KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

It-Trinita (fl-"arzella") - Ritratt: Carmel Bezzina

Il-Knisja ta’ Santa Marija
 ~ Ħal Balzan ~

Waħda mill-knejjes sbieħ li nsibu fir-raħal ta’ Ħal Balzan hija l-knisja dedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidtna Marija, jew Santa Marija, kif inhi magħrufa l-aktar fostna l-Maltin. Il-knisja tinsab f’wesgħa żgħira ftit metri ’l fuq mill-knisja parrokkjali. Quddiem il-knisja ma tistax ma tolqtokx statwa ta’ Santa Marija merfugħa fil-għoli fuq pedestall f’nofs dik il-pjazzetta. Skont l-istoriku Pietru Pawl Castagna, din l-istatwa hija xogħol l-iskultur Sigismondo Dimech fl-1838.  Dan jgħidu Pietro Paolo Castagna, Lis Storia ta Malta bil Gzejer tahha. Min-naħa l-oħra, Achille Ferres jgħid li l-istatwa ħadimha V(incenzo) Dimech b’tifkira tal-ħelsien mill-kolera tal-1837. Ara Descrizione Storica delle Chiese di Malta e Gozo. Iżda dan huwa x’aktarx żball. Jekk l-istatwa saret mill-iskultur Vincenzo Dimech, ħadimha qabel is-sena msemmija u mhux b’dan il-għan billi huwa kien miet sitt snin qabel, fl-1831.  Il-knisja, miżmuma tajjeb ħafna, illum isservi bħala kappella tal-adorazzjoni, u ħafna nies minn dan ir-raħal u oħrajn mill-inħawi tal-qrib imorru jgħaddu ftit ħin ta’ talb fis-skiet u l-ħemda tagħha.

Il-knisja ta’ Santa Marija tinsab fil-qalba ta’ Ħal Balzan, f’waħda miż-żoni antiki tar-raħal. Madwar din il-knisja, u l-aktar fit-triq ta’ warajha li ġġib l-istess isem – Triq Santa Marija – għadhom jidhru wħud mid-djar qodma ta’ dan ir-raħal, u waħdiet minnhom eqdem saħansitra mill-knisja li naraw illum. Iżda tajjeb li wieħed jiftakar li l-knisja preżenti mhijiex l-ewwel knisja ta’ Santa Marija f’Ħal Balzan; qabilha kien hemm tnejn oħra mibnijin fl-istess post.
 

Knisja minn barra - Ritratt: Carmel Bezzina


L-ewwel knisja ta’ Santa Marija

Meta l-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietru Dusina żar lil Ħal Balzan nhar l-1 ta’ Frar 1575, l-ewwel knisja ta’ Santa Marija kienet ilha mibnija biss ftit xhur. Fil-fatt jgħid li l-knisja nbniet f’Awwissu tas-sena ta’ qabel (1574). Jgħidilna wkoll li kienet “ħelwa ħafna” u kellha artal wieħed dedikat lil Marija Assunta. Iżda mill-viżta pastorali tal-Isqof Tumas Gargallo, nhar l-4 ta’ Diċembru 1601, insiru nafu li l-knisja żdidulha żewġ artali oħra: artal dedikat lill-Madonna tas-Sokkors in-naħa tax-xellug, u ieħor dedikat lil Santa Katarina minn Siena n-naħa tal-lemin.

Tagħrif ieħor dwar din il-knisja jagħtihulna l-Isqof Baldassare Cagliares, fil-viżta tat-28 ta’ Novembru 1615. Jgħidilna li l-knisja kellha tliet bibien u quddiemha kien hemm ċimiterju mdaqqas imdawwar b’ċint, u li kienet “twila u wiesgħa biżżejjed” għan-nies ta’ dik in-naħa. Skont l-istess viżta, l-artal prinċipali kien tal-ġebel u kien qiegħed taħt apside rettangolari. L-Isqof Cagliares isemmi wkoll artal ieħor, dedikat lil San Ġużepp, u għalhekk il-knisja issa ġiet b’erba’ artali. L-orjentazzjoni tal-knisja kienet differenti minn kif inhi llum. Il-Vigarju Kapitulari Pier Francesco Pontremoli (8 ta’ Ottubru 1634) jgħidilna li l-bieb prinċipali tal-knisja kien iħares lejn il-punent, u l-bibien l-oħra wieħed lejn it-tramuntana u l-ieħor lejn in-nofsinhar.

Mill-viżta pastorali tal-Isqof Mikiel Ġwanni Balaguer, nhar it-2 ta’ Mejju 1637, insiru nafu li l-knisja kienet miżmuma tajjeb ħafna u nadifa, il-bieb kien għadu kif sar ġdid, u quddiem l-artal prinċipali kien hemm ventartal sabiħ tal-ġild. Jagħti deskrizzjoni wkoll tal-kwadru titulari: jgħidilna li n-naħa ta’ fuq jidher il-Missier Etern u n-naħa t’isfel ix-xbieha ta’ Marija Mtellgħa s-Sema. Il-kwadru kellu gwarniċ indurat bid-deheb fuq sfond iswed. Sfortunatament jidher li maż-żmien l-affarijiet inbidlu, u kellu jkun l-istess Isqof Balaguer li, wara li l-Vigarju Ġenerali Mons. Alessandru Bologna żar il-knisja fit-12 ta’ Diċembru 1658, iddikjaraha profanata, flimkien mal-knejjes ta’ San Mikiel u tal-Vitorja, f’Ħal Balzan ukoll, u ordna li l-ġid u l-obbligi tagħha jkunu trasferiti lill-knisja parrokkjali.

It-tieni knisja ta’ Santa Marija


Id-deċiżjoni tal-profanazzjoni tal-knisja xejn m’għoġbot lill-Balzanin tal-inħawi, li ħassew li mhux biss ma kinux se jibqgħu jinqdew fis-smigħ tal-quddies iżda li kienu se jinfatmu mill-għeżież tagħhom midfunin fil-knisja u fiċ-ċimiterju tagħha. Għaldaqstant huma kitbu lill-Isqof biex iqis mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu. Wegħduh ukoll li kienu se jagħmlu ħilithom biex jirrestawraw il-knisja. Għaddew ħdax-il sena mit-talba tal-Balzanin, iżda d-deċizjoni ma kinitx irtirata. Huma reġgħu ressqu t-talba tagħhom lill-Isqof Lawrenz D’Astiria meta żar lil Ħal Balzan nhar is-26 ta’ Settembru 1673. Tennewlu li kienu lesti jagħmlu kulma jordnalhom basta jkunu jistgħu jerġgħu jużaw il-knisja ta’ Santa Marija. Il-wegħda tagħhom żammewha, u wara biss sentejn il-knisja kienet tista’ tgħid mibnija mill-ġdid. Ferres jgħidilna li fil-fatt, nhar l-10 ta’ Marzu 1675 il-Kappillan Dun Dumink Ellul bierek il-knisja fost il-ferħ tal-Balzanin kollha.

L-ewwel deskrizzjoni ta’ din it-tieni knisja ta’ Santa Marija nsibuha fir-relazzjoni tal-viżta pastorali tal-Isqof Ġrolmu Molina nhar it-3 ta’ Jannar 1679. Jgħidilna li l-knisja kellha żewġ bibien, u mhux tlieta bħal ta’ qabilha, u l-bieb ewlieni kien iħares lejn in-nofsinhar, u l-ieħor lejn il-punent. Minbarra l-artal prinċipali li kien tal-ġebel, il-knisja kellha wkoll tliet artali żgħar. Dawn l-artali kienu tneħħew biex jinkiseb aktar spazju għan-nies. Fil-fatt ma jissemmewx fil-viżta pastorali tal-Isqof Bartilmew Rull tad-9 ta’ Ottubru 1758. Minn din il-viżta nsiru nafu li fil-faċċata tal-knisja kien hemm qanpiena waħda mdendla taħt ħnejja żgħira. Il-kwadru titulari, li juri lil Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem, huwa l-istess wieħed li qabel kien fl-ewwel knisja. Dettall ieħor jagħtihulna l-Isqof Vincenzo Labini, li fir-relazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 1781 jgħid li l-knisja għandha forma rettangolari. Jidher ċar li tul il-medda tas-snin din il-knisja kienet miżmuma b’għożża min-nies li kienu jiffrekwentawha, li mhux biss ħadu ħsiebha iżda żejnuha mill-aħjar li setgħu.

Iżda ġara li mal-mogħdija tas-snin, għal xi raġuni jew oħra, il-knisja bdiet tiġi traskurata, skont ma nsibu fir-relazzjoni tal-viżta pastorali tal-Isqof Labini tat-12 ta’ Diċembru 1791 u f’viżti oħra li għamel wara. Minkejja dan, fil-viżta pastorali tal-Isqof Ferdinando Mattei lil din il-knisja nhar it-18 ta’ Ottubru 1811, insibu li faħħar il-mod kif kienet miżmuma. Dak iż-żmien il-prokuratur tagħha kien Dun Salv Sammut, benefattur kbir ta’ din il-knisja. Fis-sena 1818 jidher li saritilha tiswija tajba, skont ma nsibu fil-Libro Introiti diversi fl-Arkivju Parrokkjali tal-knisja ta’ Ħal Balzan. Iżda l-ħolma ta’ Dun Salv, li kellu ħafna għal qalbu l-knisja ta’ Santa Marija,  kienet li f’dak l-istess post tittella’ knisja ġdida fuq l-istil li kien dieħel fil-gżira dak iż-żmien, anke jekk dan kien ifisser li hu stess ikollu jagħmel sagrifiċċji personali. Ix-xewqa tiegħu ma damitx ma seħħet.

It-tielet knisja ta’ Santa Marija

Il-knisja preżenti, dedikata wkoll lil Santa Marija, inbniet fis-sena 1846 bit-tħabrik ta’ Dun Salv Sammut, kif jgħidilna l-Isqof Publju Maria Sant fir-relazzjoni taż-żjara tiegħu lil din il-knisja nhar il-25 ta’ April 1849. Kif diġÓ ssemma, il-knisja għandha pjazzetta quddiemha u zuntier li titla’ għalih b’żewġ tarġiet. Kien hawn li fl-imgħoddi nsibu ċimiterju u li maż-żmien kien tneħħa. Il-knisja għandha tliet bibien, għad li tnejn biss jistgħu jintużaw: il-bieb ewlieni li jħares lejn in-nofsinhar, u żewġ bibien oħra, wieħed iħares lejn il-lvant, u l-ieħor lejn il-punent li llum huma mbarrat bil-ġebel, billi tmiss mal-knisja hemm dar privata.

 

S Marija Balzan iminn gewwa - Ritratt: Anthony M. Brincat


Il-knisja minn barra tolqot l-għajn għall-arkitettura sabiħa tagħha. Għandha faċċata eleganti, b’pilastru u żewġ nofs-pilastri fuq kull naħa b’kapitelli ta’ Ordni Joniku. Il-bieb il-kbir huwa mdawwar bl-iskultura li tispiċċa b’arkitrav, u fuqu tieqa ovali li tasal sal-friż li minnha jidħol id-dawl għal fuq l-orgni u l-artal maġġur. Il-gwarniċun tal-faċċata jagħlaq bi frontispizju maqsum fi tliet partijiet b’salib tal-ġebel fin-nofs. Fuq il-knisja tiddomina koppla tonda b’lanterna b’salib sempliċi fuqha li tkompli ddawwal il-knisja minn ġewwa. Il-knisja għandha wkoll żewġ twieqi oħra mdaqqsin, waħda fuq kull bieb tal-ġenb.

Jekk il-knisja ta’ Santa Marija hija sabiħa minn barra, hi bil-bosta isbaħ hekk kif tirfes mill-għatba ’l ġewwa. Il-knisja għandha pjanta ċentrali, b’erba’ pilastri prinċipali ta’ Ordni Kompost li minn fuqhom jitilgħu l-erba’ ħnejjiet li fuqhom tistrieħ il-koppla. Il-knisja għandha artal wieħed, imqiegħed fl-isfond ta’ prospettiva l-ġmiel tagħha u mgħolli b’tarġa mill-paviment li hu taċ-ċangatura. Il-mensa tal-artal hija tal-ġebel, bil-faċċata tagħha mimlija skultura; fin-nofs hemm il-post fejn seta’ jitqiegħed xi korp sant. L-iskannell tal-artal hu ta’ rħam isfar bl-isfond aħdar. Fuq l-artal insibu l-kwadru li juri t-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidtna Marija, imdawwar bi gwarniċ tal-ġebel kollu skultura. L-apside tagħlaq b’arzella li fiha hemm minquxa fil-ġebel raġġiera, u f’nofsha pittura tal-Missier Etern imdawwar minn għadd ta’ anġli. Fuq kull naħa tal-artal insibu bieb li jagħti għas-sagristija tal-knisja.

F’nofs il-paviment naraw irħama li tgħatti l-qabar ta’ Dun Salv Sammut, il-benefattur kbir ta’ din il-knisja kif ukoll tal-knisja parrokkjali, li kien ukoll wieħed mill-prokuraturi tagħha. Din il-lapida tgħid li dan il-post qaddis, dedikat lil Sidtna Marija, inbena mill-ġdid bil-ħila u l-ħidma ta’ Dun Salv Sammut Pullicino fis-sena 1846, u għalih iddedika ġidu kollu. L-iskrizzjoni tgħid ukoll li dan is-saċerdot għażel dan l-imkien biex fih jindifen, meta miet nhar il-21 ta’ Settembru 1859, fl-għomor ta’ 73 sena. Hija ħasra li llum din il-lapida hija mgħottija bit-tapit li jiksi l-knisja kollha minn ħajt sa ħajt. Wieħed jittama li din l-irħama għad terġa’ tinkixef biex tkun tista’ tinqara minn min iżur il-knisja u b’rikonoxximent lejn il-memorja ta’ Dun Salv.

Il-knisja ta’ Santa Marija mal-medda tas-snin

Tul il-medda tas-snin il-knisja ta’ Santa Marija għaddiet minn ħafna ġrajjiet. Biżżejjed ngħidu li għall-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija sabu l-kenn fiha bosta refuġjati li ġew Ħal Balzan mill-Kottonera. Wara li dawn ġew allokati fi djar f’Ħal Balzan, il-knisja bdiet isservi bħala awla tal-UniversitÓ ta’ Malta għall-istudenti tal-Liġi. Wara l-gwerra kompliet tintuża bħala maħżen għall-istatwi li jintramaw fit-toroq fil-festa tal-Lunzjata. Fl-1987 il-lanterna tal-knisja, li kellha ħafna ħsara, reġgħet inbniet mill-ġdid minn grupp ta’ voluntiera Balzanin li jaħdmu fis-sengħa tal-bini, bl-inizjattiva tal-Kappillan Dun Tarċisju Delicata.

L-aħħar żvilupp fl-istorja ta’ din il-knisja kien ir-restawr tagħha sabiex tkun tista’ tinfetaħ ħalli titgawda mill-pubbliku. Okkażjoni tajba kienet il-festi li kellhom isiru f’Ħal Balzan fl-2005 biex jitfakkru t-350 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Għaldaqstant il-Kappillan Dun Kalċidon Vassallo ħa ħsieb li din il-knisja tiġi restawrata b’mod professjonali biex tkun tista’ sservi bħala kappella tal-adorazzjoni. L-inawgurazzjoni tagħha mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, nhar it-18 ta’ Ġunju 2004, kienet il-bidu tal-festi ċentinarji tal-2005. Illum il-knisja ta’ Santa Marija tista’ titgawda fl-istat oriġinali ta’ meta nbniet ’il fuq minn 160 sena ilu. Hija mhux biss opra oħra tal-arkitettura li għandu r-raħal ta’ Ħal Balzan imma wkoll rokna ta’ devozzjoni u adorazzjoni lill-Ewkaristija, oasi ta’ sliem u faraġ tar-ruħ.

Kitba ta’ Carmel Bezzina.  Dan l-artiklu ġie aġġornat mill-awtur għal dan is-sit il-ġdid
Ritratti ta’ Carmel Bezzina u Anthony M. Brincat
Minn gewwa - Ritratt: Carmel Bezzina
L-istatwa - Ritratt: Carmel Bezzina
S Marija Balzan koppla - Ritratt: Carmel Bezzina
Ritratt: Carmel Bezzina
Titular - CIMG1362
Ritratt: Carmel Bezzina
Ritratt: Carmel Bezzina

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017