KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Vella

Il-Madonna tal-Karmnu
~ f’Ta’ Ħamet, l/o Xewkija ~

Fix-xaqliba ta’ bejn ix-Xewkija, il-belt Victoria u x-Xagħra insibu medda ta’ art imsejħa “Ta’ Ħamet”. L-isem mhux magħruf minn fejn ġej. Ftit li xejn hemm bini - hija firxa ta’ art tassew sabiħa, kollha għelieqi maħdumin, eżempju mill-aqwa ta’ pajsaġġ tradizzjonali Għawdxi li l-iżvilupp taż-żmien għadu ma qeridx.

F’nofs l-għelieqi, għall-kenn tal-għolja tan-Nuffara, fit-triq li tagħti mix-Xewkija għax-Xagħra tidher knisja żgħira li mhi mgħottija minn xejn. Din hija l-eqdem knisja tal-Madonna tal-Karmnu li għadha teżisti ġewwa Għawdex. L-oriġni tagħha joħodna lura għal żmien il-ħakma Franċiża tal-gżejjer Maltin.

Ritratt - Caroline Busuttil


L-isfond storiku għall-bini tal-knisja

Meta Napuljun Bonaparti rifes ix-xtut Maltin f’Ġunju tal-1798, kollox kien vantaġġjuż għalih biex jieħu f’idejh il-gżira mingħajr oppożizzjoni mingħand ħadd. Il-Maltin kienu ddejjqu bil-ħakma arroganti tal-Kavallieri, u l-aħħar Gran Mastru tal-Ordni, Ferdinand Von Hompesch, kien wera biċ-ċar li ma kienx kapaċi jmexxi. L-ideali ta’ fraternita’, ugwaljanza u liberta’ li kienu qed iwegħdu r-rivoluzzjonarji fi Franza rnexxielhom jirbħu l-appoġġ tal-Ewropa kollha, Malta inkluża. Għalhekk meta L’Orient, il-vapur ta’ Napuljun, tefa’ l-ankri fil-Port il-Kbir, il-Maltin kważi nistgħu ngħidu li laqgħuh b’idejhom miftuħha, imxennqin kif kienu li jeħilsu darba għal dejjem mill-Ordni.  Fil-11 ta’ Ġunju 1798 Malta u Għawdex għaddew minn taħt idejn l-Ordni Ġerosolomitan tal-Kavallieri ta’ San Ġwann għal idejn ir-Repubblika Franċiża. F’Għawdex il-Franċiżi kienu stazzjonati fil-Forti Chambrai u fil-Forti tal-Gran Kastell (iċ-Ċittadella).

Bidla kbira seħħet fil-gżejjer Maltin fi żmien qasir. Napuljun irnexxielu jeqred it-titli ta’ bosta familji nobbli Maltin u prova jneħħi ħafna mill-awtorita’ tal-Knisja. Il-qassisin u r-reliġjużi barranin ġew imġegħla jitilqu, kull ordni reliġjuż tħallielu biss kunvent wieħed u kull kuntatt mal-qorti tal-Papa f’Ruma ġie mwaqqaf. Il-Maltin, speċjalment il-qassisin, dehrilhom li dan kien indħil żejjed min-naħa tal-Franċiżi u l-poplu ma damx ma beda jgerger kontra din il-ħakma ġdida.

Malajr bdew jinsterqu t-teżori minn ġol-knejjes u din l-imġieba fferoċjat lill-Maltin. Meta fit-2 ta’ Settembru tal-1798 l-awtoritajiet Fanċiżi ddeċidew li jbiegħu f’irkant it-teżori u t-tapezzeriji tal-knisja Karmelitana tal-Imdina, il-poplu Malti qam qatta’ bla ħabel kontrihom. L-ewwel attakk kien meta qatlu l-kmandant Franċiż Masson ġewwa l-Imdina. Jumejn wara, fl-4 ta’ Settembru, il-mexxejja Maltin iltaqgħu fl-Imdina u waqqfu l-Assemblea Nazzjonali li b’akklamazzjoni ħatret lin-nutar Emanuele Vitale kap kmandant tat-truppi Matlin. F’kull raħal twaqqaf battaljun ta’ voluntiera biex jiġġieldu kontra l-Franċiżi.

F’Għawdex ġara l-istess - meta l-Għawdxin semgħu li l-Maltin qamu kontra l-Franċiżi, huma għamlu bħalhom, u minkejja li ma kellhomx armamenti u munizzjoni kif meħtieġ kienu deċiżi li jiġġieldu sa ma jitfgħu l-Franċiżi ‘l barra mill-gżira. Meta raw hekk, dawn malajr issakkru fil-fortifikazzjonijiet tal-Kastell u ta’ Chambrai.

Fost il-mexxejja tal-Għawdxin f’din ir-rivolta kien hemm l-arċipriet dun Saver Cassar, Liberato Grech u l-avukat Giuseppe Grima. Grech, li kien propjetarju ta’ xi artijiet mix-Xagħra, kellu f’idejh it-tmexxija u t-taħriġ tal-voluntiera mix-Xagħra u x-Xewkija. Grima ħa ħsieb dawk tal-inħawi taż-Żebbuġ.

L-attakki fuq il-fortifikazzjonijiet ma damux ma bdew. L-ewwel ma ċeda kien il-Forti Chambrai. Wara erba’ attakki, il-Franċiżi ta’ ġo fih indunaw li tmiemhom kien fil-qrib, għalhekk, fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Settembru tal-1798 ħarbu fil-kwiet u marru jistaħbew għall-kenn tas-swar tal-Belt Valletta. Dawk li kienu fil-Gran Kastell żammew posthom ftit ieħor, imma fit-28 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena, ċedew l-armi u telqu. F’Malta il-ħakma Franċiża damet kważi sentejn oħra, sal-5 ta’ Settembru tal-1800.

Ritratt - Nikol Ciantar Liberato Grech - il-benefattur tal-knisja

Għedna li wieħed mill-mexxejja tal-Għawdxin f’din ir-rivolta kien Liberato Grech, li ħa ħsieb iħarreġ il-voluntiera tax-Xagħra u tax-Xewkija. Dan it-taħriġ sar f’dar li għadha teżisti u tinsab eżatt faċċata tal-knisja tal-Madonna tal-Karmnu f’Ta’ Ħamet.

Grech twieled fix-Xagħra nhar it-22 ta’ Frar 1757, iben Bernard Grech u Petronilla Camilleri. Tgħammed f’raħal twelidu minn dun Mikiel Calleia u ingħata l-ismijiet Liberat u Nikola.  Il-parrinijiet kienu dun Ġużepp Speranza u Grazzja Sultana. Ma nafu xejn dwar it-tfulija tiegħu, ħlief li kien joqgħod ix-Xagħra. Il-familja tiegħu probabilment kellha l-artijiet fin-naħa ta’ Ħamet, għax fi żmien l-okkupazzjoni Franċiża hu kien il-propjetarju ta’ dawk l-artijiet.

Fil-25 ta’ Novembru 1775, meta kellu 33 sena, Liberato żżewweġ lil Rosa Sultana, mix-Xagħra wkoll, bint Anġlu u Katarina Caruana. Marru joqgħodu f’ta’ Ħamet, appuntu fid-dar bix-xbieha tal-erwieħ tal-purgatorju mal-faċċata, li llum tinsab quddiem il-knisja. Kien f’din id-dar li sar it-taħriġ tal-voluntiera. Binhom, Saver, sar saċerdot. Liberato u l-familja tiegħu kienu lkoll devoti ħafna tal-Madonna tal-Karmnu, u forsi kien dan li mexxieh biex eventwalment bena l-knisja li naraw illum. Minn fejn bdiet din id-devozzjoni mhux ċar għax ma kien hemm ebda knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu qabel dik li bena hu. Biss kien hemm diġà numru ta’ altari f’diversi knejjes iddedikati lill-Madonna taħt dan it-titlu, fosthom fix-Xagħra.

Wara li telqu l-Fanċiżi, Liberat, li kien imlaħħaq Kmandant Provinċjali meta dawn telqu minn Chambrai, kompla l-ħajja ta’ qabel fil-kwiet ta’ artijietu. Hu baqa’ magħruf bħala raġel umli u ta’ qalbu tajba, dejjem lest li jgħin lill-proxxmu. Ħafna nies kienu jmorru għandu biex jagħtihom xi parir. Kien raġel ġeneruż ħafna. L-istess bini tal-knisja huwa xhieda tal-ġenerosita’ tiegħu. Kulħadd baqa’ jirrispettah sa ma miet, fil-25 ta’ April 1837. Miet ġewwa daru fl-għomor ta’ tmenin sena. Il-funeral sar fil-knisja parrokkjali tax-Xewkija u ndifen ġol-knisja. Meta fis-seklu għoxrin inbniet ir-rotunda, il-lapidi tal-oqbra li kienu jinsabu fil-knisja l-qadima tpoġġew fil-mużew. Fosthom għadha tidher il-lapida tal-qabar tal-familja Grech “benefatturi tal-knisja ta’ Ħamet” bid-data 1891. Mal-ismijiet hemm ukoll dak ta’ Liberato Grech. Hija l-ewwel mix-xellug fl-aħħar ringiela tal-lapidi li jinsabu fil-mużew.

Il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu

Din il-knisja nbniet kollha bi flus Liberato Grech u martu bħala ringrazzjament lill-Madonna talli rnexxiet ir-rewwixta kontra l-Franċiżi. Mhix magħrufa d-data meta nbeda x-xogħol tal-bini. Tbierket mill-kanonku Salvatore Grech, iben Liberato u Rosina, nhar l-ewwel tas-sena 1837, erba’ xhur qabel il-mewt ta’ Liberato. L-art li fuqha nbniet il-knisja kienet tal-familja Grech, li dak iż-żmien kienu jaqgħu fil-limiti tar-Rabat t’Għawdex.  Il-koppja Grech għammruha b’dak kollu meħtieġ biex fiha jkun jista’ jsir is-servizz liturġiku. Sa minn mindu tlesta l-bini tagħha, din il-knisja kienet affiljata mal-knisja Matriċi ta’ Għawdex, illum il-Katidral ta’ Santa Marija.

Ritratt - Dun Karm Hili


Sena wara l-mewt ta’ Grech, benefattur ieħor ordna l-pittura titulari tal-Madonna tal-Karmnu mingħand Tommaso Madiona. Tqiegħed f’postu nhar it-22 ta’ Lulju 1838 wara li nġieb proċessjonalment mill-knisja parrokkjali tax-Xewkija sal-knisja ta’ Ħamet. Fil-purċissjoni ħa sehem il-Kapitlu tal-knisja Kolleġġjata u Matriċi ta’ Santa Marija tal-Gran Kastell tar-Rabat. Fl-1844 Antonio Falzon pitter il-kwadru ta’ San Mikiel.

Għal aktar minn mitt sena din il-knisja baqgħet kif kienet mingħajr ebda bidla notevoli. Bil-ħidma ħabrieka ta’ dun Ġużepp Mizzi fl-1949 inġiebet statwa tal-Madonna ta’ Fatima maħduma mid-ditta Thedim ġewwa Fatima stess. Ħallas għaliha Amante Azzopardi, devot kbir tal-Madonna taħt dan it-titlu. Din l-istatwa ġiet imbierka u nkurunata mill-Papa Piju XII qabel waslet Għawdex. Bl-inizzjativa tal-istess saċerdot dun Ġużepp Mizzi, din l-istatwa djoċesana għaddiet tmient ijiem ġewwa l-Katidral u mbagħad daret il-parroċċi kollha tal-gżira sakemm fl-aħħar sabet postha fil-knisja ta’ Ħamet. Minn hemm bdiet id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima ġewwa Għawdex.

Fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin sar ħafna xogħol biex tkompli tissebbaħ din il-knisja devota.  Fl-1952 sar altar ġdid tal-irħam li ħa post dak oriġinali tal-ġebel li kien hemm qabel. Ġie kkonsagrat, flimkien mal-knisja, fil-26 ta’ Lulju tal-istess sena mill-Isqof ta’ Għawdex mons. Ġużeppi Pace. L-altar inħadem għand id-ditta Alberto Barsanti f’Lucca, ġewwa l-Italja. Fuq quddiem tidher il-Madonna bil-Bambin fin-nofs. Fih ukoll żewġ statwi tal-irħam li jirrappreżentaw lil San Xmun Stock u li San Elija. Fl-okkażjoni tal-għeluq tas-seba’ ċentinarju tal-Labtu tal-Madonna, din il-knisja nidiet ħafna ċelebrazzjonijiet, fosthom li nġieb il-kwadru titulari tas-Santwarju Karmelitan tal-Belt Valletta.

Karlu Vella, minn Ta’ Kerċem, bena ż-żewġ kampnari li hemm fil-faċċata tal-knisja f’Ottubru tal-1958 taħt it-tmexxija tal-perit Ġuże’ D’Amato, l-istess wieħed li għamel il-pjanta tal-Bażilka tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Fl-1966 inġiebet l-istatwa tal-injam tal-Madonna tal-Karmnu minn Milan. Ħallsu għaliha diversi benefatturi.  Sar ukoll konfessjonarju li nħadem minn Baskal Attard minn Victoria. Dan kollu sar fi żmien ir-rettur il-kanoniku  dun Benjamin Attard.

Matul is-snin tmenin din il-knisja ġiet irrestawrata b’mod estensiv għax kienet verament fil-bżonn. L-art li hi mibnija fuqha kienet taflija ħafna u biż-żmien kienet bdiet iċċedi. Lejn l-1982 kienet fil-periklu li taqa’, u fil-fatt kienet se titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid sakemm instab mod kif tissaħħaħ l-art minn taħt. B’hekk ġiet salvata. Minn ġewwa meta wieħed iħares lejn l-arkati ta’ bejn il-pennakki tan-naħa tal-lemin jara l-ġebel kien diġà beda jiċċaqlaq minn postu. Fi żmien ir-Rettur prezenti il-monsinjur dun Karm Hili fis-sena 1988 beda l-bini ta’ sala kbira maġenb il-knisja, fuq in-naħa ta’ wara. Dawn jinfdu permezz tas-sagristija. Dan sar minħabba li n-numru ta’ nies li jmorru għall-quddiesa f’din il-knisja nhar ta’ Ħadd tant kiber li l-knisja l-oriġinali ma baqgħetx tesahom. Għalhekk il-quddiesa normalment issir fis-sala. Infetħet mill-ġdid fis-17 ta’ Ġunju 1991.

Il-pitturi ta’ ġol-knisja

Minn ġewwa l-knisja għandha forma kwadra u mhix kbira ħafna. Fiha erba’ pilastri li jingħaqdu f’erba’ arkati, b’erba’ pennakki bejniethom. Is-saqaf huwa ċirku ċatt - qisu kien hemm il-ħsieb li xi darba setgħet tinbena koppla imma mbagħad tħassar kollox.

Bla dubju l-ewwel ħaġa li tiġbed l-attenzjoni ta’ min jidħol f’din il-knisja hija l-pittura tal-Madonna tal-Karmnu li tinsab eżatt faċċata tal-bieb, wara l-altar maġġur. Bħalma diġà għedt hija xogħol Tommaso Madiona (1804-1864) li sar fl-1837. Fiha jidhru l-Madonna u l-Bambin bil-labtu f’idejhom, imdawwrin b’ħafna anġli żgħar. Taħt il-Madonna jidher pajsaġġ tipikament Għawdxi u fin-nofs tidher il-kappella ta’ Ħamet kif kienet oriġinarjament, jiġifieri mingħajr il-kampnari.

Fiha żewġ altari oħra, wieħed iddedikat lill-Kurċifiss u l-ieħor lil San Mikiel. Tal-Kurċifiss fih pittura ta’ Antonio Apap mix-Xagħra li turi pajsaġġ imdallam bl-għoljiet u xi bini fuqhom. Il-figura ta’ Kristu msallab hija statwa tal-istatwarju Wistin Camilleri minn Victoria, mhux pittura, simili għal dik li hemm fil-knisja taż-Żurrieq.

Il-pittura ta’ San Mikiel turi lill-arkanġlu fin-nofs bix-xitan taħtu. Għalkemm bħala tema huwa simili għall-pitturi l-oħra ta’ San Mikiel li s-soltu naraw fil-knejjes tagħna, l-eżekuzzjoni u l-poża huma xi ftit differnti. San Mikiel għandu idu x-xellugija mgħollija ‘l fuq tipponta lejn is-sema, fil-waqt li bl-oħra qiegħed iżomm sejf ippuntatt l-isfel. Ilbiesu, korazza tal-metall minn fuq s’isfel, jfakkar l-ilbies tal-kavallieri tal-leġġendi arturjani. Ix-xitan ta’ taħtu jidher imfantas, mhux irrabbjat ħafna jew iddisprat u jgħajjat bħalma jiġi mpinġi s-soltu. F’idejh għandu l-furkettun, simbolu li għalkemm mirbuh, xorta waħda jibqa’ jattakka. Fuq nett, fuq ras San Mikiel hemm iskrizzjoni bil-Lhudi Mica’el. Il-kuluri li bih huwa mpitter dal-kwadru huma ħajjin ħafna, li mhux soltu nsibuhom f’tema bħal din. Huwa xogħol l-artist Malti ta’ nisel Għawdxi Antonio Falzon u sar fl-1844.

Is-saqaf ta’ din il-kappella ukoll huwa mpitter fis-sena 1981 mill-pittur Antonio Apap mix-Xagħra. Fih tidher il-viżjoni li kellu San Xmun Stock meta dehritlu l-Madonna u tatu l-labtu. Hija kopja ta’ pittura li tinsab ġewwa La scuola del Carmine f’Venezja, fl-Italja. Fil-pennakki jidhru erba’ qaddisin karmelitani, Santa Teresa ta’ Ġesú, Sant’Anġlu Merici, Sant Albertu u San Tumas Martri. Dawn min-naħa tagħhom huma kopja tal-pennakkli li jinsabu fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa l-Bażilka tax-Xagħra.


Ritratt - Dun Karm Hili


Interessanti ferm huwa kwadru li jinsab fis-sagrisitija u illum qiegħed mal-gallarija tal-orgni fil-knisja. Huwa kwadru antik ta’ stil barokk. Mhux magħruf meta sar u min għamlu. Juri l-konċepiment bla tebgħa tal-Madonna, u huwa simili ħafna għall-kwadru titulari tal-knisja kolleġġjata ta’ Bormla, tant li hemm min jaħseb li dan jista’ jkun il-buzzett tiegħu.

Il-festa u attivitajiet oħra li jsiru f’din il-knisja

Minn xi nformazzjoni li għaddieli r-rettur preżenti ta’ din il-knisja, il-monsinjur dun Karm Hili, jidher illi l-knisja għadha ferm maħbuba mill-poplu Għawdxi. Tkun miftuħa kuljum u jsiru żewġ quddisiet fiha kull nhar ta’ Ħadd, waħda fid-9:30 u l-oħra fis-19:30. Il-festa tiġi ċċelebrata fil-jum proprju, nhar is-16 ta’ Lulju. Lejliet issir quddiesa kantata fil-għaxija. Nhar il-festa jsiru diversi quddisiet, imma l-quddiesa Solenni tkun fil-għaxija. Iqaddes l-Isqof ta’ Għawdex, flimkien mar-rettur u xi saċerdoti oħra. Wara ssir purċissjoni żgħira mal-inħawi. L-attendenza numeruża turi d-devozzjoni li għandhom lejn il-Madonna tal-Kamnu l-Għawdxin, b’mod speċjali tan-nies mix-Xagħra, mix-Xewkija, minn Nadur,u minn Victoria. U nistgħu ngħidu minn Għawdex kollu u wkoll minn diversi Maltin li huma residenti jew jiġu Għawdex fil-weekends.

Din il-knisja tintuża wkoll bħala ċ-ċentru tal-Moviment Ewkaristiku ta’ Għawdex. Dan il-Moviment twaqqaf fis-6 ta’ Frar 1964 u beda juża din il-knisja bħala Sede Ċentrali tiegħu fl-10:00 ta’ fil-għodu nhar it-8 ta’ Diċembru 1969. Il-membri jiltaqgħu fiha mit-Tnejn sal-Ħadd fil-għaxija, bejn is-18:00 u d-20:00, għal adorazzjoni. Kull tieni Ħadd tax-xahar issir laqgħa fis-18:00 fejn jippjanaw il-ljieli tal-adorazzjoni li jsiru kull nhar ta’ Sibt li l-Moviment Ewkaristiku Djoċesan jagħmel fid-diversi parroċċi u knejjes f’Għawdex.

Fiha, bix-xieraq, jiġu mfakkra solennement ukoll id-dehriet tal-Madonna ġo Fatima fit-13 ta’ kull xahar bejn Mejju u Ottubru.

Min hu verament devot tal-Madonna taħt il-titlu qawwi minn tal-Karmelu, waqt xi mawra ġo Għawdex, m’għandux jonqos milli jżur din il-knisja ċkejkna biex fiha jfittex is-serħan u l-paċi li Ommna Marija biss taf tagħti.



Kitba ta’ Fr. Jonathan Farrugia
Ritratti ta' Dun Karm Hili, Caroline Busuttil, Carmelo Vella u Nikol Ciantar

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Dun Karm Hili
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil  - is-sala tal-quddies il-gdida

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com