Kappella oħra li nsibu fil-kampanja Maltija hija dik iddedikata lil San Blas, Isqof. Din tinsab fit-triq li mir-Rabat tagħti għas-Siġġiewi. L-inħawi tal-madwar huma magħrufin bħala “ta’ San Blas” appuntu minħabba din il-kappella. Għalkemm din il-kappella hi aktar viċin is-Siġġiewi, tagħmel mal-Katidral tal-Imdina u hija ġuspatronat tal-istess Katidral.
San Blas
San Blas kien Isqof ta’ Sebaste fl-Armenja fis-seklu IV. Hu ħa l-martirju tiegħu fi żmien il-ħakma ta’ Licinius, madwar is-sena 316. Ftit nafu fuq il-ħajja tiegħu iżda lejn is-seklu tmienja bdew jinbtu leġġendi dwar ħajtu fil-martirjoloġiji ta’ dak iż-żmien u oħrajn ta’ aktar tard bħall-“Legenda Aurea” ta’ Jacopus Voragine. Dawn jgħidulna li San Blas twieled għand familja għanja u nobbli Nisranija. Jingħad li kien tabib iżda n-nies ta’ Sebaste għażluh bħala Isqof tagħhom. Kif kien għadu kemm sar Isqof, bdiet il-persekuzzjoni kontra l-Insara u hu ħarab lejn l-għoljiet sabiex ma jinqabadx. Iżda xi nies tal-gvernatur sabuħ f’għar, imdawwar minn annimali selvaġġi morda li kien qed jieħu ħsieb. Huwa ittieħed priġunier fuq kmand tal-gvernatur Agricolaus u ntefa’ fil-ħabs. Minħabba l-ġibda li kellu lejn l-annimali selvaġġi, hu jitqies bħala l-patrun tagħhom.
Waqt li kien fil-ħabs San Blas għamel miraklu meta fejjaq tifel li kellu xewka ta’ ħuta mwaħħla fi griżmejh u li minħabba fiha kien qed jifga. Minħabba f’hekk San Blas sar magħruf ukoll bħala qaddis li jfejjaq il-mard tal-grieżem, li fil-Medju Evu kien joqtol għadd ta’ tfal. Fil-ħabs tawħ għadd ta’ torturi, fosthom li ħallewh bil-ġuħ għal ħafna żmien. Iżda mara salvatu billi kienet teħodlu x’jiekol u xi xemgħat fil-ħabs. Fl-aħħar hu inagħta l-martirju bil-qtugħ tar-ras.
Il-kult ta’ San Blas f’Malta
Sa ftit taż-żmien ilu f’Malta kienu jbierku ħbejżiet u jitqassmu ‘l dawk preżenti fil-festa tiegħu. Dan kien isir kemm fil-Katidral tal-Imdina kif ukoll fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt. Illum din iċ-ċerimonja ssir fil-kappella li qed niddeskrivu hawn. Isir ukoll it-tberik tal-annimali u tal-prodotti agrikoli bħal żejt u larinġ. Barra minn Malta fil-festa tal-qaddis fil-knisja ssir ċerimonja fejn il-qassis iżomm żewġ xemgħat fuq ras in-nies u jgħid din it-talba: “Mulej isma’ t-talb tal-martri tiegħek San Blas. Agħtina l-hena u l-paċi f’din id-dinja u għenna naqilgħu il-ferħ ta’ dejjem”. Il-qassis ukoll imiss il-griżmejn tan-nies bix-xemgħa mbierka waqt li jgħid din it-talba: “Nitolbu biex bl-interċessjoni ta’ San Blas Alla jħarisna mill-mard tal-grieżem u minn kull deni ieħor”.
Hawn Malta San Blas jitqies ukoll bħala protettur tal-qbiela u jiġi nvokat waqt il-ħlas. Mhux magħruf għaliex din l-assoċjazzjoni (forsi għax kien tabib?) iżda jidher ukoll li din tinsab biss f’Malta. Waqt il-ħlas, kienet tingħad din it-talba: “San Blas, San Blas, wessa’ t-toqba u ċekken ir-ras!”. Fl-ikonografija ġeneralment naraw ‘il dan il-qaddis b’xemgħa jew tnejn imsallbin f’idejh jew inkella ġo għar imdawwar mill-annimali selvaġġi kif kienu sabuħ in-nies tal-gvernatur. Ma tonqosx ukoll il-palma simbolu tal-martri. Hawn Malta teżisti biss kappella waħda ddedikata ‘l dan il-qaddis, din li qed nitkellmu fuqha hawn, għalkemm darba kienet teżisti waħda oħra wkoll fin-Nadur f’Għawdex. Illum għadna naraw statwa waħda biss fit-toroq li tirrappreżenta ‘l dan il-qaddis u din appuntu tinsab ukoll fin-Nadur. Jeżistu żewġ toroq imsemmijin għalih, waħda fin-Nadur u l-oħra fil-Belt Valletta. Naturalment ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-bajja sabiħa f’Għawdex imsemmija għalih.
Il-festa tiegħu taħbat fit-3 ta’ Frar għalkemm il-kalendarju Grieg iqiegħed il-festa tiegħu nhar il-11 ta’ Frar. San Blas huwa meqjum kemm mill-knisja Kattolika kif ukoll minn dik Armena. San Blas huwa wkoll wieħed mill-14 Qaddis Awżiljarji tal-Knisja Kattolika.
Oriġini
Jidher li din il-kappella inbniet għall-ewwel darba fl-1430. Fl-atti taż-żjara ta’ monsinjur Pietru Dusina din il-kappella ma tissemhiex, forsi għax dak iż-żmien kienet diġà mġarrfa. Iżda jsemmi li t-Teżorier tal-Katidral, li fl-1575 kien dun Pietro Cubelles, kien igawdi l-Prebenda ta’ San Blas tar-Rwieħ.
|
Il-kappella reġgħet inbniet fl-1691 mill-kanonku Antonio Manso, li dak iż-żmien kien igawdi l-Prebenda ta’ San Blas. Dan kien fiż-żmien li Fra Gregorio Carafa kien il-Gran Mastru u Fra Davide Cocco Palmieri kien l-Isqof ta’ Malta. Dan kollu huwa mfakkar f’irħama li hemm fuq ġewwa tal-bieb. Il-kappella minn barra u minn ġewwa
Il-kappella għandha pjanta rettangolari b’saqaf troll li jistrieħ fuq ħames arkati. Fuq l-altar tal-ġebel, li qiegħed f’daħla mhux fonda bejn żewġ pilastri ta’ stil Toskan u magħluqa b’arkata, kien hemm pittura tal-qaddis, xogħol ta’ Giuseppe D’Arena (1633-1719). Din illum tinsab fil-Mużew tal-Katidral u flokha tqiegħdet kopja għal raġuni ta’ sigurtà. Fuq il-gwarniċ tal-kwadru hemm żewġ anġli li jzommu skrizzjoni. L-altar qiegħed tarġa għola mill-kumplament tal-knisja. L-art tal-kappella hi taċ-ċangatura li flimkien mal-ħitan li tqaxxru fuq il-ġebla jagħtu dehra ferm sabiħa lil din il-knisja.
Minn fuq l-altar hemm żewġ biebien, li minnhom tista’ tidħol għas-sagristija. Fis-sagristija hemm statwa tal-ġebel tal-qaddis. Minn hemm tista’ titla’ garigor dejjaq li jwasslek sa fuq il-bejt ta’ din il-kappella, minn fejn wieħed jista’ jara veduta mill-isbaħ tal-kampanja Maltija.
Il-faċċata hi sempliċi ħafna, b’żewġ pilastri fil-ġenb u li fuqhom għandhom speċi ta’ żewġ balavostri tal-ġebel forma ta’ fjamma. Bejniethom hemm frontispizju triangolari u kampnar żgħir ħafna, illum mingħajr qanpiena. Fuq il-bieb hemm gwarniċa u aktar ‘il fuq hemm tieqa tonda. Fuq il-ħitan tal-ġenb naraw żewġ imwieżeb li jarmu l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt. Fuq wara tal-knisja hemm kampnar ieħor. Il-bieb tal-injam fih żewġ twieqi żgħar sabiex id-devoti kienu jkunu jistgħu jinvistaw anke meta l-knisja tkun magħluqa.
Għeluq
Xi ftit tas-snin ilu din il-kappella giet restawrata għalhekk tinsab f’kundizzjoni tajba. Illum jieħu ħsiebha l-Moviment Azzjoni Soċjali (MAS) u fiha ssir quddiesa fil-għodu kull l-ewwel Ħadd tax-xahar.
Kitba ta’ Anthony M. Brincat Ritratti ta' Caroline Busuttil; Katalgu online tas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali
|