KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Caroline Busuttil

Il-knisja tal-Madonna ta’ Liesse
~ Valletta ~

Fix-xatt tal-Belt Valletta iktar ‘l isfel mill-Victoria Gate insibu knisja verament sabiħa ddedikata lill-Madonna ta’ Liesse. Mill-Barrakka ta’ Fuq wiehed jista’ jara veduta sabiħa ħafna tal-koppla ta’ din il-knisja.

Ritratt - Noel Ciantar


Devozzjoni tal-Kavallieri Franċiżi

Wieħed mill-aktar perjodi mportanti fl-istorja tal-gżejjer Maltin kien meta l-gżejjer tagħna kienu taħt il-kontroll tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dan il-perjodu kien twil mhux ħażin, u wieħed jista’ jimmaġina għaliex għadna sal-ġurnata tal-lum naraw ħafna mill-bini u devozzjonijiet li ħallewlna, barra minn affarijiet oħra li daħħlu fostna huma stess.

Wara l-bini tal-Belt Valletta, il-Kavallieri ħasbu wkoll biex ikollhom it-tqassim tal-istess Belt skont il-bżonnijiet partikulari tagħhom. Dan kellu jkun billi minflok ma tpoġġew il-bereġ tal-kavallieri tagħhom mibnija f’rokna partikulari (il Collachio), ħasbu ħalli jħallu lil kulħadd jibni fejn ħaseb li kien l-aħjar għalih. Hekk seħħ, u l-Kavallieri bnew il-bereġ tagħhom madwar il-Belt Valletta kollha.

Fix-xatt tal-belt Valletta hemm knisja sabiħa, u mżejna tajjeb. Din il-knisja nbniet fil-bidu tas-seklu sbatax mill-kavallieri tal-Lingwa Franċiża. Dawn riedu li jkollhom il-knisja nazzjonali wkoll, bħal ma kellhom kważi l-lingwi kollha l-oħra. Bħala dedikazzjoni, l-istess kavallieri Franċiżi ħasbu ħalli jdaħħlu d-devozzjoni tal-Madonna ta’ Liesse f’Malta wkoll, devozzjoni li għalihom kienet diġą importanti, iżda li f’Malta kienet għadha mhux magħrufa.

L-istorja ta’ din id-devozzjoni hija interessanti, u wieħed jista’ jgħid li hija taħlita bejn il-leġġenda u l-istorja tal-istess Ordni ta’ San Ġwann fi żmien ta’ meta kienu għadhom fl-Art Imqaddsa.

ll-Leġġenda   (Għall-verżjoni ta' Tony C. Cutajar, ara hawn:    )

L-istorja tal-Madonna ta’ Liesse għandha x’taqsam ma’ tliet aħwa, li kienu minn Picardy, fi Franza, u li kienu membri tal-istess Ordni ta’ San Ġwann. Dawn it-tliet kavallieri kienu meqjusa fost l-aħjar, iżda waqt waħda mill-ġliediet tagħhom kontra l-Musulmani fis-Sirja, inqabdu priġunieri wara li ġew feruti.

Ittieħdu lejn il-Kajr, fejn ingħataw bħala rigal lis-sultan ta’ dik il-belt. Minn dejjem kienet meqjusa ta’ prestiġju li jkollok kavallieri priġunieri tiegħek. Dawn it-tliet kavallieri mhux biss inżammu iżda ġibdu daqsxejn tal-attenzjoni fuqhom ukoll. Dawn, skont id-dokumentazzjoni ta’ Bosio, li kien storiku mill-aktar importanti tal-istess Ordni ta’ San Ġwann, kienu jġibu ruħhom kif in-nobbli kien mistenni minnhom. Fl-istess ħin dan kien biżejjed biex ġiegħel lis-Sultan Musulman japprezza aktar x’kellu taħt idejħ. Kien minħabba f’hekk li dan waħħal f’rasu li dawn it-tlitt irġiel iġiegħelhom jaqilbu għar-reliġjon Musulmana.

Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Jingħad li dawn it-tliet kavallieri ntbagħtu f’ħabs minn fejn kien diffiċli li wieħed joħroġ. Mhux hekk biss, iżda fl-istess ħin is-sultan ħaseb ukoll ħalli jibagħtilhom l-aħjar għorrief tar-reliġjon Musulmana biex ikunu jistgħu jitkellmu ma’ dawn it-tliet kavallieri u jippruvaw jikkonvertuhom. Iżda dan kien kollu għalxejn.

Meta s-sultan induna li dawn l-għorrief tiegħu kienu fallew, huwa ħaseb biex jibgħat it-tifla tiegħu, li kien jisimha Iżmeria. Din mhux biss kienet intelliġenti fir-reliġjon Musulmana, iżda sabiħa wkoll. Għalhekk il-ħsieb kien li jekk ma kienx jirnexxielha telgħibhom bl-intelliġenza tagħha, kellha ċans ukoll biex iġegħlhom jaqilbu r-reliġjon tagħhom minħabba s-sbuħija tagħha.  Jidher li ż-żjarat tagħha bdew isiru aktar spissi u l-ħsieb beda jkun biex hi stess tkun taf aktar dwar il-Madonna.  Iżda nqalgħet diffikulta meta hija talbet li trid immaġini tal-Madonna, u l- aħwa qalulha li huma ma kellhom xejn x’juru.

Iżda Iżmeria sabitilhom biċċa njama, kif ukoll l-għodda ħalli jkunu jistgħu jagħmlu immaġini tal-Madonna. Minħabba li l-kavallieri ma kinux jafu jaħdmu l-iskultura huma qagħdu jitolbu, u meta raqdu matul il-lejl, spiċċaw biex mar iżurhom anġlu tal-Mulej fiċ-ċella tagħhom, u dan ipprepara l-istatwa tal-Madonna li riedet Iżmeria.

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Jidher li l-istatwa ntgħoġbot sew tant li l-istess tfajla Musulmana, it-tifla tas-sultan, riedet l-istatwa għaliha stess, u talbitha lit-tliet aħwa kavallieri, li riedet issalvahom.

Fil-fatt il-leġġenda tgħid li dawn l-erba’ minn nies irnexxielhom jaħarbu, u jaslu qawwijin u sħaħ fi Franza, minn fejn kienu dawn it-tliet aħwa Franċiżi, membri tal-Ordni ta’ San Ġwann.  Iżmeria kienet magħhom, u wara li din ġiet mgħallma sew ir-reliġjon Nisranija, hija tgħammdet, u ħadet l-isem ta’ Marija.

Minn dak iż-żmien ‘il quddiem din id-devozzjoni saret waħda mill-aktar importanti u popolari mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, speċjalment ma’ dawk li kienu ġejjin mill-Lingwa ta’ Franċiża. Din id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu “ta’ Liesse” ġiet introdotta wkoll fil-gżejjer Maltin, ftit wara li l-Kavallieri waslu fostna.

Ritratt - Caroline Busuttil

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Ritratt - Noel Ciantar

Nota Editorjali: Dawn il-kwadri tal-leġġenda li qed nuru ma jinstabux f'din il-knisja ta' Liesse iżda jinstabu fil-kuridur tal-kunvent tad-Dumnikani fil-parroċċa tagħhom tal-Porto Salvo (San Duminku) fil-Belt Valletta.

Id-devozzjoni f’Malta

Il-Kavallieri waslu f’Malta fis-sena 1530.  Għalkemm mill-ewwel bdew jibnu l-palazzi tagħhom, kif ukoll sptarijiet u diversi bini ieħor, l-ewwel snin tagħhom f’Malta kienu aktar ta’ tisħieħ milli ta’ xi ħaġa aktar. Iżda, hekk kif il-Kavallieri għaddew mill-martirju tal-Assedju flimkien mal-Maltin u ħarġu rebbieħa, bnew il-Belt Valletta. Barra minn hekk dawn ħasbu wkoll biex issa jibda’ jkun hemm il-bini neċessarju ħalli l-istess belt Valletta tkun magħmula kif suppost, u kif wieħed jistenna li jara belt iffortifikata tal-Ordni ta’ San Ġwann. Barra l-bereġ tagħhom, bnew diversi djar, il-knisja konventwali, l-isptar, u mbagħad anke l-knejjes nazzjonali tagħhom.

F’dawn il-knejjes tagħhom, il-Kavallieri ħasbu ħalli jintroduċu wkoll diversi devozzjonijiet li f’Malta kienu għadhom mhux magħrufa mill-Maltin. Waħda minn dawn id-devozzjonjiet kienet dik tal-Madonna ta’ Liesse. Għalkemm bħala knisja, waħda biss kienet inbniet f’Malta, madankollu niltaqgħu ma’ numru ta’ kwadri li juru li din l-istess devozzjoni kellha numru ta’ devoti wkoll. Fil-kuritur tal-kunvent tad-Dumnikani tal-Belt Valletta hemm numru ta’ kwadri li juru l-istorja ta’ din il-leġġenda li għadna kemm semmejna aktar ‘li fuq.  Barra minn hekk, hemm numru ta’ kwadri oħra li juru l-istess storja, iżda dawn jinstabu fil-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, tal-Belt Valletta wkoll. Jekk wieħed jagħmel żjara sal-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, parti mill-kollezzjoni tikkonsisti f’diversi paramenti sagri, li kienu mogħtija mill-kavallieri u l-granmastri. Sett minnhom kien ġie mogħti mill-Granmastru Alof de Wignacourt, u hemm xeni fuq dawn il-parameti li juru din l-istorja. Il-festa tal-Madonna ta’ Liesse fi żmien il-Kavallieri kienet tinżamm fis-Sibt ta’ qabel it-Tieni Ħadd ta’ Mejju.
 
Iżda d-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Liesse f’Malta hija marbuta l-aktar mal-knisja li hemm fix-Xatt tal-Belt Valletta u li hi ddedikata lilha.
 
Il-knisja l-qadima

L-ewwel knisja kienet nbniet fis-sena 1620, u l-benefattur prinċipali kien il-Balliju ta’ Armenja, is-Seneskal Fra Giacomo de Chenu de Bellay. It-tberik tal-ewwel ġebla kien seħħ f’Novembru ta’ dik is-sena u l-Granmastru Alof de Wignacourt, flimkien mal-membri tal-Ordni u l-kleru u l-Prijur tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann, ħadu sehem fiċ-ċerimonja pontifikali li nżammet fuq il-post fejn kellha tinbena l-knisja. Fl-1744 il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid, u hija dik li naraw illum il-ġurnata.
 

Pittura - Jacqueline Agius - Ta' Liesse, Valletta


Fis-sagristija hemm żewġ skrizzjonijiet ta’ min isemmi. Waħda minnhom tgħid li l-kommendatur Fra Enrico De La Salle, ħu l-qaddis San Ġwann Battista De La Salle, bħala esekutur ta’ Fra Giocomo de Bellay, li kif għidna kien bena l-ewwel knisja qabel dik li hemm illum, waqqaf fundazzjoni biex il-patrijiet ta’ Ġieżu tal-Kunvent tal-Belt, kull nhar t’Erbgħa jiċċelebraw quddiesa fuq l-altar tal-Madonna ta’ Liesse. Fil-fatt din l-quddiesa b’din l-intenzjoni għadha ssir sal-lum fil-kunvent tal-istess patrijiet u mhux f’din il-knisja.

L-irħama l-oħra ġġib id-data 1667, tfakkar li l-istess patrijiet huma marbuta li kull nhar ta’ Sibt f’din il-knisja jkantaw is-Salve Regina, il-litanija tal-Madonna u l-Ave Maria. Dan għadu jsir sal-lum fil-kunvent tal-istess patrijiet, iżda ukoll mhux f’dil-knisja.

Il-knisja li naraw llum

Il-knisja li naraw llum inbniet fl-1740, kif naraw minquxa mal-faċċata tagħha. kienet ġiet solennement ikkonsagrata mill-isqof Vincenzo Labini nhar it-23 ta’ Novembru 1806 skont kif tixhed irħama oħra qrib l-altar maġġur.

Din il-knisja għandha għamla tonda sabiħa b’numru ta’ pilastri ta’ stil kompost,  minn Joniku sa Korint, jżejnuha.  Minn fuq il-friż jitla’ gwarniċun li minn fuqu tibda’ il-koppla sabiħa ta’ din il-knisja. It-twieqi tagħha huma fuq stil verament oriġinali li jkomplu jsebbħu d-dehra arkitettonika tagħha.

Il-knisja minn barra għandha faċċata sabiħa ħafna. Fil-parti tan-nofs fuq il-bieb prinċipali naraw żewġ anġli tal-ġebel li qed iżommu kuruna ta’ pavaljun li fin-nofs tiegħu darba kien hemm riliev tal-Gran Mastru Kottoner. Fil-faċċata naraw erba’ pilastri bil-kontropilastri magħhom li fuqhom jitla’ frontispizju sabiħ ta’ stil miftuħ.

Fuq il-lemin tal-knisja naraw kampnar magħmul minn Francesco Zammit. Hu kampnar bi stil eleganti li jkompli jsebbaħ lil din il-knisja.

Il-knisja minn ġewwa

Jekk din il-knisja hi sabiħa minn barra, xejn mhi anqas sabiħa minn ġewwa. Il-knisja hi mdaqqsa u hi ddekorata sew.

L-altar maġġur huwa ddekorat ġmielu. It-titular hu xogħol ta’ Enrico Arnaux, artist li kien attiv fis-seklu tmintax fil-gżejjer Maltin. Dan il-kwadru qiegħed juri dak il-mument mill-istorja tal-Madonna ta’ Liesse, meta t-tliet kavallieri kienu reqdin, u l-anġlu kien mar ħalli jagħtihom l-istatwa tal-Madonna. Tħares lejn din ix-xena hemm imbagħad il-Madonna b’Ġesł ħdejha, imdawrin b’ħafna anġli. Fuq il-kwadru tispikka l-iskultura tal-Ispirtu s-Santu u l-kitba “Int il-ferħ ta’ Israel”. Dan l-altar kien sar fl-1804 minn Fra Ġużepp Artau kappillan Konventwali tal-Ordni li kien ukoll ir-rettur ta’ din il-knisja.
 

Ritratt - Caroline Busuttil


L-altar fuq il-lemin huwa ddedikat lil San Mauro Abbati, li kien patri Benedittin minn Messina. Fil-pittura naraw lil dan il-qaddis ifejjaq lil wieħed tfajjel li jidher mgħejjun minn ommu. Hu kwadru mill-isbaħ u jingħad li hu xogħol il-magħruf pittur Cassarino. L-isqof Dun Mauro Caruana kien kull sena jqaddes fuq dan l-altar nhar il-festa ta’ dan il-qaddis. Fuq din il-pittura fil-għoli naraw skulturati is-salib tal-Ordni.

L-altar l-ieħor huwa ddedikat lil San Luigi IX, Re ta’ Franza, bħala tifkira li kienet teżisti bejn din il-knisja u l-lingwa Franċiża tal-Ordni. F’dan l-altar wieħed isib il-korp qaddis ta’ San Generoso. Dan il-korp kien inġieb minn Ruma u qabel tqiegħed f’din il-knisja bil-ħidma ta’ Fra Ġużepp Artau, kien għamel xi żmien fil-kappella tal-Forti Manoel.

F’din il-knisja wieħed jista’ jammira l-istatwa l-qadima tal-Madonna ta’ Liesse. Nistgħu ngħidu li din hija l-unika statwa tal-Madonna ta’ Liesse li għadha teżisti għaliex l-oħra li kien hemm fis-Santwarju ewlieni f’Piccardia, Laon, inqerdet u nħarqet waqt ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Din l-istatwa, xogħol sabiħ fit-terracotta, turi lill-Madonna bil-Bambin Ġesł f’ħoġorha. Il-Kavallieri Franċiżi ġabuha magħhom Malta minn Rodi fl-1530, u wara t-tluq tagħhom mill-gżira, inġiebet f’din il-knisja mill-kappella tal-Forti Sant’Iermu bil-ħidma tar-rettur Artau.

Iktar opri f’din il-knisja

Apparti l-kwadri fl-altari li diġą semmejna din il-knisja fiha kwadri oħra ta’ importanza. Fil-fatt fil-għoli bejn il-pilastri naraw diversi kwadri. L-ewwel wieħed fuq in-naħa tax-xellug juri lil Marija Immakulata u ieħor fuq in-naħa l-oħra lil Sant’Antnin ta’ Padova flimkien ma’ San Ġwann il-Battista. Naraw ukoll kwadru ieħor li juri lil San Ġwann de la Salle, li kien sar fl-1959 biex ifakkar il-mitt sena tal-kanonizzazzjoni tal-qaddis. Għal din l-okkazzjoni kienet twaħħlet irħama viċin l-altar maġġur. Ta’ min isemmi li l-Madonna ta’ Liesse hi l-Padruna tal-Freres.

Ta’ min isemmi wkoll irħama oħra li tinsab fuq ix-xellug tal-altar maġġur li tfakkar lil Vicomte De Beaujolois, li kien ħu ir-Re Louis Philippe ta’ Franza. Dan kien miet f’Malta fl-1808 u kie ġie midfun fil-Konkatidral ta’ San Ġwann iżda skont ix-xewqa tiegħu qalbu indifnet f’din il-knisja.

Konnessjoni mal-familja De La Salle

Ta’ interess ukoll, hi l-konnessjoni bejn din il-knisja u l-familja De La Salle. L-ewwel konnessjoni tmur lura għall-benefattur li ħallas għall-bini ta’ din il-knisja. Dan kien ħalla bħala eżekutur tiegħu lil wieħed membru tal-Ordni, Fra Enrico de La Salle. Barra minn hekk, l-Ordni Reliġjuż ta’ De La Salle għandu bħala l-patruna tiegħu lill-Madonna ta’ Liesse, u għalhekk hemm irħama li tfakkar anniversarju ta’ dan l-Ordni reliġjuż f’Malta, kif ukoll tkompli l-konnessjoni ta’ De La Salle ma’ dan il-post qaddis.

Il-knisja waqt l-gwerra

Fl-aħħar gwerra din il-knisja ġarrbet ħsarat u kellha tingħalaq għal xi żmien. Iżda wara li ġiet irrestawrata reġgħat infetħet u bdiet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali tan-nies tal-Port. Ix-xogħol ta’ restawr ħa ħsiebu il-kanonku Giuseppe Arcoles. Hawnhekk saru xi tibdiliet fejn ingħalqu t-twieqi tal-faċċata.

Il-knisja ta’ Liesse u l-Appostolat tal-Baħar

Fl-1961, din il-knisja ngħatat lill-Għaqda tal-Apostolat tal-Baħar, li tieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-baħħara. Il-fundatur ta’ din l-għaqda, li twaqqfet fl-1944, huwa Patri Franġiskan ta’ Ġieżu, Patri Giuseppe Scalpello OFM, li kien il-Kappillan tal-Port kif ukoll ir-Rettur ta’ din il-knisja. Il-kappillan li jieħu ħsieb dan l-appostolat bħalissa (2008) hu Fr. Paul Attard OFM, li ilu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar ħames snin. L-appostolat, apparti lill-kapillan u ż-żewġ assistenti tiegħu Fr. Stefano Deraffaele SJ u Fr. Raymond Falzon OFM, jinkludi wkoll għaxar membri li jgħinu fix-xogħol. Il-ħidma pastorali tagħhom tinkludi li kull nhar ta’ Sibt wara nofs in-nhar iżuru l-Freeport u t-Tarzna, jitilgħu fuq l-inġenji tal-baħar u jkellmu l-kaptani tal-vapuri. Jorganizzaw quddies fuq il-vapuri kif ukoll iheġġu lill-membri tal-ekwipaġġ biex iqerru u jitqarbnu. Iqassmu wkoll materjal bħal Bibbji u qari Nisrani b’diversi lingwi. Il-hidma tinkludi ukoll għajnuna materjali u assistenza f’każijiet ta’ inċidenti u mwiet.

Minn żmien għal żmien il-kappillani tal-għaqdiet tal-appostolat tal-baħar jiltaqgħu f’kungressi internazzjonali, bħal dak li kien sar fl-2006 fil-Polonja fejn attendew għalih ukoll rappreżentanti mill-Vatikan.

Il-festa tal-Madonna ta’ Liesse

Illum il-ġurnata qiegħda terġa’ issir il-festa tal-Madonna ta’ Liesse. Il-knisja mhux biss tkun imżejna, iżda tkun ferm sabiħa. Ikun hemnm l-attivitajiet kollha li wieħed jistenna li jara fi knisja żgħira, li iżda tkun armata għall-festa titulari. Hemm ukoll statwa moderna li nħadmet ftit tas-snin ilu mill-istatwarju Albert Micallef, biex tkun tista’ tinġarr mir-reffiegħa u toħroġ iddur fl-inħawi. Din l-istatwa kienet ikkummissjonata minn Fr. Ġustinu Sciortino OFM u l-kuntratt sar fis-27 t’Awwissu tal-1978 u nħadmet fl-istudio tal-artist fi Triq Leo, f’Bormla.
 

Ritratt - Noel Ciantar


L-istatwa tbierket fis-7 t’Awwissu tal-1981 minn Fr. Raymond Fenech Gonzi OFM li dak iż-żmien kien ir-Rettur tal-knisja. L-istatwa ttieħdet proċessjonalment mill-knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta għall-knisja ta’ Liesse akkumpanjata mill-Banda Stella Maris ta’ Tas-Sliema. L-ewwel darba li ħarġet mill-kappella ta’ Liesse, iżda, kienet fi proċessjoni nhar it-12 ta’ Lulju tal-1981.

Il-verżjoni tal-istatwa li naraw fir-ritratt iswed u abjad kienet distrutta kważi kompletament, għajr għall-kavallier tan’naħa tal-lemin li qiegħed quddiem il-Madonna. Illum, dan il-kavallier jifforma parti minn statwa li żżejjen it-triq quddiem il-kappella fiż-żmien tal-festa.

Għalkemm knisja żgħira, xorta waħda jkun hemm festa sabiħa. Fl-istess ħin l-istess festa qiegħda tagħti ħajja lill-inħawi, kif ukoll toffri ċ-ċans biex diversi nies ikunu jafu aktar b’din il-knisja teżor li nsibu fil-Belt Valletta.

Xi ftit tas-snin ilu il-knisja kienet reġgħat ġiet restawrata u b’hekk reġgħet ħarġet is-sbuħija oriġinali tagħha. Il-knisja tkun miftuħa regolarment għall-quddies.

Il-MEPA skedat il-kappella ddedikata ‘l Madonna ta’ Liesse bħala Monumnet Nazzjonali tal-Ewwel Grad b’Avviż Legali numru 276/2008 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta’ Marzu tal-2008.

Kitba mibnija fuq kitba ta’ Vincent Zammit b’addizzjonijiet minn artikli ta’ Tony Terribile u Fr. Paul Attard OFM, Rettur tal-knisja tal-Madonna ta’ Liesse u Kapillan tal-Appostolat tal-baħar. Użati bil-permess. Ħajr lil Fr. Paul Attard OFM talli dawwarna mal-knisja u tal-għajnuna li tana.
Leġġenda tal-Madonna ta' Liesse ta' Tony Zammit Cutajar (miżjuda bħala file PDF)
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Caroline Busuttil, Albert Micallef u Eddie Aquilina

Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Hajr lil Albert Micallef
Ritratt - Hajr lil Albert Micallef
Ritratt - Eddie Aquilina - Chapels 360
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017