Sancti Salvatoris sita extra muros Civitatis Victoriosae Melitensis” li kienet barra mill-konfini tal-Birgu, madwar nofs mil ‘il bogħod fuq in-naħa tal-Lvant u li kienet tinsab f’art li kienet tappartjeni lil ċertu Didaco li kien Grieg. Il-kappella ma kelliex dħul iżda kien jieħu ħsiebha ċertu Papa Manolus, li kien Grieg ukoll. L-eredi ta’ Didaco mid-dehra ma tantx kienu inklinati li jkomplu jieħdu ħsiebha, forsi għax il-komunità Griega li kien hemm fil-Birgu kienet diġà bdiet tbewweġ lejn il-belt il-ġdida Valletta. Għalhekk Didaco għadda l-kappella lil Manolus b’ċerta piżijiet iżda wkoll bid-dħul mill-art li kienet mibnija fuqha. Għalkemm il-Griegi, li kienu superstiti u d-dixxendenti tagħhom li ġew mal-Kavallieri minn Rhodi kellhom erba’ kappelli fil-Birgu, din ma kienitx mibnija minnhom għax għandna ħjiel li l-ewwel darba li nbiet kien fl-1487, jiġifieri aktar minn ħamsin sena qabel ma l-Kavallieri ġew f’Malta mas-supersititi Rhodjani. Mhux eżatt ċar kif din il-kappella għaddiet għand il-Griegi u d-dokument dwar il-Benefiċju ma jsemmi xejn dwar dan. Li din il-kappella ġiet mitluqa mill-Griegi saż-żjara ta’ Dusina ireġi wkoll għax nafu, mill-volum tal-Benefiċji li semmejna, li fl-1580, jiġifieri ħames snin biss wara ż-żjara ta’ Dusina, Claudio Abela u Davidde Burlo daħlu biex jerġgħu jibnuha mill ġdid.

Dusina rrakkomanda li tingħata biċċa mill-ġnien kienet mibnija fih din il-kappella sabiex ikollha dħul minnu. Il-kappella kellha dar żgħira magħha u kien hemm l-obbligu li tiġi ċċelebrata l-festa tas-Salvatur fiha. Hu talab ukoll li l-kappella isirulha t-tiswijiet meħtieġa malajr kemm jista’ jkun.

Il-kappella kellha altar iddekorat b’ċarruta bajda tal-għażel, żewġ kandelabri tal-bronż, kappa tal-ġild u salib tal-injam impitter. Il-parti ta’ quddiem tal-altar kienet magħluqa b’żewġ bibien tal-injam (Ikonostasis ?) li fuqhom kienu juru disinji bl-istil tal-knisja Griega. Kellha wkoll tlett lampieri, bieb tal-injam fuq in-naħa ta’ barra li kien jingħalaq b’ċavetta u kienet imżejjna sabiħ. Minkejja kollox, jidher li kkumparat ma’ kappelli oħrajn li żar Dusina, din kienet fi stat tajjeb mhux ħażin, għalkemm forsi xi ftit jew wisq traskurata.

Mela, dan ifisser li sa 10 snin wara l-Assedju l-Kbir fiż-żjara ta’ Mons Dusina, din il-kappella kienet diġà qed tiffunzjona b’xi mod jew ieħor. Jidher ukoll, iżda, li ħames snin wara daħlu Claudio Abela u Davidde Burlo biex, kif rajna fil-volum tal-benefiċju, jerġgħu jibnuha mill-ġdid.

Kien Achille Ferres li kiteb li din il-kappella kienet saritilha ħsara kbira bil-ħbit tat-Torok waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565, iżda ma jgħidx li kienet twaqqgħet. Iżid ukoll li wara l-Assedju din reġgħet ġiet restawrata mill-Gran Mastru de Valette innifsu. Dan ifisser li l-kappella kienet restawrata almenu sal-1568, meta miet de Valette, u dan jaqbel tajjeb mal-istat tal-kappella li sabha fiha Dusina seba’ snin wara l-mewt tal-Gran Mastru de Valette, jiiġifieri fi stat relattivament tajjeb iżda li bdiet issorfri minn bidu ta’ telqa.

Għalkemm fil-volum tal-Benefiċjat tas-S.S. Salvatur imkien ma jinstab li l-Prijur Bighi irrestawra din il-kappella, Ferres jgħid ukoll li l-kappella żgħira ġiet restawrata mill-Kavallier Prijur Giovanni Bighi (jew Bichi) fuq disinn ta' Lorenzo Gafà u ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali, il-Kanonku Ludoviku Famucelli, fit-2 ta' Mejju 1651. Ferres ma jgħidx minn fejn ġab din l-informazzjoni iżda peress li jagħti d-data preċiża tat-tberik tagħha, wieħed jassumi li din ġabha minn xi sors dokumentat, sakemm ma qagħadx fuq x’qal ħaddieħor li seta’ kien żbaljat ukoll.

Iżda xi ħaġa li tistona ħafna hi li Ferres jgħid li dan ir-restawr sar fuq pjanta ta’ Lorenzo Gafà.  Id-dokument li semmejna u li jinsab fil-knisja parrokjali tal-Kalkara jgħid reġgħet twaqqgħet u nbniet mill-ġdid fl-1680 fuq disinn ta' Lorenzo Gafà għas-spejjeż ta' Fra Mario Bighi, in-nepputi tal-Prijur Fra Giovanni Bighi. Gafà għalhekk jidher li possibilment seta’ mess ma’ din il-kappella darbtejn, darba fl-1651 (skont Ferres) u darb’oħra fl-1680 (skont id-dokument fil-Parroċċa tal-Kalkara). Ferres ma jgħidx minn fejn ġab din l-informazzjoni iżda billi Gafà għex bejn is-snin 1638 u l-1704, wieħed irid jassumi li Ferres kien żbaljat għax fl-1651 Gafà kellu biss 13-il sena. Barra minn dan, mill-volum tal-Benefiċjat qatt ma jirriżulta li ntużat xi pjanta ta' Gafà għajr dik tal-1680.

Intant, Fra Giovanni Bighi kien serva fis-servizz navali tal-Ordni, u kien sar kmandant tal-Flotta Papali, li kienet topera fil-Lvant, flimkien mal-Venezjani u l-Iskwadra Navali tal-Kavallieri. Bħala Ammiral tal-Flotta tal-Papa, kien għen biex jitwaqqaf sptar għall-baħħara f'Civitavecchia, fl-Istati tal-Papa. Fl-inħawi tas-Salvatur, bena villa probabbli ftit snin qabel il-pesta, jew aktarx fil-1675. Aktar tard postha ittieħed biex jiġi żviluppat sptar mill-Ingliżi.

Deskrizzjoni tal-kappella

Din il-kappella antika għandha forma b’sitt faċċati u mal-faċċata prinċipli kien hemm statwa tal-ġebel tal-Madonna tas-Silġ iżżomm lil Ġesù fuq idha tax-xellug. Illum din l-istatwa tinsab miżmuma ġewwa l-kappella biex tiġi mħarsa mill-elementi. Il-kappella fiha ukoll kampnar ċkejken li kien jidher il-veru dgħajjef qabel ma l-kappella ġiet irrestawrata, bħalma kienet il-kappella nnifisha wkoll qabel dan ir-restawr.

Fil-kappella minn ġewwa hemm altar wieħed li fih pittura ta’ Santa Filomena tal-artist Malti Tommaso Madiona (1804-1864) minflok dak li kien insteraq fi żmien il-Franċiżi. Ma’ dan insibu ieħor tal-Kruċifissjoni. Il-kwadru titulari tal-altar maġġur kien ġie mpitter minn Mattia Preti u kien juri t-Trasfigurazzjoni ta' Sidna Ġesù Kristu.

 

Ritratt: Anthony M. Brincat



Fost il-kwadri li kien hemm f'din il-knisja kien hemm wieħed qadim ta' Santa Katerina, magħmul minn Giacomo Caranisi. Caranisi mhux biss kien ħalla ismu fuq il-kwadru iżda l-arma ta' kunjomu wkoll. Kwadru ieħor kien ta' Santu Rokku.

L-aċċess għal ġol kappella ma kienx possibbli sa ftit żmien ilu sakemm din ġiet restawrata għax il-bieb kien imbarrad u magħluq bi ċnagen tal-ġebel.

Il-bankijiet li kellha kienu miksija b’damask fin għax kienet ta’ spiss tiġi esposta għal diversi żjarat minn offiċjali navali. Minflok dawn il-bankijiet, illum insibu siġġijiet tal-kanen tal-aluminju. Fi żmien din il-kappella kienet ukoll użata bħala maħżen għall-armar tal-festa għax sofriet ukoll mill-istess destin bħal għadd ta’ knejjes u kappelli li ma jibqgħux miżmumin sew.

Rabta mal-eżekuzzjoni ta’ baħri Irlandiż

Riċerkatur ieħor mill-Birgu, is-Sur Gregory Gauci, kitbilna dwar episodju marbut mal-esekuzzjoni ta’ baħri morin Irlandiż li kien stazzjonat fuq frejgata navali HMS Rodney fil-Port il-Kbir. Din l-esekuzzjoni, deskritta fil-Court Martial ta’ dan il-każ, saret għall-aċċident li ġara’ minħabba ġlieda serja ħafna abbord din il-frejgata liema aċċident kien wieħed fatali. Kmieni filgħodu nhar it-8 ta’ Ġunju tal-1837 il-morin Thomas Mc Sweeney ġie trasferit għall-frejgata HMS Rodney ankrata quddiem il-Ponta tal-Isla fil-Port il-Kbir biex jiġi ġġustizzjat. Din kienet esekuzzjoni unika fl-istorja ta’ pajjiżna għax saret abbord bastiment tal-gwerra fil-Port. Wara l-esekuzzjoni, li saret permezz tat-tgħallieq fuq l-istess frejgata, il-vittma ġie mniżżel minn fuq l-arblu fejn kien tħalla’ mdendel u l-membri tal-fratellanza magħrufa bħala “tal-Miżerikordja” (Misericordia) ħaduh minn fuq il-frejgata fejn kien ġie mgħallaq biex għamlulu funeral Kristjan kif jixraq f’din il-kappella tas-Salvatur. Mc Sweeney ndifen f’qabar fiċ-ċimiterju ta' San Lawrenz fi Triq San Dwardu.

Kulma ġara’ kien li fi ġlieda li seħħet sitt xhur qabel bejn Mc Sweeney u kapural Allen, li kien spiss jinsulenta lil Mc Sweeney, dan tal-aħħar qabdu u xeħtu għall-fuq il-bridge. B’xorti ħażina Allen miet xi ħamest ijiem wara għax sofra ksur fil-kustilji u saqajh. Mc Sweeney għaddewh Court Martial f’Malta stess u ġie kkundannat għall-mewt bit-tgħallieq. Xi kittieba allegaw illi kulma ġara’ kien għax Mc Sweeney kien nisrani u Kattoliku. Minħabba li l-kapural Allen ma mietx mill-ewwel iżda wara ħamest ijiem, il-morin Mc Sweeney kellu jingħata l-ħabs u mhux il-forka.

Il-funzjoni saret u l-quddiesa Requiem qaddisha l-kappillan tal-Birgu qabel id-difna li saret fiċ-ċimiterju ta’ San Lawrenz fil-Birgu stess. Il-ġlieda msemmija hawn fuq saret f’Jannar tal-istess sena fuq l-istess frejgata, iżda waqt li din kienet stazzjonata fil-Port ta’ Barcellona fi Spanja. Billi Spanja ma kinitx fil-Commonwealth l-esekuzzjoni ma setgħetx issir ġo Spanja imma saret f’Malta. Jingħad illi dan Mc Sweeney deher u għamel diversi manifestazzjonijiet qrib il-qabar tiegħu, u kien hemm ċerta devozzjoni dwaru peress li l-Maltin fehmu sew illi ma kienx ħaqqu l-mewt. Din id-devozzjoni l-ewwel ma bdiet kien minn nies tal-Kottonera malajr imxiet ma’ Malta kollha u diversi nies kienu jiġu regolarment jinvistaw il-qabar ta’ dan il-baħri. [Ara wkoll in-Nota Editorjali aktar ‘l isfel]

Restawr

Din il-kappella antika li inbniet mill-ġdid aktar minn 300 sena ilu nafu illi kienet f’kundizzjoni diżastruża u dan kien jixhdu l-ammont ta’ ġebel li tmermer matul iż-żminijiet. L-istruttura sarulha bosta interventi fil-passat bħal kisi oħxon esaġerat bis-siment li kompla fis-sens tal-kelma għarraq il-kundizzjoni tal-istess ġebla. Sar studju meħtieġ fuq kull parti tal-binja u ġew imfassla interventi li kellha bżonn isiru. Fost l-ewwel xogħolijiet li saru kien hemm dawk biex ikunu eliminati possibiltajjiet li jissokta jidħol iktar l-ilma ġewwa li kien qiegħed jagħmel ħafna ħsara.

Sadanittant beda jsir it-tindif tal-ħitan tas-sagristija mill-kisi oħxon tas-siment fejn fuq xi bnadi kien ilaħħaq ħxuna esaġerata. F’dan ix-xogħol kienet saret tiswija tad-deffun u tħaffir ta’ kanal mad-dawra tal-kappella sabiex jilqa’ l-ilma tax-xita milli jidħol u jippenetra fil-bini. Dan kien proġett illi ma jinkludix biss restawr iżda beda jsir pavimentar tad-dawra kollha tal-kappella b’materjal taż-żonqor u kellha tkun installata sistema ġdida ta’ dwal li jdawwal din il-kappella storika.

Dan ix-xogħol inkorpora t-tneħħija ta’ “cables” tal-elettriku li kellhom jgħaddu minn taħt sabiex il-kappella ma tkunx imxekkla minn affarijiet li jkerrħu d-dehra tagħha. Ix-xogħol kollu ta’ restawr sar b’kollaborazzjoni tal-kappillan tal-parroċċa tal-Kalkara Dun Anton Galea Scannura u tal-Kunsill Lokali.

Għeluq

Issa, fuq pressjoni ta’ ndividwi li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku ta’ pajjiżna, indaħal il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex jieħu ħsiebha hu u jirrestawraha. Ix-xogħol tħalla f’idejn it-Taqsima tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali taħt it-tmexxija tal-Perit Jean Frendo. Ir-restawr beda f’nofs is-sena 2002, u tlesta f’Marzu tal-2009 bi spiża stmata li laħqet madwar €200,000.
 

Nota Editorjali:

Hemm ritratt li jinsab fuq lapida fuq il-qabar tal-baħri Mc. Sweeney li ġie mgħallaq fl-1837 fuq il-bastiment H.M.S. Rodney fil-Port il-Kbir u li hu midfun fiċ-ċimiterju ta’ San Lawrenz fil-Birgu.   Qed nużaw kliem preċiż – “ritratt fuq il-qabar ta’” u mhux “ir-ritratt ta’” għar-raġuni li hemm dubji serji kemm verament dan ir-ritratt juri lil dan imsejken baħri iġġustizzjat. 

Ir-raġunijiet għal dawn id-dubji huma tnejn:

  1. Mc. Sweeney ġie iġġustizzjat fl-1837.  Il-fotografija ġiet ikkummerċjalizzata minn Daguerre fl-1839, jiġifieri sentejn wara d-data tal-mewt ta’ Mc. Sweeney.  Qabel dan, il-fotografija kienet għadha biss sperimentali.  Ma nimmaginawx li baħri komuni kellu aċċess għal teknoloġija sperimentali.  Per eżempju, l-eqdem ritratti tal-President Abraham Lincoln ittieħdu fl-1846.
     
  2. Fi żmien Mc. Sweeney, il-baħrin komuni ma kinux jilbsu uniformi – kienu jilbsu dak li jkollhom, jew ħwejjeġ komuni, imsejħin “slops”, li kienu jixtru minn fuq il-bastiment stess.  L-Ammiraljat Ingliż introduċa l-uniformijiet għall-baħrin komuni biss fl-1857.

Copy of 007Allura dan ir-ritratt lil min juri ?  Ftit riċerka oħra turi li dan ir-ritratt juri baħri Awstraljan bl-isem Brian Thomas Mc. Sweeney, imwieled fl-Awstralja fl-1928 u miet ukoll fl-Awstralja fl-2005.  Għal xi żmien kien baħri fuq “minesweeper” iżda ma nafux x’kien jismu l-vapur li kien ibaħħar fuqu u jekk qatt ġie f’Malta.   Min u għaliex poġġa dan ir-ritratt fuq il-qabar ta’ Mc. Sweeney fil-Birgu ma nafux iżda żgur li dan ma jurix lil Mc. Sweeney li kien iġġustizzjat fl-1837.  Nemmnu wkoll li dan kien żball ġenwin minn xi ħadd li sab ritratt ta’ baħri bl-isem “Thomas Mc. Sweeney” u forsi ma rriċerkax sew qabel ma daħal fi spejjeż biex, b’devozzjoni, jagħmillu lapida bir-ritratt.


Artiklu ta’ Noel Ciantar mibni fuq kitbiet ta’ Duncan Brincat (il-volum dwar il-Benefiċjat tas-S.S. Salvatur) u Gregory Gauci (l-istorja tal-morin iġġustizzjat fuq l-HMS Rodney, riċerkata mill-atti tal-Court Martial). Użati bil-permess.

Ritratti ta’ Noel Ciantar, Anthony M. Brincat, Charles Vella u mill-Internet
Ħajr lil ħabib tagħna mill-Birgu li pprovdilna ritratti  riċenti (2014) tal-qabar ta’ Mc. Sweeney u li iżda ma riedx juri ismu.

Ritratt: Anthony M. Brincat
Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt: Anthony M. Brincat
Achille Ferres - mill-Internet
Ritratt: Anthony M. Brincat
HMS Rodney being hit by lightening 7 Dec 1838 - Charles de Brocktdorff
l-HMS Rodney - Ritratt mill-Internet
Ritratt:  Fotografu Anon., mehud ghas-sit taghna f'Novembru tal-2014
Ritratt:  Fotografu Anon., mehud ghas-sit taghna f'Novembru tal-2014
Ritratt:  Fotografu Anon., mehud ghas-sit taghna f'Novembru tal-2014
Il-kappella qabel ir-restawr - Ritratt: Carmelo Vella
Il-Kalkara - Ritratt: Noel Ciantar
Ritratt:  Fotografu Anon., mehud ghas-sit taghna f'Novembru tal-2014

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com