KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Carmelo Bezzina

Il-Madonna tal-Abbandunati
~ Wardija, l/o S. Pawl il-Baħar ~

IKull min jgħaddi mit-triq il-ġdida li taqbeż ’il San Pawl il-Baħar, u li minn Burmarrad twassal mal-ewwel sax-Xemxija, ma jistax ma jilmaħx, imperrċa fuq l-għolja pittoreska tal-Wardija, il-knisja tal-Madonna tal-Abbandunati.  Tinsab qalb is-siġar tal-ħarrub u ż-żebbuġ li jiżegħdu fuq l-għolja magħrufa b’Tal-Ballut, sewwasew quddiem il-Ħotba tas-Sultan. Il-knisja tasal għaliha minn triq għat-telgħa fuq ix-xellug qabel tħalli Burmarrad fi triqtek lejn San Pawl il-Baħar, jew inkella min-naħa taż-Żebbieħ.

Il-Wardija: post ta’ għassa u mistrieħ
 
Minn fuq l-għolja tal-Wardija wieħed jara veduta pittoreska ta’ San Pawl il-Baħar u l-inħawi tiegħu. L-għolja, li taħtha hemm numru mdaqqas ta’ siġar tal-ballut, hija mtarrġa bl-għelieqi u l-blat samm tax-xagħri. Quddiemek tara l-Baħar Mediterran, firxa wiesgħa ta’ ilma kaħlani li jilma fix-xemx, daqqa fiddien qisu mera u oħra mqalla’ bil-mewġ li jitkisser mal-blat. Mhux ta’ b’xejn li mill-ibgħad żminijiet, saħansitra minn Żmien il-Bronż, in-nies għarfet tuża l-pożizzjoni strateġika ta’ din l-għolja biex tgħasses fuq il-bajja: għalhekk l-isem Wardija (mill-kelma “gwardija” .... post fil-għoli minn fejn issir l-għassa). Minn hawn fuq saret l-għassa għall-għadu sa minn żmien meta bdew jinbnew l-ewwel forom ta’ difiża sat-Tieni Gwerra Dinjija. Minn hawn fuq għarrxu l-għajnejn tas-suldati tad-Dejma, u sekli wara kisru d-dalma tal-lejl is-searchlights.


Ritratt - Carmelo Bezzina


Il-Wardija huwa post pittoresk. In-natura ssaħħrek. Tħossok maqtugħ mid-dinja u l-ħsibijiet li jtaqqlu moħħok jittajru maż-żiffa ħelwa malli tintasab għad-dell ta’ xi siġra. Is-seħer ta’ dan il-post qiegħed jintilef bil-mod il-mod għax it-triq tal-progress għaddiet minn hawn ukoll u warajha ħalliet ġrieħi li ma jfiqux. Fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, apparti xi griebeġ u rziezet tar-raħħala, bdew jinbnew numru ta’ palazzi ta’ membri prominenti tal-Ordni u nobbli Maltin. Hawn kienu jqattgħu jiem ta’ mistrieħ ’il bogħod mill-ibliet f’post li kien ideali għall-kaċċa. Ma’ dawn l-abitazzjonijiet inbdew għadd ta’ kappelli, ewlenija fosthom dik iddedikata lill-Madonna tal-Abbandunati.

Oriġini

L-oriġini ta’ din il-knisja u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Abbandunati jmorru lura fis-snin għas-seklu sbatax meta Malta kienet taħt l-Ordni ta’ San Ġwann.  Kien il-Balliju Fra Ramon Perellos y Roccaful, li aktar tard kellu jilħaq Gran Mastru tal-Ordni u jsaltan bejn is-snin 1697 u 1720, li daħħal fi gżiritna d-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Fra Ramon Perellos bena knisja f’ġieħ Ommna Marija fil-post imsejjaħ Ġnien Bufula jew Ġnien il-Ballut, fejn illum insibu l-Wardija. Tmiss mal-knisja hemm il-Kastell tas-Sultan, fejn Perellos kien iħobb iqatta’ l-btajjel tiegħu. Qabel, f’dan l-istess imkien, kien hemm il-ġnien tal-Vigarju Ġenerali Tolessenti. Il-bini tal-knisja nsibuh irreġistrat fl-atti tan-nutar Michele Giovanni Bonavita tal-21 ta’ Diċembru 1689, u l-festa tal-Madonna kellha tkun iċċelebrata ta’ kull sena nhar il-11 ta’ Mejju. Il-knisja tbierket mill-Vigarju Ġenerali Don Antonio Manso fit-18 ta’ April 1690.

Perellos, ta’ nisel Spanjol minn Aragona, għana l-knisja bi kwadru sabiħ tal-Madonna tal-Abbandunati, xogħol ta’ Stefano Erardi, il-pittur magħruf Malti tas-seklu sbatax. Kien minn hawn li bdiet id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu. Il-kwadru huwa kopja tal-pittura msemmija tal-Madonna bit-titlu Nuestra Senora de los Desamparados (Sidtna Marija tal-Abbandunati), miżmuma b’għożża u meqjuma bħala l-patruna ta’ Valencia.

Il-knisja attakkata mis-suldati Franċiżi
 
Meta s-suldati Franċiżi ta’ Napuljun għamlu ħerba mill-knejjes tagħna fis-sena 1798, huma ħabtu għall-knisja tal-Wardija, fost oħrajn, sewwasew nhar it-13 ta’ Ġunju fl-10 ta’ fil-għodu u ġarrew magħhom kull ma’ sabu, fided, ħaġar prezzjuż, u saħansitra l-gwarniċi tal-fidda tal-Via Sacra. Mhux talli hekk, iżda l-kwadru ta’ Erardi qalgħuh minn postu, ħarġuh fuq il-blat barra l-knisja, ħammġuh, u qatgħu għonq il-Madonna u l-Bambin. Il-bdiewa tal-inħawi, imwerwra wara li għaddiet il-ħamla, wara li sabu l-kwadru, ġabruh bl-akbar għożża, u sewwew it-tiċrita kif setgħu. Aktar qrib lejn żmienna l-kwadru ġie rrestawrat b’mod professjonali mill-Kavallier Vincenzo Bonello. Sa minn dak iż-żmien il-bdiewa tal-Wardija baqgħu jħarsu l-jum tat-13 ta’ Ġunju, u ħafna minnhom dak in-nhar jerfgħu mix-xogħol.


Ritratt - Carmelo Bezzina


Il-familja Piscopo Macedonia Zamitt

Il-knisja tal-Madonna tal-Abbandunati hija ġuspatronat tal-familja Manduca Piscopo Macedonia. Għall-Konti Bernard Manduca Piscopo Macedonia Zamitt (1891-1971) din il-knisja kienet l-għożża ta’ qalbu. Għalkemm kien minn Ħal Balzan, fejn kellu r-residenza tiegħu f’Villa Macedonia, il-Konti kien iqatta’ parti sew mis-sena fil-Wardija fil-Kastell tas-Sultan, qrib il-knisja li tant ħabb. Fil-fatt kien f’din il-knisja wkoll li ried li jindifen wara mewtu, li ġrat nhar is-6 ta’ Jannar 1971.

Sa minn żgħożitu l-Konti Bernard tilef għaqlu fuq din il-knisja, dejjem iżid u jirranġa fiha. Meta l-isqof Dom Mawru Caruana, ftit wara li laħaq, kien mar għall-festa tal-Wardija, li dak iż-żmien (1915) kienet issir f’Mejju, qal lill-Konti: “Hawnhekk għandek katidral żgħir!” Minn dak iż-żmien sal-lum il-knisja sarulha ħafna xogħlijiet. Billi l-kappella oriġinali tas-seklu sbatax kienet pjuttost ċkejkna – struttura rettangolari b’saqaf troll u faċċata lixxa u sempliċi, identika ma’ bosta knejjes oħra tal-istess epoka – fl-ewwel snin tas-seklu l-ieħor il-Konti kabbarha minn wara u żidilha l-kor u s-sagristiji, kif ukoll kappella ddedikata lil Santa Rita, biex hekk setgħet tilqa’ fiha aktar nies. Għamlilha l-paviment tal-irħam u żejjinha b’pulptu tal-ġewż. Ma setax jonqos li l-knisja jkollha wkoll l-istatwa titulari tagħha, statwa ħelwa tal-kartapesta tal-Madonna tal-Abbandunati, li saret madwar is-sena 1919 mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri (1885-1979).

Il-Konti ħa ħsieb jirranġa wkoll il-faċċata tal-knisja billi żidilha l-antifissi u frontispizju trijangulari bi statwa tal-Qalb ta’ Ġes¨ fuqu, u bena kampnar żgħir mogħni b’ħames qniepen. Aktar tard kompla żejjen il-faċċata b’żewġ statwi tal-ġebel, waħda ta’ San Bernard u l-oħra ta’ San Mikiel: San Bernard il-qaddis ta’ ismu, u San Mikiel billi għeluq snin il-Konti jaħbat f’jum il-festa ta’ dan l-Arkanġlu. Dawn iż-żewġ statwi huma xogħol l-iskultur Marco Montebello (1915-1988).  

Aktar ’il quddiem saru xogħlijiet oħra f’din il-knisja. Fis-sena 1963 ittellgħet il-koppla, u fl-1966 inbena kampnar ġdid u kbir maqtugħ mill-knisja b’mod li ma jtellef xejn mill-istil tagħha. Ftit xhur biss wara l-Konti ħaseb għal sett ta’ ħames qniepen kbar u perfettament intunati, maħduma mill-Funderija Barigozzi ta’ Milan. Il-qniepen il-ġodda kienu tbierku mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, li faħħar l-intonazzjoni tagħhom. Il-knisja għandha bosta xogħlijiet oħra sbieħ tal-arti, fosthom pitturi ta’ San Bernard, San Ġlormu, u l-Kunċizzjoni li huma attribwiti lil Francesco Zahra, kif ukoll l-istatwi tal-Kunċizzjoni, San Bernard, u l-Ecce Homo. Il-pittura tal-koppla, li turi erba’ episodji mill-ħajja tal-Madonna, u d-dekorazzjoni tagħha huma xogħol l-aħwa Pawlu u Alfred Camilleri Cauchi, u kienu inawgurati fl-24 ta’ Awwissu 1969.

Il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati fil-Wardija

Il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati tradizzjonalment issir fir-raba’ Ħadd ta’ Awwissu.  Fi żmien il-Konti Bernard kienet tiġi ċċelebrata tassew bil-kbir u kienet tiġbed lejha għadd kbir ta’ nies minn diversi bliet u rħula. Kienet tibda bit-tlett ijiem tat-tridu, kompluti bil-mużika u l-orkestra, it-translazzjoni tar-relikwa lejlet il-festa, u l-quddiesa kantata bil-paneġierku l-Ħadd fil-għodu. Il-qofol tal-festa kien jintlaħaq fil-għaxija bl-għasar solenni u l-purċissjoni bl-istatwa devota tal-Madonna tal-Abbandunati. Fil-festi ta’ barra kienu jieħdu sehem il-baned San Gabriel ta’ Ħal Balzan u San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar, u kien isir ukoll il-logħob tan-nar maħdum mid-dilettanti Balzanin, ir-raħal fejn normalment kien jgħix il-Konti Bernard.


Bil-mewt tal-Konti Manduca, il-festa tal-Wardija tilfet ħafna mill-pompa u s-solennitÓ tagħha. Kien hemm snin meta bdiet tiġi ċċelebrata bħala pellegrinaġġ devot qrib it-13 ta’ Ġunju, biex titfakkar il-ġrajja tal-1798. Aktar tard kienet trasferita għat-tieni Ħadd ta’ Lulju. Iżda mis-sena 2007, il-Konti Alfred Manduca Piscopo Macedonia, il-proneputi tal-Konti Bernard u li huwa wkoll l-eredi tat-titlu, reġa’ ta spinta ġdida lill-festa tal-Madonna tal-Abbandunati billi sabilha postha mill-ġdid fir-raba’ Ħadd ta’ Awwissu, u raddilha lura l-faxxinu li kellha fl-imgħoddi, kemm fil-funzjonijiet li jsiru fil-knisja kif ukoll bil-logħob tan-nar u s-sehem tal-banda li takkumpanja l-purċissjoni nhar il-festa.

Il-knisja llum

Matul is-sena jsiru fil-knisja diversi servizzi reliġjużi għall-komunitÓ ċkejkna tal-Wardija. Kull nhar ta’ Sibt fil-għaxija ssir quddiesa u oħra l-Ħadd fil-għodu u fil-festi. Isiru wkoll devozzjonijiet oħra, fosthom in-novena u l-funzjoni ta’ lejlet il-Milied bil-priedka tat-tifel, l-eżerċizzi tar-Randan u l-pellegrinaġġ bl-istatwa tad-Duluri, u l-liturġija tal-Ġimgħa Mqaddsa u Sibt il-Għid.


Ritratt - Anthony M Brincat


Fl-ewwel Sibt t’Ottubru jsir ukoll pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima. Fi ftit kliem, għalkemm knisja żgħira, għandha qalb kbira li tħabbat bil-qawwi bid-devozzjoni, l-aktar lejn il-Madonna, santwarju Marjan li jdewwaq ftit mill-hena u s-serenitÓ tal-ġenna lil min iżuru.

Kitba ta’ Carmel Bezzina, b’tagħrif addizzjonali minn artiklu ta’ Keith Muscat; deskrizzjoni arkittetonika ta’ Anthony M. Brincat
Ritratti ta' Carmel Bezzina, Anthony M. Brincat u Nikol Ciantar

Ritratt - Carmelo Bezzina
Ritratt - Nikol Ciantar
Ritratt - Nikol Ciantar  -  San Bernard
Ritratt - Nikol Ciantar  - San Mikiel
Ritratt - Carmelo Bezzina
Ritratt - Anthony M Brincat
Ritratt - Carmelo Bezzina    Knisja Skecc ta' Kilin
Ritratt - Anthony M Brincat
Ritratt - Carmelo Bezzina
Il-gzejjer ta' San Pawl mill-Wardija - Ritratt antik

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017