KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Tony Bonello

Il-kappella tal-Kunċizzjoni
~ L-Aħrax tal-Mellieħa ~

Jekk f'Malta hawn veduta ferm sabiħa, bla dubju hija l-bajja tal-Mellieħa”. Hekk għanna Sammy Bartolo fid-diska popolari u li tista’ tgħid saret sinonoma m’ismu. Iżda il-Mellieħa mhux din il-bajja biss għandu sabiħa. Jekk timxi t-telgħa lejn iċ-Ċirkewwa u ddur fuq il-lemin lejn l-Armier u tibqa’ timxi, tasal f’post imsejjaħ “l-Aħax tal-Mellieħa”. Dan hu post totalment differenti mill-bajja tal-Mellieħa iżda xorta waħda ferm sabiħ fin-natura selvaġġa tiegħu, tant li l-istess Sammy Bartolo, ta’ Mellieħi li kien, apprezza wkoll is-sbuħija ta’ dan il-post u għanna dwaru f’diska oħra msejjħa “Għanja lill-Aħrax”.

Il-Mellieħa u l-inħawi tal-Aħrax

L-isem “Mellieħa” possibilment hu ta' nisel Grieg, billi Melleca, li tfisser “għasel” kienet industrija antika f'din il-parti ta’ Malta. Tifsira oħra tista’ tkun li l-isem hu mnissel mill-kelma “melħ”, li hi kelma t'oriġini Semitika. Din ukoll hi marbuta ma’ industrija tal-lokal għax kien jinġabar il-melħ minn salini li kien hemm mal-kosta fi żmien il-medjuevu u anke qabel.

Il-Mellieħa hu l-aħħar raħal li niltaqgħu miegħu aħna u sejrin lejn it-Tramunana ta’ Malta qabel ma naqsmu l-fliegu għal Għawdex. Hu raħal qadim ħafna u jissemma’ li kien diġà parroċċa fl-1436 meta l-Isqof Sqalli ta’ Malta, Senatore de Mello, ordna li ssir lista tal-benefiċji kollha li kien hawn f’Malta. Dak iż-żmien il-Mellieħa, bħala parroċċa kien jiġbor fih ukoll Ħal Dragu, Ġebel Għażara, Ġebel Manikatu (il-Wardija), Ħal Pessa u Ħal Dmiegħ.

Is-Santwarju tal-Mellieħa huwa wkoll antik ħafna u hu fost l-eqdem tempji Nsara li hawn f’Malta. Skont it-tradizzjoni, kien San Pawl innifsu li qaddes dan l-għar tal-Madonna. Qabel, tkompli tgħid it-tradizzjoni, dan l-għar kien miżmum f’gieħ in-ninfa Calipso u meqjum ħafna mill-baħħara. Dan is-Santwarju għall-ewwel kien iddedikat lill-maternita tal-Madonna iżda wara r-rebħ tal-Assedju l-Kbir ġie ddedikat mill-ġdid lin-Natività ta’ Marija Santissima, jew kif nafuha aħjar, il-Vitorja.

L-isem tal-lokal tal-Aħrax jiddeskrivi sew l-inħawi. Dawn huma nħawi fit-tarf tal-gżira ta’ Malta, fuq in-naħa tal-Grigal. Huma art selvaġġa u ġeblija, b'ħafna sisien weqfin u xtut bi blat u ġebel li jagħti direttament għal fuq il-baħar.  Minn hawn tista’ tara sew ‘l Kemmuna u ‘l Għawdex. Iżda għalkemm ambjent selvaġġ, ma jfissirx li hu mejjet għax fih tinsab firxa ta’ flora u fawna tipikament tax-xagħri li għandna f’Malta.  Fil-post jikbru pjanti bħas-sagħtar, l-erika, it-tengħud ta' Malta u xi tipi ta’ orkidi.

L-inħawi magħrufin bħala l-Irdum tal-Madonna fl-Aħrax tal-Mellieħa huma mportanti wkoll għax ibejtu hemm għadd ta’ għasafar, fosthom il-garni u ċ-ċiefa. Għasafar residenti jinkludu ukoll il-merill, l-għasfur nazzjonali ta' Malta. F'Malta jbejtu sa 10% tal-garni kollu tad-dinja, u terz minn dawn ibejtu f’dawn l-inħawi tal-Irdum tal-Madonna. Il-popolazzjoni ta' għasafar f'dan is-sit huma importanti fuq skala Ewropeja u għalhekk dan is-sit issa huwa wkoll “Żona Speċjali ta' Konservazzjoni” peress li fih jgħixu komunitajiet ta' flora u fawna importanti u vulnerabbli. L-inħawi llum jintużaw ukoll minn familji li jmorru jistrieħu u jiddevertu f’dan il-post sabiħ f’kampeġġ fil-viċin.

Il-kappella tal-Kunċizzjoni

Dwar il-kappella tal-Aħrax tal-Mellieħa, iddedikata lill-Kunċizzjoni, sfortunatament ftit li xejn hemm informazzjoni dokumentata. Peress li din il-kappella mhix antika, la nsibu nformazzjoni f’rapporti ta’ viżti pastorali bħal ta’ Dusina tal-1575 u lanqas fil-ktieb ta' Achille Ferres tal-1866 (Descrizzione storica delle Chiese di Malta e Gozo).
 

Ritratt - Anthony M. Brincat


Qabel ma kienet inbniet l-ewwel kappella tal- Kunċizzjoni fuq ir-Rdum tal-Madonna, fl-Aħrax tal-Mellieħa kien hemm niċċa li kienu jsibuha bħala “l-Fgura tal- Aħrax”, kif wieħed jista' jara f'mappa tan-Naxxar li saret fl-1783.

Dwar il-kappella nnifisha, Alfie Guillaumier jgħid li nbniet fil-"bidu tas-seklu l-ieħor", preżubilment kien qed jirreferi għall-bidu tas-snin 1900 għax id-data tal-publikazzjoni tal-ktieb tiegħu iġġib is-sena 2002.  Barra minn hekk, kieku kien qed jirreferi għall-bidu tas-seklu 1800, allura kien isemmiha wkoll Ferres fil-ktieb tiegħu tal-1866.

Il-kappella hi ddedikata lill-Madonna tal-Kunċizzjoni u hija magħrufa wkoll bħala "tan-niċċa", minħabba n-niċċa li kien hemm fil-viċin li diġà semmejniha aktar kmieni. Fil-viċin illum hemm statwa tal-Madonna tal-Kunċizzjoni, mikxufa, fuq pedestall għoli. Il-knisja oriġinali kienet inbniet ferm viċin ix-xifer tal-irdum tal-qawwi bis-saff tat-tafal taħtu. Biż-żmien l-irdum beda jċedi u bdew jitfaċċaw konsenturi fil-binja.  Il-knisja bdiet tiġġarraf ftit ftit,  bil-biża’ li jiġġarraf kollox u jmur kollox fuq il-blat ta’ taħt fejn ibejjed il-garnaw – dan barra l-periklu mortali għal min seta’ kien ikun hemm fiha f’dak il-mument.  Fl-1961 il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid aktar ‘il ġewwa mix-xifer tal-irdum fuq disinji ġodda li iżda kienu fuq l-istess stil u jixbħu ‘l dik li kien hemm qabel. Il-perit tal-knisja l-ġdida kien is-Sur Gorg J. Galea filwaqt li l-imgħallem kien Ġużeppi Bartolo.

Illum hemm biss il-kappella ġdida mibnija fuq stil modern. Iżda sa ftit snin ilu, ftit passi eqreb lejn xifer l-irdum, kien għadu jidher il-fdal ta' kappella  l-oħra, bl-imramma mikxufa tal-mazkan u I-ħamrija, u nofsha mġarrfa. Din għebet fix-xejn b'mod kemmxejn misterjuż fis-snin disgħin, u saħansitra l-pedament baxx tagħha donnu żvinta!  Min jaf jekk il-ġebel misruq tagħha jinstabx fxi ġnien privat? Nafu biss li ntilfet binja storika li kellha rabta folkloristika qawwija mal-inħawi, tant li huwa mfakkar mhux biss fl-istess ponta ta' taħtu, iżda wkoll fl-irdum ta' biswitu (l-lrdum tal-Madonna) u fl-artijiet kollha tal-viċin: l-Aħrax tal-Madonna.   Ir-ritratt l-antik li qed nirriproduċu jagħtina ħjiel tajjeb ta’ kif kienet tidher din il-kappella l-antika.

Il-knisja minn barra u minn ġewwa

Il-knisja għandha altar wieħed li hu magħluq minn kanċell tal-ħadid. Dan il-kanċell tqiegħed hemm għal raġuni ta’ sigurtà iżda vagament jixbaħ l-“iconostasis” li wieħed kien isib f’xi kappelli medjevli.  Attwalment iservi wkoll bħal dawk it-twejqiet żgħar fil-faċċati ta’ xi kappelli li kienu jħalluk tinviżta s-sagrament anke meta l-knisja tkun magħluqa u mhux mgħassa. 

Il-kwadru titulari juri ‘l Kunċizzjoni u hu kopja tal-istess wieħed li kien hemm fil-knisja li ġġarfet. Il-kwadru oriġinali hu mpinġi fuq l-injam u llum jinsab miżmum fis-Santwarju tal-Mellieħa.  Fih hemm jidhru l-armi tal-Gran Mastru Antoine de Vilhena u tal-isqof Alpheran de Bussan. Dan ifisser li l-kwadru sar bejn is-snin 1728 u 1736, li hu l-perjodu meta kien hemm il-Gran Mastru Vilhena u l-isqof de Bussan it-tnejn fil-poter. Ifisser ukoll li dan il-kwadru nġieb minn x’imkien ieħor għax kien sar ferm qabel ma nbiet l-ewwel kappella qabel ma issa tqiegħed fis-Santwarju. Il-kappella għandha statwa żgħira tal-Kunċizzjoni u xi nkwatri bi stampi sagri.


Ritratt - Anthony M. Brincat


Il-faċċata tal-knisja l-ġdida għandha bieb wieħed u portiku żgħir, xi ħaġa li l-knisja oriġinali ma kelliex. Il-knisja, li hi miżmuma tajjeb ħafna, fiha tliet bibien biex wieħed jidħol minnhom. Fil-ħitan tal-ġenb hemm żewġ twieqi u fuq wara hemm żewġ kmamar żgħar li jservu ta’ sagristija – liema kmamar ukoll ma kinux jeżistu fil-kappella oriġinali.

Mad-dawra tal-binja tal-kappella li naraw illum hemm gwarniċa kwadra u fil-faċċata hemm pediment triangolari li fih plakka taċ-ċeramika bil-monogramma tal-Madonna. Il-knisja li ġġarfet kellha wkoll pediment vagament triangolari iżda li l-ġnub tiegħu kienu kemxejn ittondjati. Fil-ponta ta’ dan il-pediment fil-kappella l-antika kien hemm ukoll disinn tal-ġebel li seta’ serva ta’ bażi għal xi salib ċkejken. Fil-ġnub kellha xi mwieżeb ukoll.

Kemm il-kappella l-antika kif ukoll dik il-ġdida kellhom zuntier żgħir iżda iz-zuntier ta’ dik tal-lum hu mdawwar bil-balavostri tal-ġebel. Is-sajjieda, bħal dawk ta’ dari, jużaw din il-kappella biex minn fuqha jieħdu d-direzzjonijiet lejn il-postijiet tas-sajd jew meta jkunu deħlin lura lejn ix-xatt. Il-knisja l-ġdida tbierket f'Diċemebru tal-1961.

Leġġendi

Is-sajjieda Melleħin minn dejjem kellhom qima kbira lejn il-Madonna tal-Aħrax, li barra li kienu jitolbuha biex tibgħathielhom tajba u ddaħħalhom lura bis-sliema, kienet taqdihom ta' sinjal biex ikunu jafu fejn qiegħdin.

Il-Madonna tal-Aħrax, kienu devoti tagħha mhux biss is-sajjieda tal-inħawi, imma l-baħħara kollha li kienu jkunu għaddejjin minn għaliha. Barra l-Għawdxin huma u ġejjin jew sejrin bid-dawra lejn Malta, kien hemm ukoll dawk li kienu jkunu sejrin lejn Sqallija, li għalihom l-lrdum tal-Madonna kien ikun l-aħħar art qabel ma jsibu ruħhom bejn sema u ilma, fejn setgħu jiltaqgħu mal-kursara jew ma' xi maltempata. Ħadd minn dawn ma seta' ma jitlobx lill-Kunċizzjoni biex twasslu qawwi u sħiħ.

Bħal għadd ta’ kappelli oħrajn, ma’ din il-kappella (l-antika) nibtu leġġendi u stejjer li l-oriġini tagħhom intilfet fiż-żmien. Rakkont minnhom isemmi’ sajjied li nqaleb bid-dgħajsa fl-inħawi u kien ser jegħreq. Dakinhar sieħbu li kien miegħu ma kienx salva u għereq, imma hu kien daħal l-art b'wiċċ il-ġid.  Hu kien wiegħed ‘l Madonna li jekk isalva mill-għarqa jibni din il-kappella. Il-grazzja nqalgħet għax is-sajjied salva u wettaq il-wegħda li kienm għamel mal-Madonna.   Storja oħra simili tgħid li kien kaptan Ingliż li kien qed jegħreq f’nawfraġju u li kien għamel u wettaq il-wegħda.

Iżda leġġenda oħra tagħti verżjoni totalment differenti ta’ għalfejn u kif inbniet il-kappella. Ħmar ta’ bidwi li kien qed jaħdem fil-qrib żelaq f’xifer l-irdum u sidu talab ‘il Madonna sabiex il-ħmar li kellu ma jmutlux għax kien jaqla’ ħobżu bih. Il-grazzja nqalgħet u l-wegħda nżammet. Il-kappella nbiet f’xifer l-irdum, forsi biex tfakkar il-lok preċiż fejn żelaq il-ħmar. Iżda jekk din kienet ir-raġuni għall-għażla tas-sit, nistgħu ngħidu li din kienet għażla xejn feliċi għax, kif diġà għidna, din il-knisja ġralha wkoll bħall-ħmar għax iġġarfet u kważi waqgħet fl-irdum!

Wieħed jista’ biss jispekula dwar ir-raġuni oriġinali għalfejn kienet inbiet kappella hawn f’lok daqstant imwarrab u ostili, iżda ta’ min jirrimarka ukoll li dawn l-inħawi għandhom ftit rabta ma’ din l-aħħar leġġenda għax lejn it-Tramuntana ta’ din il-kappella l-irdumijiet jissejħu “Rdum tal-Madonna” waqt li dawk fuq in-naħa ta’ Nofs in-Nhar tal-kappella jissejħu “Rdum il-Ħmar”.
 
Kitba ta’ Noel Ciantar
Ritratti ta’ Anthony M. Brincat, Effie Ciantar, Tony Bonello u mill-Internet

KuncizzjoniTal-AhraxTal-MelliehaSATELLITE
Ahrax map
yelkouan-shearwater
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Effie Ciantar
Ahrax old map
Ritratt - Tony Bonello - Ottubru 1977

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com