KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

San Mattew tal-Maqluba il-Kbir
~ Qrendi ~

Fir-raħal tal-Qrendi wieħed isib għadd ġmielu ta’ kappelli li wieħed jieħu gost jara li jinsabu fi stat tajjeb. Fit-triq li mill-Qrendi tieħu għal Wied iż-Żurrieq insibu żewġ knejjes imissu ma’ xulxin iddedikati lill-Appostlu San Mattew.  Billi ftit ‘l isfel minn din il-knisja, kif taqbad il-wied, hemm ħofra kbira magħrufa bħala “il-Maqluba”, din il-knisja l-kbira u l-knisja l-oħra medjevali iżgħar minnha li tmiss magħha flimkien jgħidulhom “tal-Maqluba”.

Il-knisja l-kbira hi magħrufa bħala “San Mattew il-Kbir” filwaqt li l-kappella medjevali li tmiss magħha hi magħrufa bħala “San Mattew iż-Żgħir”.    Wieħed jinnota li dawn il-kappelli huma magħrufin bħala “iż-Żgħir”  u “il-Kbir” u mhux bħala “iż-Żgħira” jew “il-Kbira” bħalma wieħed jistenna kieku wieħed kien qed jirreferi għall-knejjes infusom.  Jista’ jkun li dan l-appellattiv jirreferi għal xi statwa jew kwadru tal-qaddis u mhux għall-knejjes infushom.

Il-“Maqluba

Il-“Maqluba” hija depressjoni kbira fl-egħlieqi ta’ wara l-knisja. Din iffurmat meta sfrondat l-art, skont il-leġġenda, waqt tempesta u terremot fl-1343.

Għal aktar informazzjoni dwar din id-depressjoni tal-Maqluba u l-leġġendi assoċjati magħha ara l-kitba dwar il-knisja l-oħra, dik medjevali, fuq dan l-istess sit.

San Mattew l-Evanġelista

Ftit li xejn nafu dwar San Mattew.  Ismu hu mnissel mill-kelma Lhudija Mattija jew Mattai.  Jissemma’ ħames darbiet fil-Vanġeli u fl-Atti tal-Appostli:  darba f’Mattew 9:9, fejn hemm il-ġrajja tas-sejħa tiegħu minn Kristu u erba’ darbiet oħra meta jissemma’ bħala s-seba’ jew tmin wieħed fil-lista tal-Appostli.  Kien jaħdem bħala kollettur tat-taxxi, f’xi dwana, meta Kristu sejjaħlu għal warajh.  Hu l-istess persuna li kultant (f’Marku u f’Luqa) jissejjaħ “Levi”.  Jista’ jkun li qabel ma ltaqa’ ma’ Kristu kienu jsejjħulu “Levi” u mbagħad bdew isejħulu “Mattew” (ara s-similaritÓ ma’ Kefa/Pietru u Sawlu/Pawlu).  Jista’ jkun  ukoll li kienu jsejħulu “Levi” għax forsi kien mit-trib¨ ta’ Levi.

Nafu wkoll li kiteb il-Vanġelu bejn is-snin 70 wK u 110 wK bil-Grieg iżda possibilment din hi traduzjoni minn oriġinal miktub bil-Lhudi jew bl-Aramajk għax nafu wkoll li prieda fost niesu wkoll. 

Ħwejjeġ oħra dwaru iżda jdaħħluna fl-isfera tal-leġġendi u tal-ispekulazzjoni.  Il-Legenda Aurea ta’ Jacopus de Voragine tgħid li għal xi żmien ippriedka u evanġelizza fil-Lhudija iżda imbagħad mar fl-Etjopja (reġjun taħt il-baħar Kaspju fil-Lvant tal-Ewropa u mhux il-pajjiż bl-istess isem fil-kontinent Afrikan), fil-Maċedonja u fis-Sirja fost oħrajn. 

Jingħad ukoll li qajjem mill-mewt jew fejjaq it-tifel tar-Re Egippus u minħabba f’hekk ikkonverta r-Re u l-familja tiegħu kollha għall-Kristjaneżmu.  It-tifla tar-Re, Ephigenia, ikkonsagrat ruhha lil Alla u meta s-suċċessur tar-Re Egippus, li kien li kien jismu Hirtacus u li kien ukoll pagan, ried jinforzaha biex tiżżewġu, Mattew ippriedka kontrieh għax din kienet ikkonsagrata ‘l Alla.  Għal din ir-raġuni, Hirtacus bagħat lil xi nies biex joqtluħ.  Mhux magħruf eżatt x’ġara iżda il-Legenda Aurea tgħidilna li dan inqatel waqt li kien qed iqaddes imma ma tgħidx eżatt kif inqatel.  Ġismu ttieħed ġol-belt ta’ Salerno u wara, taħt il-Papa Gregorju VII, il-fdalijiet ta’ ġismu ġew trasferiti lejn knisja li ġġib ismu, fejn huma meqjumin mill-ħafna devoti li tiegħu.

Il-kult ta’ San Mattew f’Malta u Għawdex

Għalkemm illum il-ġurnata f’Malta l-isem “Mattew” (jew Matthew jew Mattia fil-verżjonijiet Anglikanizzati jew Taljanizzati) qed isir popolari fost l-ismijiet li jinagħtaw lis-subien, ma jidhirx li hawn xi devozzjoni speċjali lejn dan il-qaddis jew xi kult qawwi.  Din il-knisja u l-oħra medjevali li hemm tmiss magħha huma l-uniċi knejjes ddedikati lil dan il-qaddis f’Malta u f’Għawdex.  F’Malta hawn żewġ imsieraħ imsemmijin għalih (fil-Qrendi u f’Ħal Safi) u triq waħda fil-Qrendi.

Fejn jidħlu niċeċ fit toroq, skont il-list li nsibu fil-ktieb “Ġabra ta’ Statwi u Niċeċ Reliġjużi fit-Toroq ta’ Malta u Għawdex” ippublikat minn Nikol Ciantar fl-2013, San Mattew jidher 9 darbiet fi tmin irħula differenti (tnejn fil-Qrendi u waħda kull wieħed f’Birkirkara, fil-Floriana, fil-Għargħur, fil-Mosta, f’Ħal Qormi, f’San Ġwann u f’Ħaż-Żabbar).  Iżda dan jista’ jkun li l-Appostlu jidher bħala wieħed minn sett ta’ erba’ Evanġelisti u mhux għax hemm xi devozzjoni partikolari lejħ.  Fil-Għargħur, fil-Floriana, f’Ħaż-Żabbar u f’Ħal Qormi fil-fatt insibu l-istatwa ta’ kull Evanġelita fil-lokal.

F’Għawdex jidher li l-Appostlu u Evanġelista m’għandu l-ebda kult għax la knejjes, ta’ toroq u lanqas niċec m’hemm iddedikati għalih.

Il-knisja l-kbira jew San Mattew il-Kbir

Tmiss mal-kappella l-antika medjevali nsibu knisja ferm akbar iddedikata ukoll lil San Mattew Appostlu.  Mhux soltu li kappella kienet titkabbar billi tinbena oħra ħdejn l-antika.  Ġeneralment, l-antika kienet titwaqqa’ u tinbena oħra ġdida minflokha.  Ma nafux għaliex ma sarx hekk ukoll f’dan il-każ iżda dan ippermentta li l-knisja l-antika medjevali, li hi eżempju kemxejn rari ta’ arkitettura tat-tip tagħha fil-gżejjer Maltin, tibqa’ teżisti sal-lum.
 

Ritratt - Stanley Spiteri - San Mattew il-Kbir


Il-knisja l-kbira kienet bdiet tinbena fl-1674 u tlestiet fl-1682. Fit-12 ta’ Settembru tal-1683 ġiet imbierka minn dun Dumink Formosa, il-kappillan tal-Qrendi ta’ dak iż-żmien.

It-titular

Il-knisja, li hi mdaqqsa sew, għandha forma rettangolari b’altar wieħed. Fuq l-altar insibu l-pittura titulari.  Qabel, u din l-informazzjoni għadhek issibha f’xi kitbiet u f’xi siti eletroniċi oħrajn, dan il-kwadru kien jiġi attribwit b’mod żbaljat jew lil Mattia Preti nnifsu jew lil xi ħadd mill-bottega tiegħu.  Il-professur Keith Sciberras, fil-ktieb tiegħu “From Caravaggio to Preti” jattribwieħ lil Giuseppe D’Arena u jgħid hekk fuq il-kwadru: “De Dominici himself, who had warned those who were not properly trained to look at paintings not to hastily attribute works to Preti because of the work of assistants working in his style, made the mistake of noting the 1683 Martyrdom of St Matthew (Church of St Matthew, Tal-Maqluba, Qrendi) as one of Preti’s better pictures, when it is so evidently the work of his bottega (or of a follower). The altar painting is a work of inconsistent quality and not very exciting but it has also some good passages. Its importance is in that it can be securely ascribed to Giuseppe D'Arena (c. 1643-1719) who, even though emerging at one point as an independent master, was very much influenced by Preti.”  Li hu nteressanti wkoll hu li l-professur Sciberras jagħti d-data tal-kwadru bħala l-1683, jiġifieri fi żmien l-isqof Molina filwaqt li sorsi oħrajn jagħtu d-data tal-1688 fi żmien l-isqof David Cocco Palmieri.  Naturalment wieħed għandu joqgħod fuq dak li jgħidu riċerkaturi esperti u għalhekk dan is-sit qed iżomm id-data ta’ dan il-kwadru bħala dik tal-1683 kif jagħtiha l-professur Sciberras.

Din il-pittura kien ħallas għaliha l-Kavallier Franċiż Nicola Communette.   Interesssanti hu li dan it-titular juri lil San Mattew liebes ta’ saċerdot waqt li qiegħed jgħid il-quddiesa u b’ġemgħa nies tattakkah.  Fl-ikonografija San Mattew ġeneralment jintwera bil-ktieb (Evanġelu) f’idu u bis-simbolu tal-anġlu qrib tiegħu u mhux fil-mument tal-matrirju tiegħu.  Għal dan ukoll, dan il-kwadru jidher li huwa mhux tas-soltu jekk mhux anki uniku.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Ta’ min jgħid li ftit tas-snin ilu din il-pittura kienet insterqet u wara li nstabet reġgħat tpoġġiet lura f’postha wara li sarilha xi tindif u restawr.  It-titular l-antik tpoġġa fis-sagristija tal-knisja. Il-gallarija tal-orgni li nsibu fuq il-bieb principali tal-knisja ġiet miżjuda fl-1834 mill-benefatturi dun Mikiel Zammit u dun Giovanni Antonio Spiteri.

Fil-knisja nsibu ukoll pitturi oħrajn fosthom dawk tat-Tlugħ ta’ Sidtna Marija s-Sema u tal-Madonna tar-Rużarju, li juri ukoll xeni tal-Posti tar-Rużarju. Ma nafux minn kienu l-artisti li pittru dawn il-kwadri.

Deskrizzjoni arkitettonika tal-kappelli minn barra u minn gewwa

Il-kappella għandha pjanta rettangolari daqxejn imdaqqsa u hija msaqqfa b'saqaf troll għoli li jistrieh fuq disa' ħnejjiet li jitilgħu minn gwarniċa fil-għoli tal-ħitan tal-ġenb. Wara l-bieb ewlieni hemm gallarija tal-orgni li nbniet fl-1834 u li tistrieh fuq sitt kolonni ta' stil Doriku.  L-altar waħdieni tal-ġebel, li hu mżejjen bi skultura fil-predella, għandu fuqu l-kwadru titulari tal-bottega tal-Preti li diġÓ semmejna li hu mdawwar bi gwarniċa sempliċi tal-ġebel. Fil-ġenb tiegħu hemm 2 bibien, wieħed jagħti għas-sagristija u l-ieħor għal 5 tarġiet li minnhom tinżel fil-kappella medjevali.

Il-faċċata għandha 2 pilastri twal ta' stil Toskan fil-kantunieri. Il-gwarniċa ta' fuq tinżel għaċ-ċatt fit-truf fejn hemm 2 kampnari zgħar, daqxejn kbar u sproporzjonati mal-kumplament.  Dawn inbnew wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta saru xi tiswijiet lil din il-faċċata billi kienet ġarbet xi ħsarat. Il-bieb hu kwadru, u fil-genb għandu 2 pilastri ta' stil Toskan. Fuqu hemm gwarniċa mmulata. Aktar 'l fuq wieħed jara l-isbaħ ħaġa ta' din il-faċċata - tieqa naqra kbira b'forma ta' salib b'erba' naħat nofs tond u erba' naħat oħra bil-kantunieri. Din ukoll kienet tkabbret waqt ir-restawr li sar fuq il-ħsarat li kienu saru fil-gwerra.  Fil-ġenb tal-bieb hemm is-soliti żewġ twieqi fil-baxx.
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Il-knisja tintlaqat fil-gwerra

Din il-knisja, ukoll kellha x-xorti kiefra li tintlaqat fil-gwerra kif ġara fil-każ ta’ diversi knejjes u kappelli oħra fil-gżejjer tagħna.   Kemm din il-knisja kif ukoll dik medjevali saritilhom ħsara iżda dik medjevali ntlaqtilha biss il-kampnar li qatt me reġa’ nbena.   Din il-knisja l-kbira iżda kienet l-aktar li saritiha ħsara għalkemm ġiet irrangata u messitiex ix-xorti li tiġġarraf u tintilef għal kollox kif ġara f’każijiet oħra.   Il-kappillan tal-Qrendi ta’ dak iż-żmien dun Mattew Magro kien ħa ħsieb dan ix-xogħol.

Kien it-12 t’April tal-1942 meta waqgħet bomba fuq din il-knisja. Wara l-gwerra l-arkitett inġinier S. Privitera rranġa l-ħsara kif ukoll saru xi alterazzjonijiet strutturali fil-knisja sabiex jitneħħa kull possibiltÓ ta’ periklu għall-kongregazzjoni.

Is-salib li kien hemm fin-nofs tal-faċċata tneħħa u minfloku tquiegħed ieħor ta’ daqs iżgħar.  Fuq it-truf tal-faċċata nbnew iż-żewġ kampnari li naraw illum.  Dawn ħadu post il-boċċi tal-ġebel f’forma ta’ ġandra li kien hemm qabel.  It-tieqa li kien hemm fil-faċċata tkabbret u tbaxxiet ukoll sabiex tkun tista’ tagħti dawl aħjar għal ġol-knisja.  Il-lavur fil-ġebel fuq il-bieb prinċipali wkoll inbidel filwaqt li l-entraturi fil-ġnub tal-knisja issaħħew billi saret arkata fuq il-fetħa rettangolari li għandhom. 

Kien hemm taraġ fuq barra fuq il-naħa tal-Punent tal-kappella li kien magħmul minn tarġiet ħerġin mill-ħajt u li kien jagħti aċċess għall-bejt tal-knisja.  Dan tneħħa.  Fuq in-naħa l-oħra, ħdejn il-bieb tal-Lvant tal-kappella jidher li xi darba kien ippjanat li kien ser isir xi bieb għal xi forma ta’ kripta taħt l-art.  Minn ritratti antiki jidher li dan kien sar wara l-1934.  Xi ħaġ’oħra nteressanti hija n-niċċa vojta li hemm fuq wara tal-knisja u li ma nafux b’liema ħsieb kienet saret.

Il-festa ta’ San Mattew

Il-jum liturġiku ta’ San Mattew Evanġelista hu l-21 ta’ Settembru.  Fil-passat il-festa fil-knisja ta’ San Mattew tal-Maqluba kienet tiġi ċċelebrata bil-kbir. Ħafna nies kienu jmorru għall-festa u fiha kienu jinbiegħu statwetti u pasturi tat-tafal ta’ diversi qaddisin mill-frattelli ta’ diversi frattellanzi. Illum il-festa għadha ssir f’Settembru, normalment Ħadd wara l-jum liturġiku tal-qaddis, iżda fuq skala ftit iżgħar. Issir fiera li tiġi organizzata minn waħda miż-żewġ baned tal-Qrendi. Il-knisja tiġi armata bid-damask għall-okkażjoni u wara l-quddiesa jkun hemm fiera u daqq ta’ marċi li tagħti ambjent verament sabiħ ta’ festa Maltija.

Il-knisja llum

Fl-1998, meta Kappilan tal-Qrendi kien dun Raymond Toledo,  sar restawr ieħor tal-knisja kif ukoll tisbieħ ta’ madwarha bħala l-proġett tal-millenju tal-Qrendi.  Sar ukoll restawr u tindif tal-pittura titolari ta’ San Mattew li kienet insterqet u reġgħet ġiet misjuba.

Saru wkoll kċina żgħýra u faċilitajiet sanitarji fis-sagristija li għamel din il-kappella aktar attraenti għal min ikun irid jużaha għall-irtiri u ġranet ta’ talb.

Il-knisja ta’ San Mattew illum tinstab f’kundizzjoni tajba ħafna u tkun miftuħa regolarment għall-quddies u għal attivitajiet oħra tal-parroċċa tal-Qrendi.


Kitba Roderick Busuttil
Deskrizzjoni arkitettonika ta’ Anthony M. Brincat.  Paragrafu dwar San Mattew ta’ Noel Ciantar.  Ħajr lis-sur David Schembri talli dawwarna mal-knisja u tana ritratti antiki tal-knisja.
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Anthony M. Brincat, Caroline Busuttil, Stanley Spiteri u ritratt antik mogħti lilna mis-sur David Schembri.

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt antik ta' qabel il-gwerra - Hajr is-Sur David Schembri
Ritratt - Anthony M. Brincat

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017