KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja ta’ Santa Katerina
u Sant’Antnin ta’ Padova
~ Birkirkara ~

Jidher li din il-knisja hija oħra minn dawk ta' oriġini l-aktar antika f'Birkirkara. Jerġa', tista' tgħid matul dan iż-żmien kollu kienet dejjem fiċ-ċentru ġeografiku tar-raħal, hekk li l-Karkariżi minflokha xtaqu li tinbena l-knisja parrokkjali attwali fil-bidu tas-seklu tmintax, u minkejja l-espansjoni urbanistika tas-seklu li għadda, għadha sewwasew fiċ-ċentru sal-lum. Issibha faċċata ma’ wiċċek inti u tiela’ minn Triq il-Kbira qabel ma tikser fuq il-lemin biex tgħaddi għall-pjazza fejn hemm il-knisja Parrokkjali ta’ Sant’Elena.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Oriġini u d-dedika

Fl-imgħoddi din il-knisja kienet magħrufa aktar bħala ta' Santa Katarina ta' Lixandra, qaddisa li x-xbieha tagħha għadha tidher fil-kwadru titulari.  Hekk ukoll kien sabha u rreġistraha monsinjur Dusina fil-viżta pastorali tiegħu fl-1575.

Fiż-żjara ta' monsinjur Dusina il-kappella tissemma’ bħala “ta' Santa Katarina”, u l-istess fiż-żjara ta' monsinjur Cagliaris fl-1615. Fiż-żjara ta' monsinjur Canaves (1716) tissemma’ bħala “ta' Santa Katerina” wkoll, imma jingħad li l-kwadru titulari kien juri lill-Madonna bil-Bambin, S. Katerina u Sant' Antnin ta' Padova. Fl-atti ta’ din iż-żjara ma tissemmiex il-figura ta’ San Mark li hu inkluż fil-kwadru preżenti b'mod sekondarju.  Jista' jkun li bdiet tissejjaħ għal Sant'Antnin meta kibret id-devozzjoni lejn dan il-qaddis - forsi anke wara li kienet inġabet fiha l-istatwa tal-qaddis fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. Ta' min jiftakar li fi żmienna, il-knisja tal-patrijiet Franġiskani Konventwali hi magħrufa bħala ta' Sant'Antnin, għakemm fil- fatt hija ddedikata lil San Franġisk.  Għalhekk, jidher li l-aħjar nomenklatura għal din il-kapella hu li hija ddedikata lil Santa Katerina ta' Lixandra u Sant' Antnin ta' Padova imma magħrufa popolarment bħala Sant'Antnin.
 

Ritratt - Noel Ciantar


Ritratt - Noel Ciantar




Fiż-żjara tiegħu, il-monsinjur Dusina kien sab li ma kellhiex ħlief altar u li mis-saqaf tagħha kienet tidħol ix-xita. Dwarha kien ħalla miktub li kien bnieha ċertu Nardu Tonna, li fil-festa tal-qaddisa kien jagħmel għasar u quddiesa, kif kien għadhom jagħmlu l-werrieta tiegħu. Dusina kien ġiegħel lil dawn il-werrieta jagħmlulha l-bibien u jsewwuha fi żmien xahar taħt penali ta’ 10 skudi. Sadanittant, l-obbligi kollha kienu ġew trasferiti għall-knisja parrokkjali sakemm isir dak li kien meħtieġ.

Mill-fatt li din il-knisja kienet għadha f'idejn il-werrieta, wieħed jista' jobsor bejn wieħed u ieħor kemm setgħet kienet qadima l-knisja fl-1575. U għalkemm Dusina ma sabhiex fi stat tajjeb, bħalma ma sabx bosta knejjes oħra u mhux f'Birkirkara biss, wieħed irid jiftakar li ż-żjara tiegħu kient biss għaxar snin wara l-assedju l-kbir, meta Birkirkara kienet tħarbtet mill-invażuri, kif kienu għamlu wkoll fl-inkursjoni tal-1551. Minkejja dan, Achille Ferres jagħti s-sena 1571 meta kienet inbniet din il-kappella minn Nardu Tonna, iżda ma jgħidx minn fejn ġab din id-data.

Sal-1601 dak kollu li kien meħtieġ kien sarilha u għalkemm kien għad ma kellhiex dħul, ċertu Giovanni Micallef kien jieħu ħsiebha, jiċċelebra l-festa bil-Primi Vespri u l-Quddiesa kif ukoll jixgħel il-lampier nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd. Kien ukoll jagħmel quddies ieħor matul is-sena.

Dettall ieħor dwar dil-knisja neħduh miż-żjara tal-isqof Cagliaris li kien għamel fl-1615.  Cagliaris  jgħid li kienet tħares lejn in-nofs inhar, kif għadha tagħmel il-knisja attwali tal-lum.  Dan dettall ta' ċerta rilevanza għax fl-antik il-knejjes, skont drawwa antika ħafna, kienu jkunu kważi kollha orjentati, jiġifieri n-nies tkun tħares lejn il-lvant meta titlob, u għalhekk il-bieb ewlieni tal-knisja kien ikun iħares lejn il-punent. Għalhekk jista’ jkun li jew inbniet wara l-Konċilju ta’ Trentu (1545 - 1564), meta l-orjentazzjoni ma baqgħetx rikjesta, u għalhekk id-data li ta Ferres tagħmel sens, jew setgħet kienet hemm qabel u għal xi raġuni, kienet reġgħet inbniet mhux orjentata.

Fl-1658 din il-knisja kienet ġiet ipprofanata mill-isqof Giovanni Balaguer Camarasa, iżda reġgħet infetħet is-sena ta' wara meta xi nies li ħallew flus apposta għall-kura tagħha hekk kif jidher fl-atti tan-nutar Pietro Attard tal-1659. Dik il-ħabta il-kwadru tagħha kien juri lill-Madonna bil-Bambin, lil Santa Katerina u lil Sant' Antnin ta' Padova. Jingħad ukoll li kellha zuntier quddiemha, kif aktarx li kien ikollhom il-knejjes iż-żgħar ukoll sa dak iż-żmien.

Sal-1758 kienet għadha magħrufa bħala ta' Santa Katerina, iżda jidher li sa kmieni fis-seklu dsatax, din il-knisja diġ kienet bdiet tissejjaħ ta' Sant'Antnin u Santa Katerina.  Kien fl-1828 li din il-knisja ngħatat is-sura kif nafuha llum, bi stil barokkeġġanti, li għall-periodu, nistgħu ngħidu li kien sar xi ħaġa tradizzjonali ta' timbru Kattoliku f'pajjiżna, b'kuntrast mal-istil neoklassiku li kien qed jintroduċi fostna l-ħakkiem Protestant. Il-pjanta tagħha hija ellittika u msaqqfa b'koppla. Il-flus ħarġuhom, din id-darba wkoll, il-fidili.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-faċċata tagħha hi miżmuma fit-truf b'żewġ pilastri kompożiti marsusin ma' xulxin fuq kull naħa, u 'l fuq miċ-ċinta hemm bħal opramorta baxxa bi frontispiżju fuq il-parti ċentrali u b'kupsidi ovali fuq il-pilastri. Il-loġġ ellittiku għandu lavur għamla ta' girlanda mad-dawra u hemm skultura rikka wkoll fl-ornat ta' mal-bieb ewlieni.  Is-simboli li hemm fil-frontispizju ta' din il-knisja, li allura sar meta din iġġeddet fl-1828, hemm il-Ġilju li jirrappreżenta ‘l Sant’Antnin u l-Palma li tirrapreżenta ‘ Santa Katerina ta’ Lixandra.

Ritratt - Noel Ciantar


Il-kappella għandha kampnar ta' daqs konsiderevoli fil-ġenb fuq wara, jiddomina it-triq dejqa u aktarx dellija li sserrep lejn il-kolleġjata. Dan fih erba' qniepen. Il-knisja ta' Sant'Antnin għandha wkoll sagristija u gallarija għall-kant fejn hemm armonju. Din qiegħda fuq il-bieb u titla' għaliha minn garigor mibni fl-imramma.

Minn ġewwa għandha planimetrija ċentrali ta’ forma ellittika, imsaqqfa b’koppla u lanterna. Faċċata tal-bieb ewlieni hemm apside taħt arkata għolja fejn hemm altar tal-irħam polikromu stil tradizzjonali u li hu kkonsagrat. Fuqu hemm ukoll tronett tal-istess matejal għall-espożizzjoni Ewkaristika.  Lapida fuq in-naħa tax-xellug tal-knisja tfakkar li din it-tribuna għall-espożizzjoni tas-Sagrament saret minn flus il-kanonku Carmelo Pirotta fi Frar tal-1992. Tal-irħam huma wkoll il-pilastri f’din l-apside.

Il-kwadru ewlieni, li mhux magħruf min pittru, minbarra l-qaddisin imsemmijin aktar 'l fuq, juri wkoll lil San Mark. Il-paviment tal-irħam kien sar fl-1899. Fuq il-ġenb tax-xellug hemm niċċa bl-istatwa tal-qaddis titulari, li jingħad li kienet ingħatat mill-isqof Antonio M. Buhagiar fit-tieni nofs tas-seklu dsatax. Sal-1992 kien għad hemm altar tal-ġebel quddiem din in-niċċa, li qabel ir-riformi liturġiċi tal-Konċilju Vatikan II, kien jintrama fuqu s-sepulkru f'Ħamis ix-Xirka. Dan kellu wkoll xenarju apposta.

Fl-aħħar sena msemmija, 1992,  kien sar bosta xogħol ta' manutenzjoni f'din il-knisja, u sar ukoll tronett tal-irħam għall-espożizzjoni Ewkaristika fuq l-altar, għax mit-13 ta' Ġunju tal-1993, festa liturġika tal-qaddis, il-knisja bdiet tintuża bħala ċentru għall-adorazzjoni Ewkaristika, fil-għodu wara ċ-ċelebrazzjoni ta' quddiesa.

Devozzjoni

Ma' din il-knisja hemm marbuta f'Birkirkara d-devozzjoni lejn id-dehriet tal-Madonna f'Lourdes u hemm statwa tal-Immakulata taħt dan it-titlu. Fiha jiltaqgħu ukoll xi għaqdiet reliġjużi. Fl-imgħoddi kienet ukoll fejn kienu jieqfu ċerti purċissjonijiet, fosthom dawk Ewkaristiċi, biex tingħata l-benedizzjoni sagramentali.

Kien hemm ukoll id-drawwa li minn fuq iz-zuntier ta' din il-knisja jitbierku l-irjieħ fl-hekk imsejħin Rogazzjonijiet, waħda mit-tlitt ijiem qabel Lapsi u nhar San Mark Evanġelista, li kif rajna hu inkluż fil-kwadru titulari. Ta' min ifakkar ukoll li meta l-kolleġġjata kienet ingħalqet għal xi żmien fl-1949, f'din il-kappella kien jiġi amministrat is-sagrament tal-magħmudija.

Kitba ta’ Philip Xuereb
Ritratti ta’ Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com