KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia

Il-Lunzjata ta’ Wied Liemu
~ limiti tar-Rabat ~

F’parti mill-kampanja li tinsab madwar ir-Rabat ta’ Malta, insibu post imsejjaħ "ix-Xagħra ta’ San Leonardu" . F’dan il-post insibu xenarju mill-isbaħ u ħafna art fertili u agrikola. Wieħed mill-eqdem bini li nsibu f’dawn l-inħawi hija il-knisja tal-Lunzjata u naqra ta’ kunvent ċkejken magħha.

Il-bidu

Id-data preċiża ta' meta ġew il-patrijiet Karmelitani f'Malta mhix magħrufa. Nafu iżda li fil-5 ta' Ġunju tal-1418 sar testment minn mara nobbli ta' nisel Spanjol, jisimha Margarita d'Aragona de Peregrino li ħalliet knisja tal-kampanja ddedikata lill-Annunzjazzjoni flimkien mal-kunvent ta' magħha fl-inħawi ta' San Leonardu fil-limiti tal-Rabat tal-Imdina, biex tintuża minn xi ordni reliġjuż bl-obbligu li l-membri tiegħu jgħidu kuljum l-Uffiċċju Divin fil-knisja msemmija.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


Dokument misjub fil-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, iddatat 26 ta' Marzu 1446, jagħmel referenza għal dokument ta' ħames snin qabel u jikkwota minnu l-ismijiet tal-patrijiet Karmelitani li kienu jgħixu fil-kunvent tal-Lunzjata. Fosthom insibu wkoll xi ismijiet Maltin, bħal, per eżempju, tal-pirjol: "fr. Guillelmus Cassar Prior Conuentus Sancte marice nuntiate". F'dawk is-snin ir-regolamenti tal-Ordni Karmelitan kienu jipprojbixxu lill-komunitajiet li kienu għadhom jibdew li jkollhom pirjol.  Il-patri gwardjan tal-kunvent kien jissejjaħ ”prokuratur” u kien biss wara diversi snin li kien jibda’ jissejjaħ “pirjol'” Dan juri li fl-1441 il-komunità tal-patrijiet Karmelitani li kienet tgħix f'dan il-kunvent kienet diġà stabbiliet ruħha bħala komunità awtonoma bil-pirjol tagħha. Għalhekk dan id-dettall storiku nistgħu nieħduh bħala prova soda li l-aħwa tal-Karmelu ma damux wisq ma daħlu fil-kunvent ta' mal-knisja tal-Lunzjata wara t-testment ta' Donna Margarita.

Il-knisja u l-kunvent fl-ewwel snin

Flimkien mal-knisja u l-kunvent Donna Margarita ħasbet biex tħalli biżżejjed affarijiet biex il-knisja tkun mogħnija b'dak kollu meħtieg u biex dawk li kienu qed jieħdu ħsiebha jkollhom renti biżżejjed biex jgħixu. Fit-testment tagħha hija ssemmi diversi oġġetti oħra li ħalliet lill-Ordni li kellu jieħu l-knisja f'idejh: kalċi tal-fidda li kellha f'darha, par impullini tal-fidda, pjaneta ħamra, pjaneta ċelesti, kalċi ieħor ġdid tal-fidda u indurat, ktieb tal-omeliji u diversi lbies. Ma' dawn ħalliet l-artijiet kollha li kellha fl-inħawi ta' San Leonardu fir-Rabat, l-artijiet li kellha f'Għawdex kif ukoll dar li kellha fl-Imdina, biex mid-dħul tagħhom tkun mantenuta l-knisja u jinxtraw il-paramenti u l-ornamenti meħtieġa, li fosthom issemmi kotba, kalċijiet, ilbies sagru, kwadri, slaleb, irħam tal-altar u affarijiet oħra meħtieġa.
 

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia


Waħda mir-raġunijiet għaliex Donna Margarita ħalliet dawn il-ħwejjeġ kollha lil din il-knisja kienet għax, bħalma ssemmi hi stess fit-testment tagħha, kienet bnietha hi stess mill-ġdid. Dan ifisser li qabel l-1418 din il-knisja kienet diġà mwaqqfa. Studjużi tal-arkitettura jaħsbu li l-knisja ta' qabel kienet ibniet madwar is-seklu ħdax, għax xi ġebel li għad hemm użat fil-bini tal-lum jidher li ġej minn dak is-seklu.

Waħda mill-ewwel deskrizzjonijiet li nsibu ta' din il-knisja, wara li daħlu fiha l-patrijiet tal-Karmnu, ġejja mis-sena 1613, kważi mitejn sena wara t-testment ta' Donna Margarita. Minn dan l-inventarju nafu li l-binja kienet f'saħħitha u li kellha x-xorok forma ta' vleġġa. Ftit tas-snin qabel kien sar il-kwadru titulari fuq l-altar prinċipali li juri t-tħabbira lil Marija.  L-altar prinċipali kellu wkoll tabernaklu għas-Sagrament. Il-knisja kien fiha seba' kappelli, kull waħda bil-kwadru u l-altar tagħha. Dan jixhed li din il-knisja kienet tkabbret biex setgħu żdiedu l-altari. Wisq probabbli, ladarba dawn l-altari kellhom impinġija fuqhom xi armi, dawn kienu mħallsin u patroċinati minn xi familji sinjuri. Nafu li wieħed minn dawn l-altari ġodda kien iddedikat lil San Rokku. Il-patrijiet kienu għadhom jitolbu l-uffiċċju divin fil-knisja skont ir-rieda ta’ Donna Margarita. Minn snin qabel kienet daħlet devozzjoni ġdida ta' purċissjoni mill-Imdina sa din il-knisja, li kienet issir kull tielet Ħadd tax-xahar. Jidher ukoll li l-patrijiet kellhom l-inkarigu li jqaddsu fil-kappella tal-Buskett kull nhar ta' Ħadd.

Bħalma kien il-każ tal-knejjes Karmelitani kollha li nbnew qabel il-knisja tal-Karmnu tal-Belt Valletta, il-festa ewlenija ma kinetx tal-Madonna tal-Karmnu, imma tal-Annunzjata, u din kienet issir bil-kbir. Kienet issir purċissjoni mill-Katidral tal-Imdina sal-knisja tal-patrijiet bil-kapitlu, il-kleru u l-poplu. Kienet issir quddiesa kantata u l-paniġierku kien isir mill-predikatur li kien ikun magħżul biex jagħmel l-omeliji tar-Randan matul dik is-sena. Dan jagħmel ħafna sens għax il-festa tal-Annunzjata spiss taħbat fir-Randan. F'Ras ir-Randan ukoll, ħafna nies kienu jinġabru f'din il-knisja biex jitolbu.

Il-patrijiet ma waqfux isebbħu u jirranġaw il-knisja sakemm telqu minnha fl-1659. Fl-1631 sar it-taraġ għall-altar maġġur. Bejn l-1633 u l-1634 inħadem il-kor tal-injam li kien jintuża mill-patrijiet biex jgħidu b'mod aktar xieraq l-Uffiċċju Divin.  Għad baqa' dokumentat kemm intużaw injam u ċappetti biex inħadem. Fl-1643 inxtraw xi gandlieri ndurati u sar konfessjonarju ġdid. Seba' snin qabel telqu għall-Imdina, il-patrijiet ikkummissjonaw il-pittura għall-arkata prinċipali tal-knisja li tifred il-presbiterju mill-bqija tal-knisja. Din għadha teżisti, imma tinsab fis-sagristija, peress li l-knisja ċċekknet.

Fis-sagristija nsibu diversi oġġetti antiki li nġiebu minn diversi kunventi Karmelitani li ma għadhomx jintużaw. Fosthom insibu diversi relikwarji, konfessjonarju u pulptu. Hemm ukoll żewġ lapidi mwaħħlin: waħda tfakkar ir-restawr li sar fl-1844 u l-oħra tfakkar li f'dak il-post hemm midfuna l-qalb tal-Gran Mastru Fra Claude de la Sengle (1557). Gran Mastri oħrajn ukoll kienu jiffrekwentaw din il-knisja, fosthom il-Gran Mastri de Valette, Wignacourt u Garces. Dan tal-aħħar inkluda l-kunvent biswit il-knisja fit-testment tiegħu.
 

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia


Xi pitturi li nsibu f’din il-knisja

Skont id-dokumenti tal-Ordni Karmelitan, nafu li din il-knisja kien fiha diversi pitturi. Jissemmew fost l-oħrajn il-kwadru titulari tat-tħabbira lil Marija li kien jeżisti meta Donna Margarita bniet il-knsija fl-1418, ieħor bl-istess tema li sar fl-1594, pittura ta' San Rokku u kwadru tal-Madonna l-misteru tat-tħabbira tal-Mulej lil Marija. Fil-fond tal-istess kwadru fuq il-lemin kien jidher il-benefettur għarkubbtejh jgħid ir-Rużarju. Fuq il-lemin kien hemm l-arma tal-ġeneral u s-sena 1594.  Mhux magħruf x'sar minn dan il-kwadru jew meta tneħħa. Is-sens komun jgħid li ladarba ma nsibu ebda referenza għall-kummissjoni ta' kwadru ġdid min-naħa tal-patrijiet, probabbli dan il-kwadru baqa' f'postu sakemm telqu l-patrijiet fl-1659, u wisq possibbli li nsteraq meta l-bini kien vojt.

Hemm ukoll il-kwadru titulari ta' Loreto, ieħor tal-Madonna tal-Grazzja, wieħed tal-Madonna tal-Karmnu u ieħor ta' Santa Tereża. Minn dawn għadhom jeżistu żgur l-aħħar tnejn biss.

Il-kwadru l-antik li kien fuq l-altar ewlieni tal-knsija jista' jkun hu dak li jinsab fil-kunvent tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Nafu li fl-1570 il-patrijiet tal-Lunzjata akkwistaw biċċa art fil-belt il-ġdida li kienet qed tinbena u li l-ewwel ma bnew kienet kappella żgħira ddedikata lill-Annunzjata. Huwa maħsub li meta sar il-kwadru tal-1594, il-qadim ingħata lil din il-kappella fil-belt u jinsab konservat fil-kunvent, imma din hija biss ipoteżi ta’ Patri Serafin Abela.  Dwar il-kwadru tal-1594 nafu li kien jirrappreżenta li naraw illum f'din il-knisja u huwa rigal tal-patrijiet Karmelitani tal-Belt.

L-ewwel referenza għall-pittura tal-Madonna tal-Karmnu f'din il-knisja ġejja mis-sena 1612. Dan jagħmilha waħda mill-eqdem pitturi tal-Madonna taħt dan it-titlu li nsibu f'Malta. L-uniku kwadru li hu fiċ-ċert aktar antik minnu hu dak li jinsab fil-Bażilka tal-Karmnu fil-Belt. Din li naraw f'din il-kappella hija xbieha kemmxejn unika minħabba l-fatt li fiha l-artist tbiegħed mill-ikonografija tradizzjoni tal-Madonna bil-qiegħda bil-Bambin f'ħoġorha. Lil Marija narawha bil-wieqfa f'nofs il-kwadru waqt li qed tagħti l-iskapular lil San Xmun Stock li qiegħed għarkubbtejh aktar 'l isfel minnha. Taħt il-figura dominanti tal-Madonna, liebsa libsa ħamra mħażżma b'qafla kaħla madwar qaddha u mant abjad (flok is-soltu ikħal), hemm gozz erwieħ fil-purgatorju libsin il-labtu fuq sidirhom jitolbu lil Marija tidħol għalihom. Jidher ukoll anġlu qiegħed itajjar ruħ imlibbsa l-labtu lejn Marija. Il-figura tal-Madonna hija mdawwra bis-sħab u d-dija u xi kerubini. Fuq ras Marija hemm kuruna miżmuma minn żewġ puttini, li kull wieħed minnhom qed iżomm palma u ġilju. Fuqhom, kemmxejn mgħaffeġ, jidher il-Missier Etern b'dirgħajh miftuħin. Fir-rokna tal-lemin tidher l-arma tal-Ordni Karmelitan u taħtha hemm l-ittri F.P. AIVS. Hemm min jaħseb li dawn l-ittri jfissru Fecit pingere Agius jew Frater Petrus Agius li kien il-pirjol u li fi żmienu saret din il-pittura. Mhux magħruf min għamel dan il-kapulavur vernakolari, imma stilistikament jixbaħ remotament lil xi xogħolijiet ta' Filippo Dingli. Għalkemm bħala kompożizzjoni din hija ftit jew wisq statika, l-uċuħ tal-Madonna u San Xmun kif ukoll it-tinjiet fi lbieshom juru li min pittirha ma kienx nieqes mill-kapaċità artistika.

Pittura li saret ftit tas-snin wara, fl-1624, hija dik tal-estasi ta' Santa Tereża ta' Avila. Minn kitba fil-ktieb tal-kontijiet li jinsab fl-arkivju tal-Ordni fil-kunvent tal-Imdina, nafu li din saret minn Bartolomeo Gorogona ("un cuadroi della Sta. Teresa fatto da Maestro Bartolomeo Gorogona"). Il-figura ċentrali hija dik tal-qaddisa li tidher għarkubbtejha f'nofs żewġ anġli, probabbli San Gabriel u San Mikiel, skont il-mod kif inhuma lebsin. Wieħed mill-anġli qiegħed jinkurunha b'kuruna ta' ward waqt li l-ieħor qiegħed jipponta lejn it-Trinità li tidher mgħaffġa fil-parti ta' fuq tal-kwadru. Mhux kwadru ta' xi ġmiel jew maestrija partikolari.

Tibdil strutturali u tiswija fil-knisja matul is-sekli

Naturalment, bħal kull knisja oħra tal-qedem, biż-żmien sar xi tibdil fl-istruttura ta' din il-knisja wkoll. Huwa magħruf li għal xi żmien kienet ikbar milli hi llum - fil-fatt kienet twassal sax-xifer taz-zuntier li naraw quddiemha llum. Dan jixhduh l-arkati li hemm fuq iz-zuniter li darba kienu fil-knisja u kien fihom l-altari. Huwa magħruf ukoll li l-arkati madwar l-altari kienu saru wara l-bini tal-knisja, għax wara l-arkati għad hemm il-pittura.

Dan ifisser li nafu li kien hemm minn tal-inqas tliet mumenti meta l-knisja għaddiet minn tibdil strutturali: l-ewwel kienet mibnija b'ħitan lixxi, imbagħad meta sarulha l-arkati madwar l-altari li kellha, imbagħad meta ċċekknet minn quddiem u minn wara (u tnejn mill-arkati baqgħu barra) u l-ħitan reġgħu mill-ġdid ġew illixxati.

Minkejja li fl-1659 din il-knisja flimkien mal-kunvent tagħha sfaw abbandunati peress li l-patrijiet fetħu kunvent ġdid fl-Imdina, xorta waħda minn żmien għal żmien baqgħet issir ħidma ta' tiswija meta kien hemm bżonn. L-ewwel referenza nsibuha fl-1672 meta kellu jinbena ħajt fuq in-naħa tal-lemin tal-knsija peress li s-saqaf kien qiegħed iċedi. Fil-bidu tas-seklu tmintax il-patrijiet għamlu tliet bandi biex iwissu li kull min jitfa' ż-żibel madwar il-knisja mitluqa kien jeħel multa. Fl-1713 il-knisja tant kellha ħsara li kellha kważi terġa' tinbena mill-ġdid. Dan sar billi l-knisja nbniet ġo dik li kien hemm, mingħajr ma twaqqgħet l-antika. Minn dan iż-żmien 'il quddiem, il-knisja kellha biss altar wieħed - dak tat-tħabbira lil Marija. F'dan iż-żmien ġie restawrat ukoll il-kwadru titulari tal-Lunzjata li kien hemm f'dak iż-żmien.

Fl-1759 inxtrat tarġa tal-ġebel mingħand l-imgħallem li kien qiegħed jagħmel l-irħam tal-katidral tal-Imdina u din tpoġġiet fuq l-altar tal-knisja tal-Lunzjata.

Fl-1844 reġgħet saret tiswija ġenerali oħra. Mas-saqaf tal-knisja minn ġewwa għadhom jidhru minquxin id-dati 1714 u 1844 li jfakkru ż-żewġ restawri kbar li saru fuq dan il-bini.

Oriġinarjament, lejn l-1570, il-knisja kellha wkoll kampnar f'nofs il-knisja li kellu minn tal-inqas erba' qniepen. Dan inħatt fi Frar 1693, ftit wara li kien sar terremot qawwi li ħezżeż lil Malta kollha u għamel ħsarat irreparabbli fil-knisja katidrali tal-Imdina u fil-matriċi tal-kastell ta' Għawdex. Probabbli din il-knisja wkoll ħasset xi ftit u għalhekk inħatt il-kampnar biex ma jkunx ta' periklu li minn ħin għall-ieħor seta’ jċedi. Fl-1846 sar il-kampnar żgħir li naraw illum mal-faċċata, u li fih iżomm qanpiena waħda li ngħatat mill-patrijiet Karmelitani ta' Fleur-de-Lys.

Il-kunvent

Għalkemm fit-testment ta' Donna Margarita ma jissemma ebda kunvent, nifhmu li mal-knisja kien hemm xi kmamar li fihom setgħu jilqgħu lill-membri ta' dik l-Ordni li kellhom jibdew juffiċċjaw fil-knisja. Kitbiet antiki jsostnu li huma bnew kunvent fl-1517 u ieħor aktar modern fl-1570.

Fil-minuti tal-kapitlu tal-1546 naqraw li l-patrijiet kellhom bżonn jibnu kunvent aħjar minn dak li kellhom, peress li dan la kien fih kjostru u anqas ċelel. Jidher li l-ewwel darba li jissemma li kien hemm kunvent xieraq fejn kull patri kellu ċella tiegħu u li kien fih ukoll refettorju kien fl-1612. Fis-snin ta' qabel kienu saru xogħolijiet ta' tibjid, twieqi u bibien ġodda kif ukoll l-iċċangjar ta' diversi partijiet minnu. F'daż-żmien kien sar ukoll maħżen biex fih jintrefa' l-qamħ. Lejn din is-sena wkoll inbena l-kjostru u ġie magħluq b'xi twieqi, inbniet stalla għall-bagħal u nbniet ukoll kamra tal-għodda fil-bitħa. Bejn l-1613 u l-1617 inbena kuritur ġdid biċ-ċelel, tħaffer bir taħt il-kċina u maħżen maġenbha kif ukoll xi statel oħra. Fl-1620 twaqqa' r-refettorju l-antik u nbena ieħor akbar. Saru wkoll diversi garigori ta' taraġ biex jintlaħqu b'mod aktar komdu d-dormitorji ta' fuq u l-kampnar. Ix-xogħol fuq il-kjostru kompla bil-bini tal-loġoġ fl-1623. Fl-1632 inbniet dar għall-ġardinar li kien jaħdem hemm.

Il-kunvent jidher li kien lest minn kollox lejn is-sena 1646, ħmistax-il sena biss qabel ma ġie mitluq meta l-patrijiet ġarrew għall-Imdina.
 
Fl-1662 parti mill-kunvent kellha xi ħsarat, għalhekk il-patrijiet qabdu lil mastru Girgor Gerinaldo biex iħottha. Ittieħed ħafna mill-ġebel li kien għadu tajjeb biex jintuża biex jinbena l-kunvent il-ġdid ġewwa l-Imdina.  Fl-1747 dak li kien baqa' mill-kunvent l-antik inħatt kompletament u floku nbena kunvent ieħor, ferm iżgħar, taħt id-direzzjoni ta' mastru Pietru Debono.  Bejn l-1844 u l-1852 reġa' sar restawr estensiv tal-bini.

Mis-snin sittin tas-seklu għoxrin 'il hawn saru diversi tentattivi biex dan il-post storiku jerġa' jingħata l-ħajja. Il-post kellu jinbidel f'ċentru tal-irtiri u post ta' devozzjoni Marjana.  Intagħżlu tliet patrijiet biex jieħdu ħsieb dan il-proġett: patri Ewġenju Tonna, patri Serafin Abela u patri Patrick Abela u x-xogħol beda. Il-bini reġa' ġie rranġat fejn kellu bżonn, il-knisja nbarxet u nbena ċentru tal-irtiri biswit il-kunvent.

Is-sorijiet tas-Sacred Heart tar-Rabat (fejn illum hemm is-Seminarju) irregalaw il-bankijiet lill-knisja minħabba li dak iż-żmien il-kulleġġ Mater Admirabilis kien magħluq u kien għad m'hemmx il-ħsieb li s-Seminarju jiġi trasferit għal hemm.  Is-sorijiet ta' Santa Dorotea tal-Imdina rregalaw il-Via Sagra waqt li l-patrijiet Karmelitani ta' Fleur-de-Lys irregalaw tliet qniepen, li waħda minnhom għadha fil-kampnar, flimkien ma' xi għamara.

Il-post infetaħ mill-provinċjal patri Ġustin Sant fil-5 ta' April 1975 u wara tbierek mill-ġdid. Ix-xogħol kompla u fl-1984 l-għalqa li kienet flok il-bitħa l-antika tal-kunvent ġiet iċċangjata u nbidlet fi knisja għall-beraħ.

Iċ-ċentru tal-irtiri nbena bejn l-1985 u l-1990. Iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ġeneral tal-Ordni, patri John Malley fis-17 ta' Marzu 1990. Illum huwa wieħed miċ-ċentri ta' talb l-aktar frekwentati f'Malta, fejn apparti mill-kumdità u l-paċi joffri wkoll distakk mill-istorbju tal-ħajja ta' kuljum.

Għeluq

Kważi kważi nistgħu ngħidu li d-devozzjoni lejn il-Madonna, dik li laqgħet u wettqet dak li ried minnHa l-Mulej, hija l-bidu u t-tmiem tal-istorja ta' dan il-post qaddis u storiku. Hekk kif dan il-kumpless għadda minn ħafna stejjer ta' bidla sakemm illum sar ċentru ta' talb fejn wieħed litteralment iduq ftit mill-ġmiel tal-Karmelu (il-ġnien ta' Alla), j’Alla aħna wkoll fuq l-eżempju ta' Marija qatt ma nibżgħu mill-bidliet li tippreżentalna l-ħajja.  Jekk inżommu ħarsitna marbuta magħHa u ma' Binha żgur li naslu biex il-bidla twassalna għal stat għola u aħjar ta' ħajja, fejn ingawdu aktar il-ħbiberija u l-għaqda ma' Alla.

Kitba ta’ Fr. Jonathan Farrugia
Ritratti ta' Fr. Jonathan Farrugia, Caroline Busuttil u Stanley Spiteri

Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Fr Joanthan Farrugia
Ritratt - Stanley Spiteri

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017